X’valur fihom id-dettalji ċkejkin?


It-Tlieta, 30 ta’ Ottubru 2018: Quddiesa f’għeluq l-20 sena mit-tberik tal-knisja ta’ Mlit, il-Mosta.

475175-740xnone.jpg

L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi – Fil-knisja ta’ Mlit, il-Mosta

Il-Papa Franġisku, fl-eżortazzjoni appostolika Ifirħu u Thennew (par. 144) jitkellem fuq il-valur tad-dettalji ċ-ċkejknin. Jgħid li fl-Evanġelju naraw kif Ġesù kemm-il darba stieden lid-dixxipli tiegħu biex jaraw id-dettalji, pereżempju, in-nagħġa waħda minn mija li spiċċat mitlufa, iż-żewġ muniti li l-mara tefgħet fit-tempju meta ħaddieħor kien qed jitfa’ ħafna flus, u diversi oħrajn.

L-Evanġelju li smajna skont San Luqa jitkellem fuq żewġ dettalji minn daw: iż-żerriegħa tal-mustarda, li hi tassew ċkejkna, u l-ftit ħmira. Huma affarijiet li waħedhom jidhru tant żgħar u insinifikanti, imma li fil-fatt huma ta’ valur kbir.

L-Evanġelju juri wkoll kif minn dak li hu ċkejken u żgħir, Alla jagħmel affarijiet kbar. Iż-żerriegħa tal-mustarda ssir siġra, permezz ta’ ftit ħmira mħallta mad-dqiq togħla l-għaġna kollha, mill-ftit li nistgħu nagħmlu aħna Alla jagħmel ħwejjeġ kbar.

Dan hu messaġġ importanti għal ħajjitna llum.

Fil-familja
Ħa nħarsu lejn il-familja. Il-ħajja fil-familja hi mimlija b’affarijiet żgħar ta’ kuljum li fihom valur kbir. Papa Franġisku jsemmi xi wħud minn dawn id-dettalji żgħar li, jekk magħmulin b’imħabba, jistgħu jġibu bidla għall-aħjar. Fl-eżortazzjoni appostolika Il-Ferħ tal-Imħabba (par. 133) jitkellem fuq it-tliet kelmiet-muftieħ li huma “jekk jogħġbok, grazzi, skużani” u li fihom infushom mhuma xejn imma li jfissru ħafna. Għalhekk, il-Kelma ta’ Alla tħeġġiġna biex nagħtu każ tad-dettalji ċkejknin fil-ħajja tal-familja, narawhom bħala mumenti fejn nistgħu tassew inħobbu bis-serjetà, u nagħtuhom valur. Mill-ftit tagħna, imbagħad, Alla joħloq xi ħaġa ikbar u isbaħ jekk aħna noffru dak li nagħmlu lilu bil-qalb.

Fil-komunità
Ħa nħarsu lejn il-komunità, speċjalment il-komunità li tiltaqa’ f’dil-Knisja Ta’ Mlit, u dawk li qed jagħtu kontribut attiv hawnhekk. Hemm ħafna li jsir, u ħafna xogħol isir fis-skiet, fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum, bla ma ħafna jafu bih. Dan hu ta’ siwi kbir għall-bini tal-komunità. Irridu niftakru li dak ix-xogħol li jsir bil-qalb u b’ġenerożità bla ħadd ma jaf bih għandu valur kbir quddiem Alla. Għandna napprezzawh. Il-Papa Franġisku jitkellem fuq is-sabiħ ta’ komunità “li tħares id-dettalji ċkejkna tal-imħabba fejn il-membri jieħdu ħsieb xulxin u joħolqu spazju miftuħ u ta’ evanġelizzazzjoni” (Ifirħu u Thennew, par. 145). Alla kapaċi joħloq ħafna mill-ftit tagħna, jekk aħna lesti noffruh lilu. Hu dak li nagħmlu meta niltaqgħu flimkien hawnhekk. Lil Alla noffrulu s-sehem tagħna, ukoll jekk jidher ftit. Alla minnu jagħmel xi ħaġa kbira, u bil-kontribut ta’ ħafna jagħmel ħwejjeġ kbar.

Marija, Omm il-Knisja
L-isbaħ eżempju ta’ dan kollu nsibuh f’Marija, li lilha bħala Omm il-Knisja hi ddedikata din il-Knisja Ta’ Mlit. Fl-Evanġelju lil Marija nsibuha attenta għad-dettalji ċkejknin, fis-skiet, kultant bla ħadd ma jinduna. Niftakru l-ġrajja tat-tieġ ta’ Kana fejn indaħlet biex tgħin, imma mingħajr ma ndunaw li kienet hi, tant għamlet kollox bil-kwiet. Dan hu l-istil ta’ Marija – attenta għad-dettalji ċkejknin tal-imħabba. Minn dawn Alla jagħmel ħwejjeġ kbar, kif qalet Marija stess: “… Għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (Lq 1:49). Għamilhom magħha, u għamilhom permezz tagħha, għax hi kienet attenta għad-dettalji ċkejknin.

Aħna li nġbarna f’din l-okkażjoni sabiħa tal-20 anniversarju mit-tberik ta’ din il-knisja, nitolbuha lil Marija biex tgħinna napprezzaw il-valur tad-dettalji ċkejknin fil-ħajja tal-familja u tal-komunità, u noffru b’imħabba s-sehem żgħir tagħna lill-Mulej biex minnu jagħmel ħwejjeġ kbar.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Efesin 2:14-22
Salm: 127
Evanġelju: Lq 13:18-21

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.