Il-Papa f’Santa Marta: Inħejju ruħna għall-Milied


It-Tnejn, 10 ta’ Diċembru 2018: Fl-omelija li għamel illum it-Tnejn 10 ta’ Diċembru, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku ħeġġiġna biex din it-tieni ġimgħa tal-Avvent ngħejxuha nitolbu l-grazzja li nħejju ruħna għall-Milied bil-fidi. Mhux ħaġa ħafifa li tħares il-fidi u tiddefendiha, osserva l-Papa Franġisku.

F’riflessjoni li għamel dwar l-epsiodju mill-Vanġelu ta’ Luqa li jirrakkonta l-fejqan tal-paralitiku, il-Papa għalhekk stedinna biex il-Milied niċċelebrawh bil-fidi vera. Il-fidi ttina l-kuraġġ u hi t-triq li biha mmissu l-qalb ta’ Ġesù.

Aħna tlabna li jkollna l-fidi fil-misteru ta’ Alla li sar bniedem. Illum, fil-Vanġelu naraw kif il-fidi tmiss il-qalb tal-Mulej. Il-Mulej “jara l-fidi tagħhom”, jgħidilna l-Vanġelu, għax trid tkun kuraġġuż biex tagħmel ħofra fis-saqaf biex minnha tniżżel is-sodda li fuqha kien hemm il-marid. Il-kuraġġ ta’ dawk in-nies kien imnissel mill-fidi. Kienu jafu li jekk dak il-marid jasal quddiem Ġesù kien se jkun imfejjaq.

Ġesù jammira l-fidi tan-nies kif ġara fil-każ taċ-ċenturjun li talab il-fejqan tal-qaddej tiegħu; tal-mara siro-feniċja li talbitu jeħilsilha lil bintha mix-xitan li kien hemm fiha u wkoll tal-mara li għax sempliċiment misset it-tarf tal-mantell tiegħu, Ġesù jfejjaqha mit-tnixxija tad-demm li kienet qed tifliġha.

Iżda Ġesù, żied jgħid il-Papa, iċanfar lin-nies neqsin mill-fidi, bħal meta ċanfar lil Pietru għax iddubita. Bil-fidi, ikkummenta l-Papa, kollox possibbli.

Illum tlabna dil-grazzja, issokta jgħid: f’dit-tieni ġimgħa tal-Avvent inħejju ruħna biex niċċelebraw il-Milied bil-fidi. Minnu li l-Milied – dan ilkoll nafuh – ħafna drabi jkun iċċelebrat mingħajr fidi, iċċelebrat bil-mondanità u l-paganiżmu. Imma l-Mulej jitlobna biex niċċelebrawh bil-fidi u matul dil-ġimgħa għandna nitolbu dil-grazzja li niċċelebrawh bil-fidi. Mhux ħafifa li tħares il-fidi, mhux ħafifa tiddefendiha: mhi ħafifa xejn.

Għall-Papa l-episodju tal-fejqan tal-għama fid-9 kapitlu tal-Vanġelu skont San Ġwann huwa emblematiku: huwa att ta’ fidi quddiem Ġesù għax l-għama jara fih il-Messija. Għaldaqstant il-Papa ħeġġiġna biex il-fidi tagħna nafdawha f’idejn Alla u niddefenduha mit-tentazzjonijiet tad-dinja.

Jagħmlilna tajjeb, qal il-Papa Bergoglio, li llum, għada u matul il-ġimgħa, naqraw din l-istorja sabiħa tal-għama mit-twelid f’dal-kapitlu ta’ Ġwanni. Imbagħad f’qalbna ntennu l-att tal-fidi: “Mulej, għinni għax il-fidi tiegħi dgħajfa. Iddefendi l-fidi tiegħi mill-mondanità, mis-superstizzjonijiet, minn dak kollu li mhuwiex tal-fidi. Iddefendiha biex ma ssirx teoriji tat-teoloġija jew tal-morali… imma tkun fidi fik, Mulej.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.