Messaġġ waqt l-Angelus fis-Solennità ta’ Ġesù Kristu Sultan tal-Univers fi Pjazza San Pietru

SOLENNITÀ TAL-MULEJ ĠESÙ SULTAN TAL-UNIVERS
IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 22, ta’ Novembru, 2026

Messaġġ tal-Papa

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Illum qed niċċelebraw is-solennità ta’ Ġesù Kristu Sultan tal-Univers: l-Evanġelju li smajna jippreżentahulna bħala Mulej li jirrivela s-sens awtenitku tal-ġustizzja bi djalogu li jinvolvi lil kulħadd, kemm it-tajbin u wkoll il-ħżiena (cfr Mt 25,31-46). Kristu hu l-kriterju tal-ġustizzja għax hu l-awtur tas-salvazzjoni: bir-relazzjonijiet ta’ bejnietna mdawalin minnu, permezz tiegħu tirrivela ruħha l-verità kontra kull korruzzjoni.

Il-ġustizzja, tabilħaqq, issostni l-ħajja: kif jgħid il-Mulej: “kelli l-ġuħ u tmajtuni” (v. 35). Il-ġustizzja hi rabta ta’ fraternità bejn il-popli: kont barrani u lqajtuni” (v. 35). Il-ġustizzja sseddaq id-dinjità umana: “kont għeri u libbistuni” (v. 36). Il-ġustizzja taħji l-libertà: “kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (ibid,): Id-diskors ta’ Ġesù jgħodd għal kull żmien u għall-popli kollha (cfr v 32): aħna lkoll ugwali quddiem il-liġi t’Alla.

Min qed ikellimna la hu despota li jhedded, lanqas tirann li jisħaq bis-setgħa tiegħu. Hu l-veru Re li bl-omnipotenza tiegħu aħna mirhunin; Hu l-veru bniedem, Mgħallem tal-umanità. Għalhekk, Kristu jerfgħana mit-trab taż-żmien li jgħaddi, iqajjem mill-mewt lill-popli kollha u jsejħilhom għal ħajja ġdida. F’din l-opra l-Iben hu identiku għall-Missier li mix-xejn jaħlaq kollox u lil kollox jagħti l-ħajja bl-Ispirtu s-Santu. Alla l-waħdieni hekk jurihielna l-ġustizzja tiegħu.

Għeżież, is-solennità ta’ Kristu Re tasal fi tmiem is-sena liturġika għax turina t-tmiem tal-istorja kollha: il-laqgħa ma’ Alla li sseħħ fil-ġudizzju universali, jiġifieri fil-kelma li l-Mulej jgħidilna lkoll, għal ħajja tagħna. Dal-ġudizzju, infatti, hu s-salvazzjoni: il-kelma li Alla jgħid lid-dinja, hi tħabbira tal-ħniena, hi l-Verb tiegħu magħmul bniedem għalina, Ġesù Kristu. Dan l-istess ġudizzju hu l-kundanna ta’ kull inġustizzja: “Dak kollu li m’għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi m’għamiltuh” (v.45).  B’dal-mod ir-Re tal-univers iqiegħed lilu nnifsu qrib tal-aħħar u tal-imgħakkes, biex jirhanhom minn kull deni.

Aħna u nimmeditaw sew dal-kliem, niftakru fl-għan li għalih il-Papa Piju XI kien waqqaf is-solennità tal-lum: f’epoka mmarkata minn tensjonijiet u kunflitti, il-Predeċessur tiegħi ried jagħmilha ċara li l-Mulej tal-istorja hu Re tal-paċi u l-ġustizzja għall-popli kollha tad-dinja. Il-Knisja ġġedded dan it-tagħlim bħala pellegrina tul is-sekli, u tħabbar li s-Saltna t’Alla tiġi u tibqa’ għal dejjem.

Il-Verġni Marija, li aħna nqimu bħala reġina tas-sema, takkumpanjana biex nibqgħu perseveranti f’din l-istennija.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

F’dan il-Ħadd niċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Knejjes partikolari madwar id-dinja kollha. Mil-lum, iż-żgħażagħ se jkollhom il-kumpanija tal-kliem ta’ Ġesù: “Agħmlu kuraġġ, jiena rbaħt id-dinja” (Gw 16,33), il-motto tal-41 Jum Dinji taż-Żgħażagħ, li hemm ippjanat f’Awwissu tas-sena li ġejja f’Seoul. Ir-rebħa ta’ Kristu mhix rebħa mondana, iżda r-rebħa ta’ Re umli li jidentifika ruħu ma’ min hu tal-aħħar. Għalhekk, nistieden liż-żgħażagħ kollha biex ikollhom il-kuraġġ li jkunu ġentili u umli bħal Kristu. Imħabbtu għanda tkun il-qawwa tagħna!

Il-poplu tal-Papua New Guniea u pajjiżi oħra tal-Paċifiku jinsabu fi ħsiebi u fit-talb tiegħi minħabba n-nixfa li qed tolqothom. Nixtieq nesprimi l-qrubija tiegħi lejn min qed ibati minħabba din l-emerġenza, filwaqt li rrodd ħajr lil kulmin hu impenjat biex jgħin lil min qed isofri.

Nitolbu għall-vittmi ta’ tant kunflitti li sfortunatament għadhom jiżirgħu il-mewt u n-niket fid-dinja, u għal min hu responsabbli, biex jimpenja ruħu ħalli jfittex soluzzjonijiet ta’ rikonċiljazzjoni u paċi.

Nagħti merħba lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi! Tislima speċjali lill-membri tal-Assoċjazzjoni Taljana ħbieb ta’ Raoul Follereau, lit-tfal tal-kor tal-Iskola tal-Monasteru ta’ San Lawrenz fl-Escorial flimien ma’ dawk li qed jakkumpanjawhom, u wkoll lid-diversi gruppi ta’ fidili mill-Irlanda, u l-Istati Uniti tal-Amerika.

Nixtieq nagħti tislima speċjali lill-monaċi tal-klawsura kollha, nisa u rġiel, li lbieraħ fakkarnihom biċ-ċelebrazzjoni tal-Preżentazzjoni tal-Verġni Marija. Grazzi tat-talb tagħkom! Jalla dawn il-komunitajiet ma tonqsilhom qatt l-għajnuna meħtieġa.

Minn hawn u ftit ieħor se jkolli pjaċir nippranza mal-foqra, appuntament li kellu jsir qabel imma li ġie mressaq għal-lum minħabba l-Vjaġġ Appostoliku. Nixtieq li dan ikun sinjal ta’ stil tal-ħajja ta’ kuljum, l-istil tal-kondiviżjoni fraterna li ma jħalli lil ħadd waħdu u fil-bżonn.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?