Il-flus saru jikkmandaw kollox?


Minn Fr. Philip Cutajar OFMCap

Din hija espressjoni li qed isir komuni fuq fomm ta’ ħafna Maltin u Għawdxin. Esperessjoni li tismagħha ta’ spiss. Donnu l-poplu qed iħoss li sirna wisq materjali fejn il-flus qed ikunu l-fuss li fuqu iddur u timxi s-soċjetà tagħna f’diversi oqsma, l-aktar dawk politiku, l-ambjent, in-negozju, l-għażla fl-għotjiet ta’ xogħol pubbliku u oħrajn.

Din mhix xi problema ta’ pajjiżna biss. Hija ferita li qed tinfirex u taggrava f’diversi pajjiżi. Fil-fatt il-Papa Franġisku li jħoss l-polz tad-dinja ta’ spiss jitkellem fuq dan is-suġġett speċjalment fiż-żjarat li jagħmel lill-diversi pajjiżi.  Fid-diskorsi tiegħu l-Papa jagħmel riferenza għal żewġ allat: Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-“alla tal-flus”. Il-Papa Bergoglio li huwa ġej mill-Arġentina bi storja twila ta’ bniedem li fittex li jgħix il-faqar u jiddefendi l-fqar qatt ma jitlef okkażjoni sabiex jitkellem minn dan “l-alla tal-flus” bil-konsegwenzi koroh u terribli li qed iħalli fis-soċjetà tagħna. Is-suċċessur ta’ Pietru fost il-konsegwenzi koroh li qed toħloq l-ossessjoni għall-flus bħala t-teżor uniku, hemm dik tat-telfien tal-veru teżor tagħna li huwa fidi.

IL-KAWŻA LI TBEGĦDEK MILL-FIDI

Il-Papa Franġisku jinsisti li l-akbar periklu li jista’ jtellfek il-fidi mhuwiex xi tagħlim żbaljat jew id-dnub imma l-ġibda żejda għall-flus tant li jsiru l-alla li jikkmandak. U bir-raġun għaliex meta l-bniedem jasal biex jagħmel il-flus l-alla tiegħu jasal biex jagħmel kull dnub: jiċħad it-tagħlim tal-Evanġelju, jħalli r-regħba u x-xeħħa jaħkmuh, tinħoloq l-għira, il-ġlied saħansitra fost l-aħwa fl-istess familji, l-inġustizzji u l-kurruzzjoni fuq livell anke nazzjonali, gideb, kalunji u malafama…saħansitra għall-flus il-bniedem jasal biex joħloq gwerrer u joqtol lil ħuh.

Propju fl-Eżortazzjoni Apostolika “Il-Ferħ tal-Evanġelju” il-Papa Franġisku jiktbilna li: “Waħda mill-kawżi tas-sitwazzjoni preżenti tas-soċjetà tagħna llum nsibuha fir-relazzjoni li ħloqna mal-flus, fejn qed naċċettaw bla nkwiet ta’ xejn il-ħakma tagħhom fuqna u fuq is-soċjeta tagħna… fl-għeruq tagħha hemm kriżi antopoloġika profonda: iċ-ċaħda tal-primat tal-bniedem! Ħloqna idoli ġodda. Il-qima tal-għoġol antik tad-deheb (ara Eżodu 32, 1-35) issa sabet verżjoni ġdida u bla ħniena fl-idolatrija tal-flus u fid-dittatura ta’ l-ekonomija bla wiċċ u bla mira tassew umana” (n.55). Dan il-Papa Franġisku qed iwasslu lilna mnebbaħ mit-tagħlim li Ġesù Kristu jagħtina fl-Evanġelju: “Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus” (Mt 6, 24).

MISTOQSIJIET LI RRIDU NAGĦMLU

B’riferenza għas-suġġet li qed nikteb dwaru dan ix-xahar jinħtieġ li lkoll kemm aħna nagħmlu xi mistoqsijiet bil-għan li nirriflettu ftit dwar x’aħna nagħmlu? Għalfejn qed nagħmluh? Fejn aħna sejrin? X’tip ta’ soċjetà qed noħolqu u nħallu għal ta’ warajna?

