Lectio Divina tat-28 Ħadd. Sena “B”


Vanġelu (Mk 10. 17-30): “Mar fuqu wieħed u niżel għarkobbtejh quddiemu.” Insibu żewġ każi oħra fejn ġara hekk: ir-raġel ta’ Ġeraża li kellu xitan fih li ħabbtu ħafna, u l-lebbruż, li kien iħossu mniġġes. Ir-raġel tas-silta tal-lum beda jħossu bħal dawn it-tnejn għax kellu fih l-agħar xitan – dak li jġiegħlek tiggranfa mal-ġiid ta’ did-dinja, titlef rasek, ma tibqax tirraġuna aktar ta’ bniedem uman għax tagħlaq qalbek u għajnejk għall-ħtiġijiet tal-oħrajn, u tingħalaq fik innifsek. “Il-kilba għall-flus hi l-għajn ta’ kull ħażen” (1 Tim).

  1. Meta wieħed m’għandux kwiet għax iħoss li xi ħaġa mhux sejra tajjeb, imur għand tabib, psikjatra jew qassis. Dan ir-raġel ma kien jonqsu xejn, imma xi ħaġa li ma kienx jaf x’inhi kienet qed tinkwetah. Għalhekk fittex lil Ġesu, għax ħaseb li “mgħallem tajjeb” biss seta’ jfejqu. Akatarx kien ġa mar għand xi rabbi li qallu jitlob aktar u jagħti xi ħaġa karita’. Imma xorta ma sabx il-paċi tal-qalb. Jitlob lil Ġesu mhux xi favur materjali imma: “X’għandi nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” Ma qalx “biex jistħoqqli” imma “biex niret.” Ħasra li llum insibu Nsara li jitolbu biss għal grazzji materjali, u, jekk ma jaqilgħuhomx, jitilqu l-fidi, għax jaħsbu li l-ħajja ta’ dejjem għadha ‘l bogħod.
  2. “Int il-Kamdnamenti tafhom.” Hawn Ġesu jsemmi biss dawk li jolqtu l-bniedem, mhux l-ewwel tlieta. Żgur li kellu n-nuqqasijiet tiegħu, imma deher li dejjem kien fidil lejn it-Torah. B’ċertu ottimiżmu jistqarr: “Dan kollu ili nħarsu minn żogħżiti, imma xorta mhux qed inħossni f’posti bħala wieħed li qed jittama f’ħajja li ddum. Għaliex?” Din hi stqarrija sabiħa u sinċiera. Ġwanni, fl-ewwel ittra lil Timotju jgħallimna: “Jekk tħobb lil għajrek, minkejja d-difetti tiegħek, ikollok qalbek fil-paċi.” Għandu mnejn li d-dixxipli xtaqu lil Ġesu jgħidlu jagħmel xi donazzjoni għalihom li tant kellhom bżonn. Imma dan ma kienx se jsolvilu l-problema li kellu.
  3. “Ġesu xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba.” Il-verb użat huwa emblempo, i.e. ħares fil-fond ta’ qalbu. Aħna nafu kif tnejn maħbubin ħafna drabi biżżejjed jiffissaw għajnejhom f’ta’ xulxin biex jesprimu mħabbithom bla kliem. Din hi ħarsa li tikkomunika sentiment qawwi. “Ħaġa waħda tonqsok.” Hekk Ġesu qisu qed jgħid “iċ-ċirasa fuq il-kejk.” Mentri li ried ifisser hu: “Wieħed jonqsok, dak li jgħaqqadlek ħajtek ħaġa waħda u li jagħti sens għall-eżistenza tiegħek. L-inkwiet li għandek ġej mill-fatt li int bdilt dan il-Wieħed mal-ġid. Dan il-Wieħed hu Alla li jagħti skop ukoll għall-ġid li għandek. Dan l-iskop hu li taqsmu ma’ uliedu fqar.” Illum ukoll insibu ħafna Nsara tajbin li jobdu l-Kmandamenti u l-Preċetti, imma li għandhom dan l-idolu tal-flus minn flok il-Wieħed li jagħti sens għall-ħajja t’issa u dik ta’ dejjem. Jingħad li darba Rabbi qal lil wieħed dixxiplu tiegħu: “Ħares mit-tieqa u għidli x’inti tara.” Dak qallu: “Għama, zopp, armla, orfni u marid.” Ir-rabbi mbagħad żebaħ it-tieqa bil-fidda mdewba. Qallu: “Issa x’qed tara?” U d-dixxiplu wieġbu: “Wiċċi.” Il-flus ma jħallukx tara l-bżonnijiet tal-oħrajn imma l-egoiżmu tiegħek biss.
