VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV FL-URUGWAJ, L-ARĠENTINA U L-PERÙ
6-17 ta’ Novembru, 2026
LAQGĦA MAD-DINJA TAX-XOGĦOL
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Binja San José, Pontificia Università Cattolica Argentina (Buenos Aires)
It-Tnejn, 9 ta’ Novembru, 2026
Diskors tal-Papa
Għeżież ħbieb,
il-waranofsinhar it-tajjeb u grazzi tal-laqgħa entużjasta lil tajtuni! Kelli xewqa kbira niltaqa’ magħkom ilkoll, rappreżentanti tad-dinja tax-xogħol fl-Arġentina: ħaddiema, imprendituri, membri tat-trejdunions u tal-movimenti popolari, għalliema u membri oħra tal-komunità akkademika tal-Università Pontifiċja Kattolika tal-Arġentina. Insellem b’għożża lill-Gran Kanċillier, l-Arċisqof ta’ Buenos Aires u lill-President tal-Kummissjoni Episkopali għall-Pastorali Soċjali. Irroddilkom ħajr għat-tilsima li tajtuni f’isem dawk kollha preżenti. Irrodd ħajr b’mod partikolari lil dawk kollha lil qasmu magħna t-testimonjanzi tagħhom u l-esperjenzi artistiċi tagħhom li bihom stqarrew il-kobor ta’ Alla f’ħajjithom.
Kif il-mużika tgħinna nerfgħu l-ispirtu tagħna lejn Alla u nittraxxendu r-rutina tal-eżistenza tagħna, daqstant ieħor ix-xogħol jistedinna nikkollaboraw fl-opra meravijuża u armonjuża tal-Mulej. Rigward dan, San Ġwanni Pawlu II kien fakkar li “l-bniedem maħluq xbieha ta’ Alla permezz tax-xogħol tiegħu isir sehem mill-opra tal-Ħallieq, u bil-qies tal-ħiliet tiegħu, f’ċertu sens, ikompli jiżviluppaha u jtemmha, hu u jimxi ‘l quddiem fl-iskoperta tar-riżorsi u l-valuri li hemm moħbija fil-ħolqien kollu” (Enċ. Laborem exercens, 14 ta’ Settembru, 1981, 25). Għaldaqstant, ix-xogħol mhux strument ta’ kunflitt, iżda kontribut lejn il-bini ta’ realtà soċjali permezz tas-sehem ta’ kulħadd u r-rispett lejn l-ordni tal-Ħolqien.
Dil-konvinzjoni tibqa’ attwali, jinbidlu kemm jinbidlu ċ-ċirkostanzi, u saħansitra wkoll ix-xogħol innifsu (cfr Enċ. Magnifica humanitas, 15 ta’ Mejju, 2026, 150). Fil-bażi antropoliġika tiegħu u fid-dimensjoni globali karatteristika tiegħu, illum, ix-xogħol hu konfrontat mhux biss mill-prinċiji tal-ekonomija iżda wkoll mill-isfida tal-kriżi ekoloġika u l-użu irresponsabbli tar-riżorsi tal-pjaneta. Kulfejn jiddominaw il-ftit, ix-xogħol jinbidel fi sfruttament tal-fergħat kollha tad-dinja tax-xogħol. B’hekk, l-uniku mod li jitkejlu bih il-ħaddiema jsir l-effiċjenza. Din hi realtà ta’ urġenza bla preċedent, fid-dawl tal-perspettiva ekoloġika integrali formulata mill-Papa Franġisku, li tqis li x-xogħol hu kontribut lejn l-użu responsabbli tal-maħluq, li permezz tiegħu l-iżvilupp tekniku għandu jkun f’armonija mar-ritmi tan-natura u mal-limitazzjonijiet tal-ekosistemi (cfr Enċ. Laudato si’ 24 ta’ Mejju, 2015, 11). Hi indikazzjoni valida, anki f’dal-mument ta’ tibdil profond tal-istruttura tax-xogħol, li fih qed jiddominaw l-interessi tal-ftit u qed ninsew li “mhux progress veru dak li jkabbar il-benessri ta’ xi wħud b’dannu għall-ekosistemi, u jixħet spejjeż fuq il-komunitajiet l-aktar vulnerabbli jew jippreġudika l-kundizzjonijiet ta’ ħajja ta’ min se jiġi warajna (Magnifica humanitas, 84).
