Distanzi. Niċċelebraw l-Evanġelju ta’ Pentecoste.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Dak il-Ħadd filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”. Ġw 20:19-23

  1. Riflessjoni/talba:

i. Dak il-Ħadd filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu.

Idejh u ġenbu
il-feriti li jagħlquhom fil-biża minn barra
li jiffossilizzawhom flimkien fil-ħtija minn ġewwa

jingħaqdu mal-għotja qatt mistennija
li tilliberahom minn ġewwa
u timlihom b’ferħ li jmexxihom ‘l barra:

Is-sliem għalikom!

Irrifletti:
Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
lill-miġruħ agħtih fejqan.

ii. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”.

Hemm distanza li taqtgħek
ta’ firda, ta’ mibegħda,
ta’ aljenazzjoni!

Imma hemm distanza li tgħaqqdek iżjed
ta’ min mibgħut b’fiduċja, b’imħabba profonda,
ta’ komunjoni.

Fid-distanza fuq is-salib
fid-distanza tal-qabar
hemm il-mibgħut mill-Missier.

Fid-dixxiplu mibgħut
hemm il-presenza, il-ħidma,
is-sliem tal-Imgħallem.

Irrifletti

Rattab fina l-ebusija,
agħti lill-berdin bżulija,
għin fit-triq lil min beżgħan.

iii. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Il-milja tal-qawmien
tal-ħolqien mill-ġdid
li jiżboq l-abbiss tad-dnub
id-distanza mill-Ħallieq
ir-ribelljoni li tiżola.

Irċievi n-nifs ġentili fuq il-ħtijiet tiegħek
irċievi l-Ispirtu s-Santu
wassal il-fejqan
irbaħ id-distanzi.

Irrifletti
Inti l-aqwa faraġ tagħna,
fik kull hena xħin tkun magħna,
tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.

  1. Missierna

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading