Oħtna l-Mewt


Il-Ġimgħa 2 ta’ Novembru 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fit-Tifkira Solenni tal-Erwieħ Kollha tal-Purgatorju Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.
wp_20181102_006.jpg

“OĦTNA L-MEWT”

Għal ħafna minna, inqas ma nitkellmu dwar il-mewt, ikun ferm aħjar. Ħafna drabi l-ħsibijiet tagħna dwar il-mewt naħbuhom lil xulxin daqslikieku huma sigriet personali li nibżgħu nitkellmu dwaru. Darba jkun hemm persuna qiegħda tmut. Il-familjari sejħu lill-Kappillan, imma insistew miegħu biex ma jsemmi xejn lill-marid, għax dan ma jafx li wasal biex imut! Wara li l-Kappillan qal xi talb, il-marid xtaq ikellem lis-saċerdot privatament u għalhekk il-familjari ħarġu. Meta l-marid u l-Kappillan kienu waħidhom, il-marid qallu: “Jien ftit fadalli ħajja, imma lil tal-familja tgħidilhom xejn, għax għadhom ma jridux jaċċettawha”. L-orrur li tnissel fina l-mewt iwassalna biex saħansitra nidħku b’xulxin. Imma l-mewt hija daqshekk tal-waħx?

Fl-Għanja tal-Ħlejjaq San Franġisk ifaħħar lil Alla għal oħtna l-mewt tal-ġisem (“soror nostra morte corporale”) li ebda bniedem ħaj ma jista’ jaħrab minnha: “Mulejja, tkun imfaħħar f’oħtna l-mewt tal-ġisem li ma tħallix ħaj wieħed jaħarbilha”. U meta t-tabib qallu li kien ser jara l-mewt fi żmien ftit xhur, San Franġisk, li kien għadu fil-fjur ta’ ħajtu (45 sena), ikun hu stess li jistieden lill-mewt u joħroġ bl-espressjoni qawwija: “Nagħti merħba lil oħti l-mewt”. Massimo Cacciari, ħassieb Taljan li ma jemminx, jgħid li jifhem li l-Fqajjar ta’ Assisi jfaħħar lil Alla għax-xemx, il-qamar, l-ilma, in-nar u l-art, għax dawn kollha huma ħlejjaq; imma ma jifhimx kif ifaħħar lill-mewt, għax din ma hijiex ħlejqa imma hija konsegwenza tad-dnub.

Imma mbagħad il-Qaddis Serafiku jgħid li hemm it-tieni mewt (“secunda morte”) li hija l-mewt spiritwali – dawk li jmutu fid-dnub il-mejjet. Fil-fatt, San Franġisk itenni li huma henjin dawk li l-mewt issibhom fir-rieda ta’ Alla; inkella l-mewt hija verament waħx. Għax fil-każ tat-tieni mewt, il-mewt ma tkunx dak il-bieb li jiftaħ għall-ħajja ġdida u definittiva, imma tkun bieb li jingħalaq għall-ħajja.

Bir-raġun il-mewt ittaqlilna qalbna u moħħna, għax il-mewt ittemm id-damma ta’ relazzjonijiet ma’ tant bnedmin li jkunu jħobbuna u aħna nħobbuhom. Imma għal min għandu l-viżjoni Kristjana tal-ħajja bħalma kellu San Franġisk, il-mewt ma ġġibx fit-tmiem ir-relazzjonijiet tagħna, imma, kif josserva San Franġisk, il-mewt hija ċelebrazzjoni tal-laqgħa tagħna ma’ Alla. Meta mmutu, jingħalqu għajnejna għal din id-dinja u jinfetħu għal dik il-laqgħa li lkoll kemm aħna suppost ninsabu mxennqa għaliha: il-laqgħa personali tagħna ma’ Ġesù.

Biex San Franġisk isejjaħ il-mewt bħala “oħtu” u lill-moribond isejjaħlu “hieni”, bilfors li kellu doża qawwija ta’ fidi fi Kristu rebbieħ fuq il-mewt. Tumas minn Celano jikteb li San Franġisk “kien verament il-ħin kollu mehdi [occupato] bi Kristu. Ġesù kien dejjem f’qalbu, fuq fommu, f’widnejh, f’għajnejh, f’dirgħajh u fil-partijiet kollha ta’ ġismu” (FF, 522). Bir-raġun għalhekk Franġisku kellu din ir-relazzjoni mal-mewt.

Dak li ġarrab San Franġisk huwa proposta għalina lkoll. Nitolbu lil Alla biex meta għalina jew għal qrabatna jasal il-mument tal-passaġġ, aħna jkollna l-istess kuraġġ li wera San Franġisk quddiem il-mewt. X’atmosfera differenti tista’ tinħoloq f’dawk il-mumenti solenni tal-agunija meta aħna nemmnu li jkun wasal il-mument biex naraw lil Alla wiċċ imb wiċċ! Għalhekk il-mewt ma tibqax, kif jgħid San Pawl, “l-aħħar għadu li jintrebaħ” (1 Kor 15:26), imma ssir “oħtna” li takkumpanjana biex nidħlu fl-eternità.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.