Tifħir, ringrazzjament u inkoraġġiment


Il-Ħadd, 28 ta’ Ottubru 2018: Messaġġ waqt il-Konfereza Nazzjonali tal-Kariżmatiċi 2018.

44954319_1968126279931408_1851755964051488768_o-154097445594.jpg

Il-messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi – Fis-Sala Sir Temi Zammit, l-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq.

Nirringrazzjakom tal-istedina u ta’ din il-laqgħa sabiħa, u nuri l-apprezzament tiegħi għal dak kollu li t-Tiġdid Kariżmatiku qed jagħmel fil-Knisja f’Malta.

Il-messaġġ tiegħi lilkom hu mibni fuq tliet kelmiet.

Tifħir
L-ewwel nett it-tifħir. Intom tiltaqgħu flimkien biex tfaħħru lil Alla. It-tifħir lil Alla hu karatteristika partikulari tal-gruppi tagħkom. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nfaħħru lil Alla, għax hekk jistħoqqlu! Nixtieq nitlob illum li l-Mulej jgħinkom f’din il-missjoni li għandkom ta’ tifħir lil Alla, u li tfaħħru lil Alla b’għemilkom u bi kliemkom. Iktar u iktar f’ambjent f’pajjiżna li kultant dak li tisma’ hu l-kontra ta’ tifħir. Jien ġieli mmur nimxi ftit fit-tul, u jolqotni kif waqt li għaddej fit-triq, meta nisma’ diskors ħiereġ minn djar, minn garaxxijiet u bini ieħor, sikwit ikun kliem ta’ offiża lil Alla. Għalhekk ukoll, nixtieq inħeġġiġkom ħafna biex tkomplu tagħtu lil Alla t-tifħir mill-qalb u tgħinu biex aktar nies ifaħħru lil Alla.

Ringrazzjament
It-tieni, ir-ringrazzjament. Mat-tifħir, intom tkantaw innijiet ta’ ringrazzjament lil Alla. Kemm hu sabiħ li aħna nkunu mimlija gratitudni għal dak li Alla jagħmel magħna! Huwa hu li jsalvana, hu li jimlielna qalbna bil-paċi tiegħu, minnu jiġi dak kollu li hu ta’ ġid. Għalhekk qalb grata hi qalb li tagħraf tassew min hu Alla. Meta jkollna qalbna mimlija gratitudini lejn Alla, imbagħad, hu jgħinna jkollna wkoll gratitudni lejn l-oħrajn, dawk li jagħmlulna l-ġid. Kultant jiġri li lil dawk li l-iktar ikunu qrib tagħna u jgħinuna, qatt ma nirringrazzjawhom. Għalhekk il-gratitudni lejn Alla tgħinna biex inkunu wkoll grati lejn l-oħrajn.

Inkoraġġiment
It-tielet, l-inkoraġġiment. Jekk aħna nħarsu madwarna, naraw tant tajjeb li għandna ninkoraġġixxu. Kultant ma nagħtux biżżejjed attenzjoni lil dan u ma nintebħux x’differenza inkoraġġiment f’waqtu jista’ jagħmel! Hemm it-tendenza li nikkonċentraw fuq dak li hu negattiv u ninjoraw it-tajjeb. Il-Papa Franġisku nnifsu ġieli hu fil-mira ta’ nies li jxerrdu l-isfiduċja u l-qtigħ ta’ qalb. Hu veru li rridu nkunu realistiċi, u kuljum inħabbtu wiċċna mal-ħażen. Imma veru wkoll li ma għandna qatt inħallu fil-ġenb l-għarfien tat-tajjeb, tas-sabiħ, ta’ dak li jfisser ġid, u ninkoraġġuh. Dan jiġi l-ewwel għax aħna nxandru aħbar li hi l-Aħbar it-Tajba.

Inħallikom b’dawn it-tliet kelmiet għar-riflessjoni tagħkom u għall-azzjoni: tifħir, ringrazzjament, inkoraġġiment. Grazzi tal-missjoni tagħkom li taqdu b’dedikazzjoni. Komplu għinu lil ħafna nies oħra biex huma wkoll ikunu nies ta’ tifħir, ta’ ringrazzjament, ta’ inkoraggiment.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.