  4. “ Mur, bigħ li għandek, agħtih lill-fqar.. Il-ġid tahulek Alla biex tqassmu lill-foqra, u mhux ġidek biss imma kollok kemm int tqiegħed ruħek għad-dispożizzjoni u servizz tal-proxxmu. Investi flusek fl-imħabba u tikseb l-armonija u l-ekwilibriju interjuri, u ma tibqax itturmentat aktar. Ittrasforma l-ħajja tiegħek bijoloġika f’ħajja eterna. Investiha fl-imħabba bħala rigal lill-oħrajn. B’hekk ikollok teżor fis-sema, i.e. it-teżor tiegħek ikun Alla. Il-ġid tad-dinja ma jdumx għal dejjem. Int tixtieq tiret ħajja li ma tintemmx. Biex tasal għal dan trid tuża’ ġidek skont il-pjan t’Alla.” Dal-kliem ta’ Ġesu ma jgħoddx biss għar-reliġjużi li għamlu vot tal-faqar, imma għall-Insara kollha. Dan ir-raġel kellu ċans jikseb il-paċi tal-qalb. Qagħad iqis x’seta’ jtih il-ġid u x’kien qed joffri Ġesu. Għażel il-ġid. Ġesu ma rnexxilux ineħħilu x-xitan tal-kilba tal-flus.
  5. “Għal dan il-kliem, qarras wiċċu,” i.e. ixxokkja ruħu. Il-proposta ta’ Ġesu tixxokkja. Min iħoss li mhux hekk, sinjal li ma jkunx fehem x’tinvolvi, i.e. li mmexxu ħajjitna fuq metodu ġdid. “U telaq b’qalbu sewda għax kellu ħafna ġid.” Dan il-ġid iwiegħed lil sidu ħafna ħwejjeġ. Fil-fatt, min isir ħabib tal-flus (mammona’) ikun sar ilsir tagħhom u jibdew jiddettaw huma kif għandek tgħix, li ma jkunx dejjem aġir uman awtentiku. L-għani issa jitlaq imdejjaq għax mhux kapaċi jiddistakka ruħu mill-ġid, u għax kien jaf li l-bniedem maħluq għall-infinit, biex iħobb u jkun ġeneruż. “Alla poġġa l-infinit fil-qalb tal-bniedem” (Koħelet). Dan l-għani mdejjaq għax qed  joħnoq dal-bżonn.
  6. “Kemm hi iebsa għall-għonja biex jidħlu fis-Saltna t’Alla,” jekk jibqgħu ma jaċċettawx li jibdlu ġidhom kollu f’rigal ta’ mħabba. Hu Nisrani prattikanti mhux min imur il-Quddies biss, imma li ukoll iħaddan dil-proposta ta’ Ġesu. Min qalbu marbuta mal-ġid ikollu ostaklu kbir għax dan isir alla ieħor. Hawn min ma jaqlax xi grazzja materjali minn għan il-Mulej, u jdur lejn dan l-alla l-ieħor li malajr jikkuntentah. Dan hu ta’ periklu kbir.  Hemm diversi tifsiriet għal “għajn ta’ labra.” Waħda hi li kien hemm bieb żgħir li jagħti għat-tempju li kien forma ta’ labra, irqieq isfel u aktar wiesgħa fil-parti ta’ fuq, imma li kien baxx ħafna.
  7. “Mela min jista’ jsalva?” Issalva hawn ma tfissirx li tmur il-Ġenna imma li tħalli l-kelma ta’ Ġesu tilliberak mill-ħakma tax-xitan tal-flus. B’hekk tibda tgħix ta’ uman. Hawn Mark jerġa’ juża’ l-verb emblempo – Ġesu jħares fi qlub id-dixxipli u jgħid: “Għal Alla kollox jista’ jkun.” Min iħalli l-kelma t’Alla taħdem fih iwettaq fih bidliet mirakulużi.
  8. “..jirċievi minn issa stess għal mitt darba.” Issa stess, għax is-Saltna t’Alla tibda hawn. Hawn Ġesu jsemmi lista li tibda bil-familjari biex ifisser li ħadd m’għandu jillimita mħabbtu għall-familjari biss, imma jestendi din l-imħabba għall-proxxmu kollu. Fil-lista Ġesu ma jsemmix lill-mara, għax din hi ħaġa waħda ma żewġha. In fatti, fil-vjaġġi tagħhom wara Pentekoste, din kienet tikkumpanja lil żewġha, kif jgħidilna San Pawl. Il-“mitt darba” ma jgħoddx għall-missier, għax aħna għandna Missier wieħed.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padre fernando armellini

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.