Il-Papa f’Dar Santa Marta: Ġesù jgħallimna li fit-talb għandna niffittaw lil Alla

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis 11 ta’ Ottubru 2018. Meta nitolbu xi ħaġa mingħand il-Mulej jeħtieġ li nkunu kuraġġużi.  Dan qalu l-Papa Franġisku dalgħodu fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta.  Alla hu ħabib li jista’ jtina dak li jkollna bżonn.

L-omelija li għamel il-Papa, kienet dwar il-Vanġelu li ttina l-liturġija llum.  Il-Papa tkellem dwar it-talb, dwar kif għandna nitolbu.  Infatti, lid-dixxipli tiegħu Ġesù jirrakkuntalhom li f’nofs ta’ lejl raġel ħabbat bieb ġaru biex jitolbu xi ħaġa tal-ikel.  Ħabibu wieġeb li dak ma kienx ħin għax kien diġà mtedd, imma mbagħad qam u mar itih dak li talbu.

Il-Papa Franġisku silet tliet elementi minn dar-rakkont: raġel fil-bżonn, ħabib, ftit ħobż.  Iż-żjara tar-raġel fil-bżonn kienet għal għarrieda u t-talba tiegħu kienet insistenti għax kellu fiduċja li ħabibu kellu dak li hu kellu bżonn.  Talab bl-insistenza u b’hekk, osserva Franġisku, il-Mulej irid jgħallimna kif nitolbu.

Irridu nitolbu bil-kuraġġ, għax meta nitolbu jkun ifisser li neħtieġu xi ħaġa, normalment xi ħaġa li għandna nieqsa.  Alla hu ħabib: ħabib għani li għandu l-ħobż, għandu dak li aħna neħtieġu.  Ġesù qiesu qed jgħid: Fit-talb kunu insistenti, tgħejjewx.  Tgħejjewx titolbu għax meta titolbu jingħatalkom.

Iżda t-talb, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu, mhux bakketta maġika, ma jfissirx li malli nitolbu niksbu dak li rridu.  Mhix kwistjoni li tgħid xi żewġ Pater Noster u daqshekk.  It-talb hu wkoll ħidma, ħidma li titlob minna l-perseveranza, ir-rieda.  It-talb jitlob li aħna nkunu determinati, mingħajr mistħija.  Għaliex?  Għax inkun qed inħabbat fuq bieb il-ħabib tiegħi.  Alla hu ħabib u jien nista’ nħabbatlu bħal ma nagħmel ma’ ħabib tiegħi.  Niftakru f’Santa Monika, kemm snin damet titlob u xxerred id-dmugħ biex binha jikkonverti.  Fl-aħħar il-Mulej fetaħ il-bieb.

Franġisku rrakkonta storja li kienet ġrat fi Buenos Aires.  Raġel, ħaddiem tal-id, kellu tifla f’xifer il-mewt.  It-tobba kienu qatgħulu qalbu, imma hu vvjaġġa 70 kilometru biex mar fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Luján.  Wasal bil-lejl u s-Santwarju kien magħluq, iżda hu baqa’ wara l-bieb jitlob b’ħerqa kbira lill-Madonna: ‘Jien irrid lil binti, irrid lil binti.  Inti tista’ tagħtihieli.’

L-għada filgħodu, meta mar lura lejn l-isptar, sab lil martu li qaltlu: ‘It-tobba ħadu lit-tifla tagħmel xi testijiet oħra u ma jistgħux jispjegaw kif qamet u talbet biex tiekol.  M’għandha xejn, tinsab tajba u m’għadhiex fil-periklu.’  Dak ir-raġel, spjega Bergoglio, kien jaf kif għandu jitlob.

Il-Papa qal li għandna nħarsu lejn it-tfal kapriċċużi li meta jkunu jridu xi ħaġa, jibdew jgħajtu, jibku u jtennu: ‘Irridha, irridha!’  U fl-aħħar il-ġenituri jċedu.  Xi ħadd jista’ jistaqsini:  Imma Alla ma jirrabjax jekk nagħmel hekk?  Ġesù stess, afferma Franġisku, ħaseb għal dan u qalilna: ‘Jekk intom nies ħżiena tagħtu affarijiet tajbin lil uliedkom, kemm aktar il-Missier tas-sema jagħti l-Ispirtu s-Santu lil min jitlobhulu?’

Huwa l-ħabib li jagħti dejjem it-tajjeb.  Jagħti aktar: int titolbu jsolvilek il-problema u Hu jsolviha u jtik ukoll l-Ispirtu s-Santu.  Aktar milli titolbu.  Naħsbu ftit dwar kif nitolbu: bħall-pappagalli?  Nitlob bil-ħerqa f’qalbi dak li għandi bżonn?  Nitqabad ma’ Alla fit-talb biex itini dak li neħtieġ, dment li hu tajjeb?  Nitgħallmu kif għandna nitolbu minn dal-pass tal-Vanġelu, temm Papa Franġisku.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

 

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Leave a Reply

%d bloggers like this: