Avvent ma’ Marija – It-Tieni Ġimgħa – It-Tlieta


TAQBIDA

“Hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu”. – Luqa 1:48

48281234_1066586163520667_4724725541863686144_nNhar il-Ħadd rajna kif il-vojt ta’ Marija ħallieha tagħmel eku. Illum nisimgħu lil Marija ssebbaħ lil Alla fiċ-ċokon tagħha, u ma hemm l-ebda kumbinazzjoni. Il-vojt iwassal għall-eku… u t-taqbida twassal għall-vojt. Il-kelma Griega li tinqeda biha Marija biex tfisser iċ-ċokon tagħha hi l-kelma tapeinosin, li ma tfissirx sempliċiment umiltà spiritwali imma qagħda ta’ tbatija kbira. Fil-fatt, din il-kelma kienet tintuża ħafna fit-traduzzjoni tas-Sebgħin, il-verżjoni Griega tat-Testment il-Qadim, biex turi t-tbatija li kien fiha l-poplu ta’ Alla meta kien ippersegwitat u fil-jasar imma kien wasal biex jiġi meħlus mill-id feddejja ta’ Alla. Ngħidu aħna, huwa u jfakkar kif Alla darba ħeles lil Iżrael mill-jasar tiegħu fl-Eġittu, is-Salm 136 jgħid: “Meta konna magħkusin (tapeinosin) ftakar fina… u ħelisna mill-għedewwa tagħna”.

Bħala mara Lhudija li għexet fiż-żmien iebes tal-okkupazzjoni Rumana, Marija għexet dik il-karba li ta’ kuljum kienet toħroġ minn fomm poplu sofferenti. Ir-raħal ta’ Nazaret u l-poplu ta’ Iżrael kienu mxennqa biex Alla jifdihom mit-tbatijiet tagħhom.

It-taqbid, anki t-tbatija, huma realtà għal ħafna minna. Waqt li l-kultura tagħna ma tridx taf bihom, it-taqbidiet imissu l-ħajja ta’ kulħadd. Ftit minna kapaċi jħaddnu magħhom it-taqbidiet ta’ ħajjithom, imma kollha niġu wiċċ imb wiċċ magħhom. It-taqbid hu parti mill-ħajja. Iktar minn hekk, hemm gidba li dejjem tfesfes fil-fond tat-taqbidiet tagħna u li tgħidilna: “Jiena waħdi”. Għalhekk, ħafna minna jfittxu jaħarbu mit-taqbid u mit-tbatija għax nibżgħu li niġu abbandunati iktar milli għax nibżgħu mit-taqbida – ħadd minna ma jrid jissara waħdu.

Importanti għalina li nkunu nafu li t-taqbid u t-tbatija mhumiex konsegwenza tal-fatt li Alla telaqna waħidna. It-taqbida hi parti mill-ħajja. Fil-fatt, Marija tgħanni ċ-ċokon tagħha (tapeinosin) għax taf li mhix waħidha. Alla għażilha, u għalhekk m’hemmx bżonn taħrab mit-tbatija. Tista’ tibqa’ battala, għal Alla “xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu”.

Fil-ħajja tiegħek, fejn qed tħossok tissielet? Iktar minn hekk, x’inhi l-attitudni tiegħek quddiem it-taqbidiet u t-tbatija? Quddiem it-taqbida tiegħek? Quddiem it-taqbid ta’ ħaddieħor? Staqsi lil Marija x’għamlet bit-taqbidiet u t-tbatija ta’ ħajjitha.

Għat-talb tiegħek
Marija żgur kienet titlob bis-Salm 22. Ħejji t-talba immaġinattiva tiegħek billi taqra bil-mod is-Salm 22:1-8,19-31. Ħaddem is-sensi spiritwali tiegħek u itlob bl-immaġinazzjoni tiegħek flimkien ma’ Marija f’Luqa 1:48. Imbagħad, għid din it-talba:

“Missier, nitolbok li nagħraf imħabbtek għalija fid-dgħufija tiegħi. Għinni ma naħrabx mit-tbatija, imma niġi niġri għandek fit-tbatija”.

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?
X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.