Jinħtieġ li nistaqsu u jistaqsi kulħadd: jiena u int li qed taqra u mhux biss il-politiċi, in-negozjanti, l-iżvilupatturi tal-art u l-ekonomisti. Nistaqsu:

  • X’inhu l-veru għan tal-flus? Li jikkmandawna jew li jservuna? Li nużawhom bħala MEŻŻ ta’ għejxien jew bħaa GĦAN li quddiemu kollox jaqa’?
  • Il-flus qegħdin għalina jew aħna għalihom tant li nsiru skjavi tagħhom?
  • X’inhu l-veru għan tan-negozju: li nsir sinjur millum għal għada akkost ta’ kollox jew li naqdi lill-bniedem fl-iżvilupp tiegħu?
  • Id-deċiżjonijiet li qegħdin nieħdu bħala stat, bħal ‘policy makers’, bħala investituri qegħdin jmorru lil hemm mill-kilba tal-flus, tal-qliegħ, tal-egoiżmu?
  • X’qed nifhmu bil-“Ġid Komuni”? Il-“ġid komuni” qed isir il-ġid ta’ xi wħud? Tal-klikka? Ta’ min jiflaħ l-aktar?
  • Kemm fl-iżvilupp tal-“ġid komuni” qed nagħtu każ bis-serjetà s-sens tas-solidarjetà speċjalment mall-fqir, mall-batut, ma’ min qed jgħix bil-paga minima?
  • Kemm qegħdin fl-isforz tagħna bil-għan li niżviluppaw l-ekonomija qed nirrispettaw ir-regoli tal-etika, tal-onestà u l-integrità, ir-rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem bid-drittijiet kollha li huwa jgawdi?
  • Tgħid qed noħolqu soċjetà fejn il-flus kollox? Fejn jidħol il-qligħ tal-flus ma jimpurtani minn xejn u minn ħadd?
  • Aħna konxji biżżejjed li soċjetà mibnija fuq it-tellieqa sfrenata għall-akkwist tal-flus hija soċjetà f’periklu kontinwu ta’ kolass uman u morali?
  • Aħna konvinti li sakemm il-flus huma qaddejja jagħtuna ħajja b’dinjità imma meta nħalluhom jsiru ħakkiema fuqna jsiru monstru li jiddevora kull valur u fuq kollox is-sena tal-ħajja?

Dan huma wħud mill-mistoqsijiet li xtaqt naqsam magħkom. Kull qarrejj iwieġeb għalihom b’sinċerità u mħabba lejn il-bniedem u lejn pajjiżna.

IL-KELMA TA’ ALLA TIGWIDANA

Meta bħala nies li nemmnu, nħallu l-Kelma ta’ Alla tigwidana, tiffurmana u tmexxina nsibu diversi siltiet li jkomplu jiftħulna għajnejna dwar dan is-suġġett.

Fl-aħħar parti tad-Diskors tal-Muntanja Ġesù b’mod l-aktar ċar jgħidilna: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin li jinfdu u jisirqu. Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll” (Mt 6, 19-21). Bil-għan li wieħed jifhem u jħalli l-Kelma ta’ Alla tixlih u tikkonvinċieh mill-ħsara li l-ġibda  għall-ġid ta’ l-art iħallu fil-bniedem tajjeb jaqra it-tifsira li Ġesù jagħti fil-parabbola taż-żerriegħa għal dik li waqgħet “qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid ta’ l-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott” (Mt 13, 22). Nikkonkludi b’dak li ħallielna miktub San Pawl fl-Ittra tiegħu lil Timotju: “Ir-rebgħa għall-flus hi l-għerq ta’ kull ħażen; kien ħtija ta’ din ir-rebgħa li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b’niket kbir” (Tim 6,10).

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.