Kull xogħol u kull settur tad-dinja tax-xogħol dejjem għandu jkollhom din il-karatteristika distintiva: huma opra ta’ persuna li tagħti l-potenzjal kollu tagħha u huma mmirati lejn żvilupp sħiħ ta’ min ikun iwettaqhom. Hawnhekk insibu quddiemna l-ewwel u l-aktar prinċipju fundamentali tad-Duttrina soċjali tal-Knisja: il-prinċipju tad-dinjità tal-persuna umana. Il-bniedem hu l-awtur, iċ-ċentru u l-għan aħħari tal-ħajja ekonomiko-soċjali kollha u għalhekk l-ekonomija għandha tkun għas-servizz tal-persuna u mhux il-persuna għas-servizz tal-ekonomija. Din l-affermazzjoni tista’ tidher teorika, iżda għall-kuntrarju hi punt ċentrali tad-Duttrina soċjali tal-Knisja sa minn żmien il-predeċessur tiegħi Ljun XIII, li, bl-għan li jippromwovi l-ftehim bejn il-partijiet u jelimina l-kunflitti fil-qasam tax-xogħol (cfr Enċ, Rerum novarum, 15 ta’ Mejju, 1891, 15), saħaq dwar il-ħtieġa li jkun hemm ekwilibriju xieraq bejn il-prinċipji tal-ekonomija, il-viżjoni tal-imprendituri u l-bżonnijiet tal-ħaddiem u tal-familja tiegħu. Din hi r-raġuni tas-sitwazzjoni verament drammatika fil-ħajja ta’ min hu bla xogħol. Meta l-persuna jiċċaħdilha x-xogħol ma jfissirx biss li tkun qed titlef dħul ekonomiku; ikun ifisser li hemm ġerħa gravi tad-dinjità tagħha li ġġib fix-xejn il-ħila tagħha li tagħti sehemha fis-soċjetà, tisfa mwarrba u hekk titkisser il-koeżjoni tal-ġisem soċjali u tiġġarraf l-azzjoni komunitarja li timmira lejn il-ġid komuni.
Kif fakkar il-Papa Franġisku “f’soċjetà tassew avvanzata, ix-xogħol huwa dimensjoni essenzjali tal-ħajja soċjali, għax mhux biss huwa mod kif wieħed jaqla’ x’jiekol, imma anki mezz biex jikber personalment, biex jidħol f’relazzjonijiet tajba, biex jesprimi ruħu, biex jaqsam doni ma’ ħaddieħor, biex iħossu korresponsabbli fit-titjib tad-dinja u, bla dubju ta’ xejn, biex jgħix bħala parti minn poplu” (Enċ. Fratelli tutti, 3 ta’ Ottubru, 2020, 162). Hekk naraw kif il-prinċipju tad-dinjità hu marbut direttament mal-prinċipju tal-ġid komuni, jiġifieri l-ġabra tal-kundizzjonijiet tal-ħajja soċjali li kemm lill-assoċjazzjonijiet kif ukoll lil kull membru tagħhom, jagħmluhielhom possibbli li jwettqu lilhom infushom b’mod sħiħ u eħfef. Il-ġid komuni jesiġi li nissuperaw l-individwaliżmu sterili u l-utilitarjaniżmu korporattivista, u mmexxu ‘l quddiem kultura ta’ laqgħa li biha t-tkabbir ekonomiku jittraduċi ruħu fi żvilupp uman integrali veru.
