Il-Papa f’Santa Marta: It-tama tfisser tgħix biex tiltaqa’ ma’ Ġesù


It-Tlieta, 23 ta’ Ottubru 2018: Il-mara tqila li bil-ferh tistenna li tiltaqa’ ma’ wildha li se jitwieled u kuljum tmiss ħdanha biex tmellsu. Hi x-xbieha li uża l-Papa Franġisku illum it-Tlieta 23 ta’ Ottubru, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, biex jispjega xi tfisser it-tama, li hija ħajja mgħejxa bl-ghan tal-laqgħa konkreta ma’ Ġesù u mhux xi ħaġa astratta. U l-għaqal hu li tagħraf tifraħ bil-”laqgħat żgħar ma’ Ġesù”.

Il-Papa beda l-omelija b’riflessjoni fuq żewġ kelmiet li jgħaddulna l-messaġġ tal-liturġija tal-lum: “ċittadinanza” u “wirt”. L-ewwel qari, meħud mill-ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, ikellimna dwar iċ-ċittadinanza. Hija rigal li tana Alla, qal Franġisku, li għamilna ċittadini, li jfisser li tana identità, “karta tal-identità”.

Infatti, f’Ġesù, Alla neħħa l-Liġi biex jirrikonċiljana ma’ xulxin, u b’hekk għeleb il-mibgħeda biex aħna nkunu nistgħu nippreżentaw ruħna lill-Missier fi Spirtu wieħed. Ifisser li għamilna “ħaġa waħda”, saħaq il-Papa Franġisku, biex b’hekk sirna konċittadini mal-qaddisin, f’Ġesu.

Din hi l-identità tagħna, li nkunu mfejqin mill-Mulej, li ninbew f’komunità u jkollna fina l-Ispirtu s-Santu.

Għalhekk, Alla “jmexxina” lejn il-wirt, b’din iċ-ċertezza li aħna “konċittadini” u li Alla jinsab magħna. U l-wirt – spjega Franġisku – hu, li tul il-mixja tagħna aħna nfittxu dak li għad nirċievu fl-aħħar. Imma għandna nfittxu dan kull jum li jgħaddi u dak li jgħinna nimxu ‘l quddiem fl-identità tagħna lejn dal-wirt hi propju t-tama, forsi l-iċken virtù, forsi l-aktar waħda diffiċli biex tifhimha.

Il-fidi, it-tama u l-karità huma don. Il-fidi u l-karità mhux diffiċli tifhimhom, imma t-tama x’inhi?, issokta l-Qdusija Tiegħu. Veru li t-tama tas-Sema, hi li niltaqgħu mal-qaddisin, hena bla tmiem. Imma x’inhi s-Sema għalik?, reġa staqsa l-Papa.

Li tgħix bit-tama hu mixja lejn premju, lejn l-hena li m’għandniex hawn fid-dinja imma se jkollna hemmhekk… imma xorta waħda hi virtù diffiċli biex nifhmuha. Hija virtù umli, umli ħafna li qatt ma tħallik bit-togħma; jekk tittama m’intix se tisfa mqarraq, qatt u qatt.

It-tama hi wkoll virtù konkreta. Imma, kif tista’ tkun konkreta jekk ma tafx x’inhi s-Sema jew x’hemm jistenniek? It-tama, il-wirt tagħna li hi t-tama ta’ xi ħaġa, mhix idea, mhix li nkun f’xi post sabiħ. Hija laqgħa. Ġesù dejjem jisħaq dwar dan l-aspett tat-tama, li aħna ninsabu fi stennija, għad niltaqgħu.

Fil-Vanġelu tal-lum, kompla jgħid il-Papa naraw lis-sid li jasal lura mit-tieġ. Għalhekk dejjem hemm il-laqgħa mal-Mulej, u din hi ħaġa konkreta. Biex ifiehem dal-punt il-Papa ġab l-eżempju ta’ mara tqila li ferħana kuljum tmiss ħdanha biex tmelles lit-tarbija li qed tistenna, tgħejx tistenna lill-wild tagħha.

Dit-tixbiha tista’ tgħinna nifhmu xi tfisser it-tama: li tgħejx għal dik il-laqgħa, timmaġina kif se jkun binha, kif se tkun bintha, x’karatteristiċi se jkollhom.

Kif inhi t-tama tiegħi? Jew it-tama tiegħi hi xi ftit fl-arja? It-tama, tenna Franġisku hi konkreta għax tfisser laqgħa. Kull darba li niltaqa’ma’ Ġesù fl-Ewkaristija, fit-talb, fil-Vanġelu, fil-foqra, fil-ħajja komunitarja, kull darba nkunu qed nagħmlu pass ‘il quddiem lejn dik il-laqgħa li ma tintemmx. Irid ikollna d-dehen li nifirħu b’dawn il-laqgħat żgħar ma’ Ġesù tul il-ħajja, biex inħejju dik il-laqgħa li ma tintemmx.

Il-Qdusija tiegħu tenna li l-identità hi li aħna sirna komunità u l-wirt huwa l-qawwa li biha l-Ispirtu s-Santu jmexxina ‘l quddiem bit-tama. Għalhekk ħeġġiġna biex ngħarblu ftit lilna nfusna u naraw xi jfisser li tkun nisrani u x’qed nistennew b’wirt fis-Sema, jekk dak li nittamaw fih hux f’ċertu sens, astratt jew inkella hux laqgħa.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.