Is-Sibt, 23 ta’ Mejju 2026: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Velja Djoċesana ta’ Għid il-Ħamsin. Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
This simple applause would like to be a warm welcome on behalf of the Church of Gozo. As we are here today, we embrace you like a mother to sustain you in your decision to be followers of Jesus Christ receiving today the Sacrament of Confirmation. Thank you for your availability and for your docility to the Holy Spirit. But I will ask your permission to say some words in Maltese to the assembly.
***
Qegħdin fi żmien l-Elezzjoni. Tgħiduli: ‘M’hemmx għalfejn tgħidilna, għax nafu!’. Forsi hawn xi ħadd għadu ma ndunax, jista’ jkun ukoll! U fi żmien l-Elezzjoni faċli nonqsu lil xulxin: bil-kliem, forsi kultant b’ħarsa jew b’nuqqas ta’ ħarsa, forsi kultant b’kumment, b’vers, b’kitba. Kemm hu faċli nonqsu lil xulxin! U minflok sempliċiment nuru l-opinjoni tagħna, nispiċċaw anki nattakkaw lill-persuni tal-oħrajn. Forsi għaliex ilkoll kemm aħna l-emozzjonijiet tagħna jispiċċaw biex iċajprulna r-raġuni tagħna. U forsi kieku jkollu jgħaddi ż-żmien u nerġgħu nħarsu lejn dak li għedna, ħsibna jew ktibna, ngħidu: ‘Ara kemm konna boloh!’. Imma meta jkun fis-saħna, wieħed joħorġulu kliem, espressjonijiet, emozzjonijiet, li kieku aħjar żamm għalih u kkontrolla.
Imma minbarra dan iż-żmien tal-Elezzjoni, intom tafu li qegħdin fiż-żmien illi fih l-Ewropa – id-dinja tal-Punent biex ngħidu hekk – tidher nieqsa minn direzzjoni. Donnu l-unika direzzjoni komuni ħafna drabi tispiċċa biex tkun ir-relattiviżmu, jew fi kliem iktar sempliċi, li nagħmel dak li jfettilli u li jaqbilli. Mhux importanti jekk dak li se nagħmel, dak li jaqbilli, jaqbilx lil ħaddieħor jew jaqbilx lill-ġid komuni. Dan kollu jwassal biex il-Knisja, il-komunità ta’ Ġesù u ta’ dawk li jemmnu, kulma jmur apparentement qed tiċkien.
Qegħdin fi żmien ukoll li fih qegħdin jgħallmuna li kważi kważi l-uniku mod ta’ kif nirrealizzaw ruħna u nkunu kuntenti, hu billi naffermaw lilna nfusna: li tgħaddi tiegħi, naħseb biss skont moħħi, inħoss biss skont qalbi. L-oħrajn jekk iridu, jaħsbu bħali; jekk ma jridux, affari tagħhom. Din hija r-realtà li qed ngħixu fiha, u proprju fuq dawn l-erba’ karatteristiċi li għadni kif semmejt, il-Qari tal-lum ikellimna b’mod ċar. Proprju fuq din ir-realtà, l-erba’ lezzjonijiet li smajna llum jagħtuna d-don tal-Ispirtu s-Santu.
San Pawl fl-Ittra lir-Rumani (8:22-27) qalilna b’mod sabiħ ħafna li aħna nitniehdu. Kultant tismagħha fil-verità: ‘ajma’, jew nieħdu nifs qawwi, nitniehdu ta’ veru. Imma għalfejn nitniehdu ta’ veru? Forsi minn filgħodu, minn kif inqumu, tibda tħoss il-ġogi jipprotestaw, minn kif inqumu, jew filgħaxija għax għajjenin! Nitniehdu għax il-bniedem mhuwiex komplut. Ara ma jkollniex l-idea li aħna kompluti jew li xi darba nistgħu nkunu kompluti waħedna!
U allura għandna bżonn tal-Ispirtu Qaddis ta’ Alla, tal-enerġija, għandna bżonn tal-ilma li jsemmilna Ġesù fl-Evanġelju tal-lum (Ġw 7:37-39): l-ilma li jagħtina l-ħajja, l-ilma li kif jgħid lis-Samaritana f’Kapitlu 4, min jixorbu mhux biss jagħti l-ħajja lilu, imma hu stess isir ħajja għall-oħrajn.
Alla jħawwad l-ilsna tas-suppervi
Fl-Ewwel Qari mill-ktieb tal-Ġenesi (11:1-9) naraw il-konfużjoni li nħolqot f’Babel minħabba s-suppervja, minħabba li sa mill-bidu nett, sa minn eluf ta’ snin ilu – il-bidu tal-organizzazzjoni li ngħidulha ‘belt’, minn meta l-bniedem għadda mill-fażi rurali tiegħu, mill-fażi tar-ragħajja, għall-amministrazzjoni organizzata – il-korruzzjoni kibret u żdiedet iktar. Mhux għax qabel ma kinitx ukoll, imma kibret u żdiedet iktar. U din ġabet il-firda, forsi simili għall-firda tal-belt tagħna llum fi żmien l-Elezzjoni.
