Xahar missjunarju straordinarju. 


Xahar missjunarju straordinarju f’Ottubru 2019 skont ix-xewqa tal-Papa Franġisku.

It-Tnejn 22 ta’ Ottubru 2018: Se jkun xahar straordinarju ix-xahar missjunarju li jmiss fl-2019, skont ix-xewqa tal-Papa Franġisku sabiex “jitqajjem dejjem iżjed l-għarfien dwar il missio ad gentes u terġa’ tibda b’iżjed ħeġġa il-bidla missjunarja fil-ħajja u fil-pastorali.

ad-gentes-divinitus-1It-tħabbira ta’ dan ix-xahar straordinarju li għad m’hemmx tagħrif dwar id-dettalji, ingħatat waqt il-velja djoċesana li s-soltu ssir f’Ottubru missjunarju u li saret nhar il-Ħamis 18 t’Ottubru fil-Bażilka ta’ San Giovanni fil-Lateran u li kienet imxandra dirett fuq il-paġna tagħna (Radio Più) tal-Facebook.

“Ħtafna l-okkażjoni tal-velja biex nagħtu din l-aħbar, imma s’issa m’għad għandna ebda indikazzjoni programmatika – hekk spjega waqt ix-xandira mons. Paolo Lojudice, l-isqof inkarigat miċ- Centro per la Cooperazione Missionaria tra le Chiese -, imma wera l-fehma li jista’ jkun hemm iktar x’jitħabbar f’għeluq is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-żgħażagħ”.

Velja li kellha ssir qabel il-Ġurnata Missjunarja Mondjali fil-21 t’Ottubru u li, fuq l-istess linja tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-żgħażagħ, se jkollha bħala tema ”Żghażagħ għall-Evanġelju”.

Sadanittant it-tema li ngħażlet għall-mument ta’ talb djoċesan “Żagħżugħ mexa wrajh”, qed tieħu spunt mill-Evanġelju ta’ San Mark u terġa’ tfakkar f’wieħed mill-mumenti l-iżjed diffiċli fil-ħajja ta’ Ġesù, meta fil-Ġetsemani daq is-soltudni, u fejn, abbandunat minn kulħadd, żagħżugħ li kien segwieh skappa u ħalla l-liżar li bih kien mgħotti jaqagħlu u hekk sab ruħu għeri.

Minn din l-immaġni mimlija swied il-qalb jingħata bidu għar-riflessjoni tal-Kardinal Vigarju De Donatis, li jagħti l-assembleja x’taħseb billi jagħmel xi mistoqsijiet: “Fejn ninsab jien fir-rapport tiegħi ma’ Alla”? De Donatis ifakkar li hi propju din il-mistoqsija il-qofol tar-riflessjoni komunitarja tad-djoċesi: “Bħala Knisja ta’ Ruma aħna qegħdin ngħixu l-istaġun tal-konverżjoni missjunarja fil-pastorali tal-komunitajiet Insara tagħna u l-konverżjoni missjunarja hi kollha kemm hi konverżjoni li titwieled minn din il-mistoqsija: fejn ninsab jien fir-relazzjoni tiegħi ma’ Alla”?

Biex jintrebaħ dak il-biża’ li ħakem ukoll liż-żgħażugħ, il-Kardinal De Donatis jipproponi immaġni oħra: dik tat-tħabbira għax “f’Marija insibu l-veru post u l-mod ġust ta’ kif għandna nsibu ruħna quddiem Alla”. Fil-fatt Marija quddiem l-anġlu ma tibżax, “ma tinħebiex, ukoll jekk tħossha beżgħana, li hu il-veru mod kif wieħed għandu joqgħod quddiem Alla”. Il-kardinal jisħaq li biex wieħed jegħleb il-beżgħat jeħtieġ li jkun imlibbes mill-ġdid bl-Ispirtu s-Santu, l-istess li bih kienet imlibbsa Marija quddiem l-anġlu, li ”jippermettilna li noqogħdu quddiem Alla, mingħajr biża’” u permezz tas-smigħ tal-Kelma “tagħmilna qaddejja f’relazzjoni awtentika ma’ Alla”.

Fl-aħħarnett, il-Vikarju tal-Papa Franġisku għad-Djoċesi ta’ Ruma, jitlob grazzja għall-fidili kollha preżenti, jiġifieri li nagħrfu nissieltu mal-beżgħat u d-dgħufija tagħna stess u nħallu kollox fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li “jagħmilha possibbli li flok ma naħarbu naslu biex insegwuh u ngħaddu għall-missjoni”. “Qabel ma titilqu għal kull missjoni – itemm jgħid il-kardinal – tridu titilqu mit-tweġiba li nagħtu għal din il-mistoqsija: fejn int, fejn tinsab fir-relazzjoni tiegħek ma’ Alla? Hu il-Mulej li qed jindirizzaha lilna. Meta dan ikun iċċarat għandna dejjem inkunu lesti għall-missjoni li l-Mulej qed isejħilna għaliha”.