Minbarra dan, mill-aspett nisrani, ix-xogħol jitqies mezz ta’ santifikazzjoni għax minnu nnifsu hu t-twettiq tar-rieda t’Alla. Kif naqraw fl-ewwel paġni tal-Bibbja, “Il-Mulej Alla ħa lill-bniedem u qiegħdu fil-ġnien ta’ l-Għeden biex jaħdmu u jħarsu” (Ġen. 2,15). Dal-mandat hu s-sies tal-prinċipju tad-destinazzjoni universali tal-ġid. Minkejja li l-Knisja tiddefendi d-dritt tal-propjeta privata, din dejjem mgħobbija bir-rabta soċjali: l-art u l-frott tagħha Alla tahomlna rigal biex imantnu l-umanità kollha (cfr Laudato si’, 93). “Il-ħidma tal-art” u “l-ħarsien tagħha” jimplikaw li aħna maħniex propjetarji assoluti, imma kustodji ta’ wirt li għandu jitqassam bil-ġustizzja u l-ekwità, billi jitqaċċtu l-assimetriji strutturali li jemarġinaw lill-aktar dgħajfa u b’responsabbiltà lejn il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Hi sitwazzjoni li tolqot lill-persuni, lill-komunitajiet u lin-nazzjonijiet, u li saħansitra għandha influwenza fuq ir-realzzjonijiet bejn l-Istati għax iddgħajjef il-fiduċja reċiproka u s-sens ta’ appartenenza komuni fil-familja umana ta’ kull poplu, kif ukoll id-dmir tal-Istati li jikkollaboraw biex jissolvew il-problemi permezz ta’ deċiżjonijiet maqbula. Għalhekk nistgħu naffermaw illi, sa mill-bidu tal-eżistenza tagħna fuq l-art, ix-xogħol hu mod kif aħna l-bnedmin nikkollaboraw mal-opra ta’ Alla biex nipperfezzjonaw id-dinja.
Id-dinjità tal-persuna, il-ġid komuni, id-destinazzjoni universali tal-ġid: dawn il-prinċipji ikellmuna dwar dimensjoni relazzjonali intrinsika u jingħaqdu flimkien fil-prinċipju tas-solidarjeta li mhux sentiment superfiċjali ta’ kumpassjoni, iżda r-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna, u ta’ kull sitwazzjoni, għall-ġid ta’ kulħadd. Fi struttura ekonomika globalizzata li tmil lejn “il-kultura tal-iskart”, is-solidarjetà ssir forza bil-ħila li tibni arkitettura soċjali li timmira lejn definizzjoni ġdida tal-esiġenzi tas-suq u r-relazzjonijiet tax-xogħol, skont kriterji ta’ ġustizzja u msejsa fuq il-loġika tar-reċiproċità. B’dal-mod, f’idejn min jaf jużahom, it-talenti jsiru mod privileġġjat biex ikunu ta’ kontribut għall-ġid komuni effettiv, ġid li jaf jaddatta ruħu mal-progress teknoloġiku bla ma jħalli lil ħadd lura. Għan-nisrani dan ifisser ukoll li jkun qed jagħraf li huwa Alla li jaħdem fina jekk bl-umiltà nagħrfu nagħmlulu l-wisa’.
