Diskors waqt laqgħa mal-mexxejja tal-komunitajiet Insara u tradizzjonijiet reliġjużi oħra “Palacio San Martín” (Buenos Aires)

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV FL-URUGWAJ, L-ARĠENTINA U L-PERÙ
6-17 ta’ Novembru, 2026

LAQGĦA MAL-MEXXEJJA TAL-KOMUNITAJIET INSARA U TRADIZZJONIJIET RELIĠJUŻI OĦRA

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

“Palacio San Martín” (Buenos Aires)
It-Tnejn, 9 ta’ Novembru. 2026

Diskors tal-Papa

Għeżież ħuti fi Kristu,
għeżież ħbieb li magħna taduraw lil Alla wieħed,
stimati rappreżentanti ta’ tradizzjonijiet reliġjużi oħra,

jien hieni ħafna li qed insellmilkom ilkoll f’daqqa waqt dal-vjaġġ appostoliku. Infatti, dil-laqgħa tagħna tistrieħ fuq il-pilastri tad-djalogu u tal-ħbiberija, li kienu fundamentali fil-ħajja tal-Papa Franġisku u li issa rridu nsaħħuhom bil-bini ta’ pontijiet ġodda, jiġifieri toroq ġodda ta’ kollaborazzjoni fis-soċjetajiet li fihom ngħixu.  Jien ukoll ninsab fostkom bħala Suċċessur tal-Appostlu Pietru u, filwaqt li flimkien miegħu nistqarr il-fidi fi Kristu, “Iben Alla l-ħaj” (Mt 16,16), veru Alla u veru bniedem, nagħraf l-għaqda tal-Magħmudija mal-aħwa tal-konfessjonijiet insara. Skont it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, nixtieq mill-ġdid nafferma r-rabta spiritwali li tgħaqqad il-Knisja mal-poplu ta’ Iżrael (cfr Nostra aetate, 4) u r-rispett sinċier lejn dak li hu qaddis u minnu li hemm preżenti fid-diversi tradizzjonijiet reliġjużi (cfr ibid., 2).

L-identità tal-poplu Arġentin issawret minn taħlita ta’ etniji, kulturi u reliġjonijiet diversi, iffurmata minn popli indiġeni u minn immigranti minn diversi partijiet tad-dinja li waslu f’din l-art matul is-sekli, u ġabu magħhom il-ħolm u l-fidi tagħhom: għall-bidu kienu kattoliċi u lhud, imbagħad ħafna oħrajn. Ilkoll kemm huma, fid-diversità, tgħallmu jaħdmu flimkien, jiffurmaw familji u komunitajiet, jibnu kolonji u villaġġi, “f’simbjożi ammorevoli mat-tradizzjonijiet lokali” (San Ġwanni Pawlu II, Omelija fl-ajruport ta’ Paranà, 9 ta’ April, 1987). Hekk ġabu l-għaqda fi ħdan in-nazzjon u flimkien fasslu proġetti komuni, bla ma ħallew ir-reliġjonijiet ikunu ta’ tfixkil u firda bejniethom, anzi dawn saru punt ta’  konverġenza u impenn komuni għas-soċjetà.

Anki llum, aħna naġixxu bħala xhieda ta’ twemmin, nagħżlu li ngħixuh billi nagħtu daqqa t’id lil xulxin, naqsmu flimkien valuri kulturali u għemejjel tajba. Il-bażi ta’ din il-kondiviżjoni hu s-smigħ li jgħinna nsiru nafu lil xulxin, jippermettielna nirriflettu flimkien fuq il-ġesti li nagħmlu fil-ħajja ta’ kuljum. Infatti, fir-reliġjoniujiet kollha nitolbu, nerfgħu leħinna lejn Alla. Skont it-tradizzjonijiet rispettivi tagħna, bosta lingwi, għanjiet u ġesti jitwaħħdu u jitilgħu ’l fuq, qieshom qed jiltaqgħu mal-misteru ineffabbli tal-eżistenza tagħna. (cfr Nostra aetate 1).

Propju dil-forma partikolari tal-kelma umana, it-talb, jistedinna nisimgħu leħen xulxin, lil hinn mill-kliem li nlissnu. Tabilħaqq, meta nitkellmu ma’ Alla nkunu nistqarru lilna nfusna: għalhekk, it-talb jesprimi dak li aħna quddiem Alla. Id-dimensjoni reliġjuża tixbaħ mera li tirrifletti dak li aħna, ħsibjietna u dak li ngħożżu, ir-rabtiet tagħna. Speċalment fl-era diġitali, għalhekk, it-talb jgħinna nevitaw id-distrazzjoni u fis-skiet insibu mill-ġdid il-valur tas-smigħ.