Ix-xhieda

Fost il-waqtiet li l-iktar spikkaw f’din is-serata, li kienet animata b’kant u sfin minn kull rokna tad-dinja, ix-xhieda ta’ xi żgħażagħ li fis-sajf li għadda għexu esperjenza missjunarja fil-Brażil u l-Możambique. Giulia mill-parroċċa ta’ Ġesù ta’ Nażaret, li flimkien ma’ Alessandro u Elena, mill-parroċċa ta’ San Polikarpu, għexu fil-missjoni ta’ Itacuruba fil-Brażil. Min dak li rrakkontaw ħareġ kemm kienet intensa l-esperjenza li tathom “għajnejn u qlub ġodda”, u saħqu fuq kif huma, fi kliemhom “irċevejna ferm iktar milli aħna tajna” u li kienet esperjenza unika li tathom iċ-ċans li “ninvolvu ruħna u nħabbtu wiċċna ma’ realtà għalkollox ġdida”. Filwaqt li Alessandro mill-parroċċa ta’ San Frumenzio, saħaq fuq il-fatt li bdew jidwu sa mill-bidu tal-vjaġġ tiegħu ta’ ġimagħtejn fl-Afrika żewġ verbi: tosserva u tiltaqa’ u kif “din l-esperjenza kienet prezzjuża u mibnija fuq l-isbuħija ta’ meta wieħed jiltaqa’ ma realtajiet diversi”.

Il-mandat

Qabel ma ntemm il-ħin tat-talb ingħata il-mandat missjunarju, li, kif fakkar il-kardinal De Donatis: “jressaqna lejn il-Knisja tal-bidu li bagħtet uħud minn uliedha biex ħabbru b’ sinċerità appostolika l-Evanġelju lill-popli li kienu għadhom jafu bi Kristu”. Fl-assembleja ġew ippreżentati ħdax milll-aħwa, nisa w irġiel, fosthom 8 sorijiet, reliġjuż u koppja lajċi mill-parroċċa ta’ San Fabjanu u San Venanzju,

 li stqarrew l-“hawn jien” tagħhom u li se jmorru bħala missjunarji ad gentes matul dis-sena lejn: l-Etjopja, il-Kongo, il-Kenja; il-Brażil, il-Perù, il-Kamerun, il-Mongolja, il-Vjetnam, Guinea Bissau u l-Kosta tal-Avorju.

Barra minn hekk huma rċevew il-mandat missjunarju minn idejn il-Kardinal Vikarju u mingħand l-isqof Mons. Paolo Lojudice, ilkoll operaturi pastorali tad-djoċesi li ġa qegħdin jaħdmu fil-parroċċi u fil-komunitajiet, sabiex jistgħu ikunu “ħmira missjunarja fil-komunitajiet tagħhom u jħejju lill-komunitajiet tagħhom sabiex ikunu lesti għaċ-ċelebrazzjoni tax-xahar missjunarju straordinarju tal-2019”.

Fl-għeluq Mons. Lojudice radd ħajr lill-assembleja u fakkarha dwar it-twaqqif ta’ equipe itineranti magħmula minn lajċi u reliġjużi li għandhom jew kellhom esperjenza fil-missjoni bl-iskop li javviċinaw u janimaw dawk il-parroċċi fejn m’hemm ebda preżenza ta’ esperjenza missjunarja.

l-ħsieb wara din l-equipe huwa li tiġi mnedija mill-ġdid l-idea tal-missjoni għaliex mhux il-parroċċi kollha għandhom figuri missjunarji – hekk stqarr l-isqof lil Radiopiù – grazzi għal uħud u għal dan il-konfront, qed jitfaċċaw ideat oħra bħall-ġimgħat ta’ animazzjoni missjunarja jew din l-istess velja. Ix-xewqa hi li naħsbu mill-ġdid b’mod sempliċi l-idea ta’ missjoni fid-Djoċesi ta’ Ruma u biex l-azzjoni missjunarja fid-Djoċesi tagħna ssir aktar mifruxa u kkoordinata “.

Preċiżament għal din ir-raġuni l-istess isqof Lojudice ħabbar l-involviment fix-xhur li ġejjin ta’ 20 parroċċa fis-Settur tas-Sud li se jkunu involuti f’mumenti u laqgħat ta’ formazzjoni missjunarja, fejn żgħażagħ u subien parrokkjali jiġu mistiedna jgħaddu minn esperjenzi ta’ vjaġġi missjunarji.

Fl-aħħarnett huwa fakkarhom fil-pellegrinaġġ, li kellu jsir nhar it-Tnejn 22 t’Ottubru, b’memorja ta’ Paulos Farai Rahho, l-Isqof Kattoliku Kaldew ta’ Mosul (Iraq), maħtuf u maqtul fl-2008 minn terroristi Iżlamiċi. Il-pellegrinaġġ, li kellu jitlaq fis-6.15 pm mill-Bażilika ta’ Santa Agnese Fuori le Mura (via Nomentana, 349) sal-parroċċa, u jispiċċa f’Santa Maria Goretti, parroċċa fejn Mons. Rahho għex bħala kappillan ta’ studenti żgħażagħ fis-snin sebgħin.

Rapport ta’ Louis Spiteri

 

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.