L-għaqal li bih dan il-poplu ddedika ruħu għax-xogħol, billi kkontribwixxa għall-ġid komuni u żviluppa innovazzjonijiet ta’ valur għas-soċjetà, huwa innegabbli. Biex insemmu xi ftit eżempji nistgħu niftakru fis-setturi tal-astronomija, l-agrikoltura u x-xjenza medika, fejn il-kontribut ta’ xi Arġentini ġab progress sostanzjali. Imma nistgħu niftakru wkoll fix-xogħol diskret u għani bis-sagrifiċċji, li jġib miegħu ix-xogħol tad-dar, is-siegħat mogħtijin gratwitament biex ikun servut il-mate cocido lit-tfal fil-kwartieri, jew fil-ġranet twal ta’ min jagħżaq, jikkultiva u jaħsad fl-għelieqi. Hawnhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà jidher b’mod ċar: la l-Istat u lanqas il-korporazzjonijiet il-kbar m’għandhom qatt jassorbu l-inizjattivi u l-ħiliet tal-komunitajiet lokali u tal-gruppi intermedji; anzi, għandhom jappoġġjawhom u jsaħħuhom. Fit-tradizzjoni tad-Duttrina soċjali tal-Knisja, l-Istat m’għandux jagħmel kollox hu, iżda dmiru hu li jiffavorixxi l-operat tal-organiżmi intermedji: familji, awtoritajiet lokali, gruppi u movimenti soċjali, bis-setgħa tar-regolamentazzjoni għall-ġid ta’ kulħadd u billi jassumi d-dmirijiet li ma jkunux kapaċi jwettqu organiżmi ta’ livell aktar baxx. Illum, dal-prinċipju li l-Papa Piju XI kien l-ewwel li integra fid-Duttrina soċjali (Enċ. Quadragesimo anno, 15 ta’ Mejju, 1931, 80), sar il-qafas li bih tiżvolġi l-azzjoni tal-gvernijiet, u li jirregola wkoll il-forom ta’ integrazzjoni ekonomika bejn l-istati. Fl-istess ħin, il-movimenti u l-ekonomija popolari, il-ħaddiema “informali”, dawk li jiġbru l-kartun, il-bdiewa, l-artiġġjani, huma espressjoni ħajja ta’ din is-sussidjarjetà attiva, li l-Papa Franġisku kien iddefenda fid-diskorsi lill-Movimenti Popolari. Dawn ma joqgħodux jistennew l-għajnuna tal-Istat passivament, imma jorgnizzaw ruħhom minn isfel biex isibu soluzzjonijiet komunitarji. Bit-talba tagħhom għall-inklużjoni, huma jsostnu dawk it-tlett “T”: tierra, tech y trabajo (art, saqaf u xogħol) li l-Papa Franġisku nnifsu kien stqarr li huma esiġenzi tal-ġustizzja soċjali.
Għalhekk, għeżież ħbieb, hu stimolanti nisimgħu t-testimonjanzi tagħkom u kif Alla kompla jikber fikom. Permezz ta’ mixja umli aħna nintebħu li m’aħniex awtosffiċjenti, li għandna bżonn ħaddieħor u huwa biss jekk inkunu miftuħin biex nikkollaboraw ma’ ta’ madwarna li, flimkien inkunu nistgħu nibnu dinja aħjar. Bħalma Alla ħalaqna b’mod uniku, Alla hu importanti għal kull wieħed u waħda minna individwalment. Fl-istess ħin, però, Hu jistiedenna għall-komunjoni, jiġifieri, biex nidħlu f’relazzjoni miegħu u mal-oħrajn.
Din hi t-triq biex tinbena l-Arġentina tal-futur kif nixtiequha: “ħbiberija soċjali” awtentika skont dak li tgħidilna l-Enċiklika Fratelli tutti, li tmur lil hinn mill-polarizzazzjoni djalettika u tistabbilixxi arkitettura ta’ paċi msejsa fuq il-ġustizzja u d-djalogu, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll multilaterali.