Waqt li nirrifletti bir-reqqa fuq din l-esperjenza, illum nixtieq nikkunsidra magħkom tliet aspetti partikolari li joħorġu minn talb sinċier, talb li fih il-fidi ta’ kull wieħed u waħda minna ssib leħinha, jiġifieri: ir-reliġjonijiet bħala ħarriesa tad-dinjità umana, bħala espressjoni tal-libertà tagħna u bħala okkażjoni biex nikkultivaw it-tama.

Qabel kollox, kull reliġjon tikkonferma li l-persuna umana hi magħmula minn bżonn u xewqa: ikoll kemm aħna nixxenqu għall-ħajja. Il-pulmuni tagħna jeħtieġu l-arja bħalma l-kuxjenza trid dak li hu tajjeb. Kuljum infittxu l-ilma daqskemm infittxu l-verità, għandna bżonn l-ikel daqskemm għandna bżonn il-ġustizzja. A propożitu ta’ dan, ir-reliġjonijiet ifakkru lil kulħadd li aħna m’aħniex biss materja: f’ġisimna hemm imnaqqxin ħajja u sens eċċedenti. Dik l-istess xewqa, issir għajta u karba ħerqana u għalhekk turi li aħna ma ġejniex mix-xejn u m’aħniex magħmulin għall-mewt. B’dan il-mod, allura, ir-reliġjonijiet huma l-kustodji tad-dinijità umana: fit-talb, li jesprimi l-fidi tagħna, l-ideali ta’ dak li hu tajjeb u ġust, tas-saħħa u l-paċi, mhumiex kliem fieragħ, mimli b’interessi egoistiċi, iżda espressjoni tar-rieda komuni tagħna, rieda li tixtieq il-ferħ. Għalhekk, kull meta nitolbu, ejjew nieħdu ħsieb dawk li jgħixu ħdejna, u nagħtu l-ħajja lill-kliem li ngħidu permezz ta’ sens imġedded ta’ fraternità. Aħna u nfaħħru ‘l Alla għad-don tal-ħajja, ejjew niddefenduha dejjem u għal kulħadd, mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha, speċjalment meta tkun mhedda mill-miżerja u l-vjolenza. B’dan il-mod ir-reliġjionijiet jippromwovu d-dinjità ta’ kull raġel u mara, fil-familja u fl-istudju, fix-xogħol u fl-ambjent li hu d-Dar komuni tagħna.

It-tieni, meta l-bniedem jitkellem ma’ Alla jaf li hu mhuwiex Alla. L-art  m’għamilnihiex aħna. M’għandniex neqirdu b’idejna stess “il-ġnien” li l-Ħallieq afdalna f’idejna! Rigward dan ir-reliġjonijiet jibnu s-soċjetà, jedukaw il-kuxjenzi u jeħilsuna mill-idoli daqskemm jirnexxilhom jippreservaw l-għerf tal-poplu: mill-idolu tad-dominanza, għax aħna m’aħniex Alla tal-oħrajn; mill-idolu tal-vanaglorja, għax dak li għandna ma jagħmilniex divini; mill-idolu tal-gwerra, għax il-Mulej hu wieħed u l-uniku mħallef tal-istorja. Hu jtina l-ħajja l-ħin kollu u jieħu ħsieb il-popli kollha: l-isem veru ta’ setgħetu hu ‘imħabba’, imħabba bla tarf. Għalhekk, meta nfaħħru ‘l Alla għad-don tas-salvazzjoni, ejjew nagħmlu ħilitna kollha biex inkunu sinjal ta’ dan id-don għad-dinja. Hu b’dal-mod li r-reliġjonijiet jesprimu bl-aħjar mod il-libertà tagħna.

