Kitba ta’ Angelo Xuereb
Din il-Ġimgħa ser nimmeditaw fuq l-Avvent li huwa ż-żmien li fih nitħejjew għall-Milied.
Matul l-Avvent nistennew il-miġja tal-Messija. U għalhekk dan huwa ż-żmien li fih niftakru li Kristu għad jerġa’ jiġi biex jeħodna għand il-Missier jekk inkunu għexna ħajja tajba u fit-tieni miġja tiegħu meta huwa jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin.
F’dan iż-żmien niftakru fl-istennija ta’dawk il-persuni li għexu qabel Kristu u li tant stennewh b’tant fidi. Niftakru speċjalment fil-profeti li ħabbruh minn qabel. Dan nistgħu narawh fi Xmuni l-profeta li meta ppreżenta lil Ġesù fit-tempju stqarr li issa jista’ jistrieħ fil-paċi, jiġifieri jmut.
Proverbju Malti jgħidilna “Min jistenna jithenna” jiġifieri jagħmel kollox bil-galbu u għalhekk hemm ċans li jirnexxi. U għalhekk nistgħu ngħidu kemm jithenna dak li jistenna lil Kristu. Min ipoġġi t-tamiet tiegħu fil-bnedmin jistgħu jingannawh iżda min ipoġġi t-tama tiegħu fi Kristu, ser isib il-paċi, kemm f’din id-dinja u kemm fl-eternità.
Madwar elfejn sena ilu Kristu twieled fil-faqar ġewwa Betlem u r-rgħajja marru jarawh. Iżda fit-tieni miġja tiegħu Kristu ser jiġi rebbieħ. U dan jagħmlilna kuraġġ. Forsi naraw lil min irid jeħodha kontra t-tagħlim ta’ Kristu iżda fl-aħħar mill-aħħar huwa ser jirbaħ u dan għandu jimliena kuraġġ.
Matul l-Avvent niċċelebraw il-festa tat-Kunċizzjoni. Din il-festa tal-Verġni Marija turina li Alla ħejja tempju fejn huwa jkun jista’ jgħammar. U għalhekk tfakkarna li t-twelid ta’ Kristu huwa fil-qrib.