Il-ħajja ordinarja u l-ħajja spiritwali


Kitba ta’ Angelo Xuereb

Biex wieħed jimxi ‘l quddiem fil-ħajja spiritwali ma hemmx bżonn li jagħmel ħwejjeġ kbar iżda jagħmel kollox bi mħabba.

Jista’ jiġrilna li meta naqraw il-ħajja tal-qaddisin nieħdu l-impressjoni li biex issir qaddis trid tagħmel ħwejjeġ straordnarji. Nirraġunaw ftit. Veru li bosta qaddisin għamlu ħwejjeġ kbar iżda hemm ukoll ħafna qaddisin li ma għamlu xejn straordinarju. Eżempju wieħed huwa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Kienet tagħmel kollox bi mħabba kbira. U hekk nistgħu ngħidu li l-ordinarju sar għaliha straordinarju.

Għalhekk nagħmlu proponiment li noffru lil Alla dak kollu li nkunu għaddejjin minnu. San Pawl stess jgħidilna: “Mela sewwa jekk tieklu, sewwa jekk tixorbu, sewwa jekk tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla. (1 Kor 10, 31). Dan ifisser li kulma nagħmlu nistgħu nagħtuh bixra spiritwali.

Ninnutaw ftit. Kristu qatta’ l-ewwel tletin sena ta’ ħajtu f’ħajja moħbija u mbagħad għamel tliet snin ta’ predikazzjoni. Il-Verġni Marija li kienet tant mogħġuba quddiem Alla għexet ħajja moħbija. Anki San Ġorġ Preca tant ried li jgħix ħajja moħbija li kien jixtieq li wara mewtu jintesa.

Mill-esperjenza naraw li min jixtieq jagħmel ħwejjeġ kbar jispiċċa biex ma jagħmel xejn. Infatti l-istess suċċess ta’ poeti, filosofi u xjentisti kien frott ta’ ħajja ta’ studju u riflessjoni kważi mingħajr ħadd ma kien jinnotah.

Hekk ukoll il-ħajja spiritwali. Permezz ta’ ħwejjeġ żgħar in-nisrani jasal biex iħobb lil Alla fuq kollox u jiddedika ħajtu għalih. Fuq kollox, Alla ma jridx li nagħmlu ħwejjeġ straordinarji iżda bħal Santa Tereżina ta’ Lisieux inħobbuh bi mħabba kbira. U proprju din hija l-essenza tal-qdusija.