Fid-dinja imprenditorjali, il-ħajja tal-Venerabbli Enrique Shaw, tisfidana bil-qawwa: imprenditur kattoliku li kkonverta meta skopra s-sbuħija tal-Evanġelju kif mistqarra fid-Duttrina soċjali tal-Knisja. Dak li se jsir beatu, imnebbaħ mill-kunċett nisrani tal-bniedem “fehem li l-industrija ma kinitx sempliċiment mekkaniżmu produttiv, u lanqas mezz biex jakkumula l-kapital, iżda komunità vera ta’ nies imsejħa biex jikbru flimkien” (Messaġġ lill-parteċipanti tal-31 Konferenza Industrijali Arġentina, 8 ta’ Settembru, 2025). Il-filosofija tiegħu, li din l-Università studjat fil-fond, u li hu kien ikkontribwixxa biex titwaqqaf, issib espressjoni ċara fi kliemu stess: “hemm bżonn niffurmaw imprendituri nsara u nsawru fihom stil ta’ ħajja: nikkontribwixxu lejn dinja aħjar, primarjament permezz tal-azzjoni ta’ kull imprenditur nisrani, kulħadd fl-isfera tiegħu (…). Din hi missjoni ta’ fidi u ta’ ħajja: infittxu li nitqaddsu permezz tal-professjoni u nqaddsu l-professjoni” (Notamenti u appunti personali, pġ. 58).
L-imprendituri li bil-kapital tagħhom joħolqu x-xogħol, spiss ikunu qed iqiegħdu f’riskju l-patrimonju tagħhom. Infatti, impossibbli li jinħoloq il-ġid mingħajr impenn personali, mingħajr ma naċċettaw l-inċertezza li jġib miegħu l-futur, inċertezza li l-parametri tagħha m’għandna ebda kontroll fuqhom. Fl-istess ħin hemm bżonn nibqgħu b’għajnejna miftuħa biex nevitaw ir-riskju tar-rebgħa li, kif afferma l-Papa Franġisku “hi marda tal-qalb” (Udjenza ġenerali, 24 ta’ Jannar, 2024). Il-vokazzjoni imprenditorjali tinnobiltà ruħha jekk tkun orjentata lejn il-prinċipju tal-funzjoni soċjali tal-propjetà u tal-kapital. Meta l-profitt ekonomiku jsir assolut u jkun l-uniku kriterju tas-suċċess, l-intrapriża tiddiżumanizza u ssir struttura ta’ dnub li jiġġenera l-esklużjoni. L-imprendituri huma msejħin biex jibdlu radikalment din il-loġika teknokratika permezz ta’ investiment etiku li jagħti prijorità lis-sostenibbiltà ambjentali u lid-dinjità tax-xogħol. Għal dan għandhom jibdew mill-prinċipju li s-suċċess finanzjarju għandu jitkejjel f’termini ta’ ġid komuni (cfr Laudato si’, 109).
Għal dan, it-trejdunions u l-għaqdiet tal-ħaddiema għandhom qasam importanti li bih jistgħu jikbru u jiżviluppaw billi jimpenjaw ruħhom b’mod aktar dirett biex jiggarantixxu r-rispett lejn kundizzjonijiet dinjitużi tax-xogħol għall-ħaddiema. “L-inizjattivi li nibtu wara r-Rerum novarum (…) għenu b’mod deċiżiv biex tejbu l-leġiżlazzjoni fuq ix-xogħol, jipproteġu lill-aktar vulnerabbli u jippromwovu kundizzjonijiet iżjed umani” (Magnifica humanitas, 155). Għandhom missjoni speċifika: li jkunu strument ta’ solidarjetà u koeżjoni, kanali ta’ kollaborazzjoni bejn il-ħaddiem u l-intrapriża. F’dil-perspettiva, it-trejdunion hi istituzzjoni indiskutibbli meta tiddefendi lil min m’għandux vuċi u meta topponi t-trasformazzjoni tal-qawwa tax-xogħol f’oġġett kummerċjali. Madankollu, biex ikollu din l-awtorità morali, it-trejdunjoniżmu għandu jibqa’ ffukat bla heda fuq il-periferiji eżistenzjali, billi jintegra u jibni pontijiet mal-ħaddiema prekarji, informali u esklużi mis-sistema uffiċjali, billi jżomm quddiem għajnejh it-trasformazzjonijiet profondi li għaddejja minnhom id-dinja tax-xogħol.