U Alla jħawwad l-ilsna… proprju lil dawk li huma suppervi, lil dawk li jfittxu biss li tgħaddi tagħhom, li juru kemm huma b’saħħithom huma, lil dawk li jinsew li kull bniedem hu magħmul biex jgħix ma’ bnedmin oħra – biex jgħin, jaqdi lill-bnedmin oħra.
L-Ispirtu s-Santu jiġi llejla b’dan id-don tal-komunjoni, b’din il-grazzja tal-komunità, b’din il-grazzja tal-Knisja li tfisser li l-ġemgħa magħquda tħobb lil xulxin, timxi wara Ġesù.
Il-Kelma ta’ Alla tagħti direzzjoni
Għedna li kultant aħna, b’mod speċjali fid-dinja tal-Punent, inħossuna poplu mingħajr direzzjoni. Fit-Tieni Qari li smajna bl-Ingliż mill-Ktieb tal-Eżodu (19:3-8a,16-20b) assistejna għall-għoti tad-don il-kbir tat-Torah fuq il-muntanja Sinaj. Dan hu d-don il-kbir tal-Kmandamenti, tal-Kelma ta’ Alla. Kemm hi sabiħa din il-kelma, torah! Aħna l-Maltin u l-Għawdxin nistgħu nifhmuha sew, għax tfisser ‘tara’, tfisser li quddiem wiċċek ikollok id-direzzjoni.
U hawn jerġa’ l-Ispirtu ta’ Alla jagħtina direzzjoni, aħna li kultant aħna poplu mifxul, nagħaġ mingħajr ragħaj, kif isemmi l-Profeta u kif jgħid Ġesù fl-Evanġelju. Aħna nagħaġ li m’għandhomx ragħaj, mingħajr direzzjoni. Il-Kelma ta’ Alla hija d-direzzjoni ta’ ħajjitna. U meta aħna għandna direzzjoni, ikollna sensazzjoni u emozzjoni sabiħa immens: l-emozzjoni taċ-ċertezza, tas-sigurtà. Kemm hi kerha l-inċertezza! Kemm hu ikrah li ma tafx kif għandek iġġib ruħek, li ma tafx x’għandek tagħmel! Kemm hi fixla kbira meta inti f’sitwazzjoni ma tafx liema għażla se tieħu f’ħajtek! Il-Kelma li jagħti Alla minn fuq il-muntanja Sinaj lil Mosè hija t-Torah, it-turija, id-direzzjoni tal-ħajja tagħna.
U l-Ispirtu s-Santu llum jagħtina din il-Kelma, mhux iktar bħala xi ħaġa quddiemna, li rridu nilħqu u kważi kważi nitħabtu għaliha, naqtgħu nifisna biex naslu ħalli nobdu u nagħmlu xi ħaġa. Hekk kienet tiġi ppreżentata fit-Testment il-Qadim. Imma l-Ispirtu s-Santu jippreżentalna l-Kelma llum, bħala li diġà qiegħda f’qalbna permezz tiegħu. Meta naqraw l-Iskrittura, nindunaw li dak li naqraw diġà qiegħed f’qalbna. U għalhekk l-Iskrittura tagħtina l-paċi għax tgħaqqad dak li aħna ilna nitniehdu għalih – kif qalilna San Pawl – u li ilna nixtiequ, ma’ dak li Alla jippreżentalna fuq barra permezz tal-Kelma tiegħu. Imma diġà l-Ispirtu fina jixtieq li aħna nħobbu, naħfru, ngħinu, nieħdu paċenzja, inkunu veri, inkunu ġusti. Huma diġà dawn tnehid tal-Ispirtu ta’ Alla fina.
Allura dan id-don tal-Kelma m’għadux ’il barra. Ma rċevejniehx iktar fuq is-Sinaj, biex imbagħad Mosè meta niżel kellu jkissru fuq il-poplu, li kien diġà waqqaf l-idolatrija. Imma dan id-don qiegħed fina.
Ħajja ġdida lill-Knisja
Imbagħad jiġi l-Profeta Eżekjel (37:1-14) u jirrakkontalna dik il-ġrajja sabiħa li seħħet fil-Wied ta’ Ġosofat, proprju qrib il-belt ta’ Ġerusalemm, li sal-lum għadha sservi ta’ ċimiterju. Min mar Iżrael, jaf li l-belt kollha ta’ Ġerusalemm hija mdawra b’postijiet ta’ dfin. U Alla dak l-għadam niexef kapaċi jressqu lejn xulxin, jgħaqqdu flimkien permezz tal-ġogi u permezz tan-nervaturi. Dak l-għadam niexef ilibbsu b’ġisem, b’ġilda sabiħa, imbagħad jonfoħ fih bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu. U dak li mingħalina miet, dak li mingħalina qed jispiċċa, fil-fatt ikun qed jieħu r-ruħ, ikun qed jieħu l-ħajja.
