Qed tintemm ċiviltà msejħa kristjana


Il-Ħamis 29 ta’ Novembru 2018. L-aħħar tad-dinja u t-tmiem ta’ kull wieħed u waħda minna: din hi t-tema tal-liturġija matul dil-ġimgħa. Illum ukoll, qal dalgħodu l-Papa Franġisku waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-qari jkellimna dwar dan. 

L-ewwel wieħed, li huwa meħud mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu, jitkellem dwar il-qerda ta’ Babilonja, simbolu tal-mondanità, tal-lussu, tal-awto-suffiċjenza, tal-poter ta’ did-dinja. It-tieni qari, mill-Vanġelu skont San Luqa, jirrakkonta d-distruzzjoni ta’ Ġerusalemm, il-belt qaddisa.

Fil-jum tal-ġudizzju, Babilonja għad tinqered b’għajat ta’ vittorja. Il-prostituta taqa’, ikkundannata mill-Mulej, u, issokta Franġisku, tinkixef il-verità dwarha: bejta tax-xjaten, rifuġju ta’ kull spirtu impur. Moħbija fit-tlellix tagħha hemm il-korruzzjoni, il-festi tagħha fihom ferħ falz. Il-qerda tagħha se tkun vjolenti u ħadd aktar mhu se jsibha.

Id-daqq tal-mużiċisti, tad-daqqaqa tal-kitarri, tal-flawt u tat-tanbur, ma jinstemax aktar, ma jkunx hemm aktar festi sbieħ; kull artiġjan ta’ kull mestjier, ma jibqax aktar fik għax m’intix belt tax-xogħol imma tal-korruzzjoni. Il-ħoss tal-mitħna ma jinstemax aktar fik; id-dawl ma jiddix aktar fik – tista’ forsi tkun belt tlellex, imma mingħajr dawl: din hi ċiviltà korrotta. Leħen l-għarus u l-għarusa ma jinstemgħux aktar fik. Kien hemm bosta koppji, bosta nies, imma mingħajr imħabba.

Dil-qerda tibda minn ġewwa u tintemm meta l-Mulej jgħid: ‘Biżżejjed.’ U jasal jum li fih il-Mulej jgħid: ‘Biżżejjed għall-apparenzi ta’ did-dinja.’ Din hi l-kriżi ta’ ċiviltà li taħseb li hi mkabbra biha nfisha, awto-suffiċjenti, dittatorjali… u hekk tispiċċa.

Ġerusalemm, issokta l-Papa Franġisku, se ssib ir-rovina tagħha minħabba tip ieħor ta’ korruzzjoni: il-korruzzjoni tal-infedeltà lejn l-imħabba. Ma kellhiex ħila tagħraf l-imħabba t’Alla f’Ibnu. Il-belt qaddisa għad tkun ikkalpestata mill-pagani, ikkastigata mill-Mulej għax fetħet qalbha u l-bibien tagħha għall-pagani.

Il-ħajja kristjana saret pagana, afferma l-Papa. Qegħdin ngħixu ta’ Nsara? Jidher li iva imma fil-verità ħajjitna hi pagana meta taqa’ għas-seduzzjoni ta’ Babilonja u Ġerusalemm, meta tgħix bħal Babilonja. It-tnejn se jkunu kkundannati. Int kristjan, kristjana? Tgħix bħala Nisrani/Nisranija? L-ilma u ż-żejt ma nistgħux inħalltuhom flimkien. Se jkun it-tmiem ta’ ċiviltà kontradittorja fiha nfisha, li tgħid li hi nisranija iżda tgħix ħajja pagana.

Wara l-kundanna taż-żewġt ibliet, kompla jgħid il-Papa Franġisku, jinstema’ leħen il-Mulej. Wara d-distruzzjoni se jkun hemm is-salvazzjoni. L-anġlu qal: ‘Ejjew, imberkin, il-mistiedna għat-tieġ tal-Ħaruf!’ Il-festa l-kbira, il-vera festa!

Iseħħu t-traġedji, anke f’ħajjitna, imma meta jiġru, inħarsu lejn ix-xefaq għax aħna konna mirhuna u l-Mulej jiġi biex isalvana. Dan jgħallimna biex il-provi tad-dinja ma ngħixuhomx bil-patt mal-mondanità jew bħall-pagani, għax b’hekk inkunu mexjin lejn il-qerda; imma ngħixuhom bit-tama, maqtugħin mis-seħer mondan u pagan, b’ħarsitna lejn l-orizzont, bit-tama fi Kristu l-Mulej. It-tama hi l-qawwa tagħna: nibqgħu mexjin. Imma għandna nitolbu dan lill-Ispirtu s-Santu.

Franġisku ħeġġiġna biex naħsbu ftit fil-Babilonja ta’ żmienna, tant imperi setgħanin, bħalma kien hemm fis-seklu li għadda u li kollha ġġarrfu. Hekk ukoll għad jintemmu l-ibliet il-kbar tal-lum, u hekk għad tintemm ħajjitna jekk nibqgħu nimxu f’dit-triq li tagħmilna dejjem aktar pagani.

Jibqgħu biss, temm Bergoglio, dawk li tamiethom hi fil-Mulej. Għalhekk, niftħu qlubna bit-tama u nitbegħdu mill-paganizzazzjoni tal-ħajja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.