Hemm riskju li jintilfu ħafna postijiet tax-xogħol minħabba l-isfidi ġejjin mill-intelliġenza artifiċjali u l-awtomazzjoni bla regoli għax jistgħu jsiru theddida serja għall-iżvilupp uman integrali. It-teknika dejjem għandha tibqa’ subordinata għall-etika; l-algoritmu qatt ma jista’ jieħu post id-dixxereniment uman u lanqas il-valur intrinsiku tal-preżenza fiżika u l-impenn tal-ħaddiem (cfr Laudato si’, 107). Is-setgħat pubbliċi għandhom dmir li jaraw li dan ma jseħħx. Anzi, għall-kuntrarju, “l-aċċess għax-xogħol għal kulħadd għandu jibqa’ għan prijoritarju tal-politika pubblika u tal-proċessi ekonomiċi, kriterju ta’ ġudizzju biex nivvalutaw il-kwalità umana ta’ mudell ta’ żvilupp (Magnifica humanitas, 154). L-impenn tal-awtoritajiet pubbliċi huwa insostiwibbli biex ikun hemm politika stabbli, politika li timmira lejn impjieg għal kulħadd u inklużjoni soċjali fi ħdan qafas etiku fejn l-ekonomija, is-suq u l-Istat joperaw skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà biex jiżguraw tqassim ġust tal-opportunitajiet.
Alla jsejħilna biex niftħu għajnejna għall-ħtiġijiet ta’ min jinsab madwarna aħna u nservu lill-oħrajn permezz tax-xogħol tagħna. Il-muftiħ tal-imħabba politka li tipproponielna l-Enċiklika Fratelli tutti hu, li nagħrfu l-uċuħ ta’ min qed ibati fil-periferiji urbani u rurali. Il-fraternità mhix utopija astratta iżda kategorija politika u teoloġika li tobbligana nqisu lil xulxin ugwali, inġarrfu l-ħitan tal-indifferenza globalizzata (cfr Fratellli tutti, 73). Minkejja li tista’ tidher ħaġa banali u insinifikanti, fix-xogħol tagħna ta’ kuljum ma nistgħux naħarbu mil-laqgħa tagħna ma’ Kristu. F’għajnejn Alla kull xogħol għandu l-valur tiegħu: il-kobor ta’ kull opra ma jinsabx f’dak li jinkiseb, iżda fl-imħabba li titpoġġa f’kull azzjoni, f’kull kelma u f’kull ħsieb.
Għeżież ħuti, f’dinja li għaddejja minn tibdil profond, qed nafdalkom f’idejkom il-prinċipji li taw bidu għad-Duttrina soċjali tal-Knisja: id-difiża tad-dinjità umana, il-promozzjoni tal-ġid komuni, l-għarfien li l-ġid komuni għandu destinazzjoni universali, li ħajjitna ngħixuha b’solidarjetà effettiva u sussidjarjetà responsabbli biex flimkien nibnu ċ-ċiviltà tal-imħabba. “Naħdmu bil-perseveranza, u nqiegħdu lura lil Alla fuq ix-xefaq tal-għemil tagħna u lill-bniedem fil-qalba tal-għażliet tagħna (Magnifica humanitas, 16). B’dan il-mod biss nistgħu nkunu ċerti li hawn fuq l-art qed nimxu fit-triq li Alla fassal għalina fis-Sema. U b’dan il-mod biss nistgħu nagħmlu l-frott permezz ta’ ħidmitna, frott li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem (cfr Ġw 15,16). Grazzi ħafna.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
Solo così potremo essere certi di percorrere sulla terra il cammino che Dio ha tracciato per noi in Cielo. E solo così potremo portare frutti con il nostro lavoro; frutti che rimangano per la vita eterna (cfr Gv 15,16). Molte grazie.