Din hija l-Knisja li ppreżentalna llum l-Ispirtu ta’ Alla (Atti 2:1-11): tnax-il persuna, anzi ħdax, imwerwrin u mbeżżgħin, maqfulin, magħluqin mill-biża’ tal-Lhud, joħorġu u fi ftit żmien isiru 3,000 u jixterdu mad-dinja kollha. Dan għaliex mhix impożizzjoni, xi ħaġa li tiġi minn fuq, imma hija l-verità. Hu l-Ispirtu ta’ Alla li hemm fina, u Alla preżenti fina permezz tas-Sagramenti tal-Magħmudija, il-Griżma tal-Isqof, l-Ordni Sagri, iż-Żwieġ. Alla jagħtina timbru tal-Ispirtu tiegħu, skont is-sejħa, il-professjoni, l-għażla tagħna. Dan biex kull wieħed u waħda minna nħobbu skont is-sejħa li qiegħed jagħmlilna.
Don għall-oħrajn
U fl-aħħar smajna l-Profeta Ġoel (3:1-5), li bdejna bih f’Ras ir-Randan. Hu jgħidilna xi ħaġa importanti immens: li d-don li nirċievu – u din hija importanti għalina s-saċerdoti l-ewwel u qabel kollox, imma għal kulħadd – mhuwiex għar-realizzazzjoni tagħna. Id-don li nirċievu, il-kwalitajiet tagħna personali, ir-rigal li nirċievu mill-Knisja – bħalma hu s-Sagrament taż-Żwieġ, bħalma hija l-Ordinazzjoni, bħalma huma ħafna ministeri oħrajn: li naqra fil-knisja, li nkanta fil-knisja, li nagħmel karità, imma mhux biss dawk li huma formali –, dak kollu li nagħmlu aħna fil-ħajja… mhumiex għalina.
Mal-Profetra Ġoel ikompli San Pawl fl-Ittra lir-Rumani. Meta l-bniedem jinqeda bid-doni, bil-kapaċità tiegħu, bl-abbiltà tiegħu għalih, miskin ikun qed joqtol u jeqred lilu nnifsu bil-mod. Jispiċċa f’ħafna egoċentriżmu u infantiliżmu. Ma ninsewx illi d-doni li Alla jagħtina, dawn kollha huma biex aħna nużawhom għall-ġid tal-oħrajn, għall-ġid komuni.
Ċirkulazzjoni ta’ qadi
Hawnhekk nixtieq ngħid kelma żgħira fuq iż-żmien li qed ngħixu [tal-kampanja elettorali], fuq il-ħafna kliem li nisimgħu. Noqogħdu attenti aħna l-komunità Nisranija: aħna ma nistgħux nippretendu mill-politiċi tagħna, bħalma ma nistgħux nippretendu mill-Knisja, li kull ħaġa li jagħmlu, jagħmluha għalija; illi jien inkun l-uniku oġġett tal-enerġija, tat-taħbit, tal-ekonomija – l-aqwa li nkun sew jien!
Meta b’xi mod xi ħadd idaħħalna f’din id-dinamika, ma jkunx qed jagħmlilna servizz, imma jkun qed jittrattana ta’ tfal. Dan għax aħna lkoll għandna l-kapaċitajiet tagħna, il-ħiliet tagħna, u dawn imsejħin biex inħaddmuhom għall-ġid ta’ xulxin. Ilkoll kemm aħna ngħixu f’ċirkulazzjoni ta’ qadi, u jekk xi ħadd minna – forsi nista’ nkun jien – naqgħu fl-iżball li l-oħrajn qegħdin għalija, jew xi ħadd qiegħed hemm fuq jew hemm taħt jew maġenbi għalija, jien inkun qiegħed niżbalja. Niżbalja mhux biss Kristjanament, imma wkoll umanament.
Allura noqogħdu attenti biex ma nippretendux dak li aħna ma ħaqqniex, dak li lilna minflok ma jagħmilna persuni responsabbli adulti, iħallina tfal – nistennew li naqilgħu xi ħaġa mingħand id-‘daddy’ jew mingħand il-‘mummy’. San Pawl fl-Ittra lir-Rumani u l-Profeta Ġoel it-tnejn jgħidulna b’mod ċar li anki l-anzjani għandhom x’jagħtu. Imqar l-anzjani saħansitra jaraw viżjonijiet u joħolmu, iħarsu ’l quddiem, għandhom kapaċitajiet, ħiliet, potenzjal x’jagħtu lis-soċjetà.
U allura allaħares qatt aħna mmorru bl-idea li aħna qegħdin biss biex nirċievu, għax inkunu qegħdin niżbaljaw mhux biss il-fidi tagħna – li tikkonsisti l-ewwel u qabel kollox f’li nirċievu l-imħabba ta’ Alla, imma nirritornawha fi mħabba lejh u fi mħabba lejn l-oħrajn – imma wkoll l-antropoloġija, fi kliem ieħor, l-idea valida, ġusta, matura ta’ bniedem.
Fid-dawl ta’ dan kollu, kemm għandna bżonnu l-Ispirtu s-Santu! Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek. Ibgħat l-Ispirtu tiegħek u huma jinħalqu, u inti ġġedded il-wiċċ tal-art.