It-tielet ħaġa, meta l-bniedem jitkellem ma’ Alla jkun qed jinfetaħ għall-futur. Iva, il-futur hu ż-żmien tal-fidi! Infatti, ir-reliġjonijiet huma r-rabta bejn il-ġenerazzjonijiet, memorja millenarja, profezija, stennija u wegħda: għalhekk min jemmen dejjem iħares lejn il-futur bit-tama. Meta d-dawl tal-fidi jofroq id-dlam tal-mewt, il-futur ta’ kull raġel u mara, tas-soċjetà u tad-dinja kollha jiskeb it-tama mill-ġdid. Allura, l-istennija komuni tagħna ssir ħawtiela, għax din it-tama tinkoraġġina biex ninsġu rabtiet ta’ ħajja tajba li jeħilsuna mis-solitudni, lill-popli jgħaqqduhom flimkien f’armonija. L-istess kelma reliġjon hi elokwenti ħafna a propożitu ta’ dan: ġejja mill-kelma rilegare, jiġifieri tgħaqqad mill-ġdid, tgħaqqad lill-persuni bejniethom. Din ir-rabta ssostni l-mixja tagħna matul l-istorja; għalhekk, waqt li nfaħħru lil Alla għad-don tat-tama, ejjew naqsmuha ma’ dawk li jbatu fil-faqar, ma’ dawk li tilfu s-sens tal-iskop fil-ħajja, u ma’ dawk kollha li jixtiequ jimpenjaw ruħhom biex iġeddu d-dinja skont il-ġustizzja. Meta jsir talb u xandir, il-lingwaġġ tagħna jinbidel f’forma elokwenti ta’ karità li tagħti l-ħajja lil kull azzjoni.

F’dan jinsab is-servizz tagħna lill-umanità: li noħolqu futur ta’ risq għal kulħadd, waqt li nistennew it-twettiq imbierek tal-istorja. Għax aħna żguri li aktar ma’ persuna tasal biex verament issir taf lilha nfisha, billi tieħu ħsieb id-dinjità tagħha stess, aktar tersaq qrib Alla. Għaldaqstant, kull kelma tajba li ngħidu lil min niltaqgħu miegħu, kull ġest ta’ tjieba li nagħmlu mal-proxxmu, jitilgħu ‘l fuq bħala talba dejjem apprezzata mill-Awtur tal-ġustizzja li jistieden lil kulħadd għall-paċi. Rigward dan, kif kien afferma San Ġwanni Pawlu II, “flimkien nixtiequ nuru lid-dinja li l-ispinta sinċiera għat-talb ma twassalx għal konfrontazzjoni, aħseb u ara għad-disprezz tal-oħrajn, iżda pjuttost għal djalogu kostruttiv li fih kull persuna, mingħajr ma taqa’ bl-ebda mod fir-relativiżmu jew fis-sinkretiżmu, issir aktar konxja tad-dmir li tagħti xhieda u li tħabbar il-messaġġ” (Diskors lir-rappreżentanti ta’ reliġjonijiet varji tad-dinja, Assisi, 24 ta’ Jannar, 2002). Dal-kliem li ntqal f’Assisi f’ġurnata ta’ talb għall-paċi, għadu urġenti ħafna: illum isir raġuni ta’ gratitudni għall-impenn tagħna lkoll u għajn ta’ inkoraġġiment għall-mixja ta’ kull wieħed u waħda minna. Għeżież, kull jum hu żmien it-talb, sabiex il-ħajja ta’ kulħadd issir mera ta’ dik id-dinjità u ta’ dak ir-risq li nirċievu minn Alla biex nqasmuh bejnietna.

Ejjew għalhekk nagħmlu tagħna t-talba li ħallilelna l-predeċessur tiegħi il-Papa Franġisku, li timpenjana biex dejjem nagħmlu dak li hu tajjeb:

Mulej u Missier tal-umanità,
li ħlaqt lill-bnedmin kollha bl-istess dinjità,
sawwab fi qlubna spirtu ta’ aħwa.
Nebbaħ fina l-ħolma ta’ laqgħa ġdida,
ta’ djalogu, ta’ ġustizzja u ta’ paċi.
Ħeġġiġna biex noħolqu soċjetajiet iktar b’saħħithom u dinja iżjed xierqa,
fejn ma jkunx hemm ġuħ, faqar, vjolenza, gwerer.
Ħa tinfetaħ qalbna
għall-popli u n-nazzjonijiet kollha tal-art,
biex nagħrfu t-tjieba u l-ġmiel li inti żrajt f’kull wieħed u waħda minnhom,
biex ninsġu rabtiet ta’ għaqda, ta’ proġetti komuni, ta’ tamiet maqsuma flimkien. Amen (Enċ. Fratelli tutti, 287).

L-omnipotenti jbierek il-ħerqa tagħna għall-umanità u jispira l-impenn tagħna għall-paċi: dik il-paċi li se titwettaq għal dejjem fl-isem qaddis ta’ Alla. Grazzi.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?