Il-Papa Ljun XIV dwar il-Vjaġġ Appostoliku tiegħu fi Spanja

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 17 ta’ Ġunju 2026

Katekeżi. Il-Vjaġġ Appostoliku fi Spanja

Għeżieżi ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Illum nixtieq nipproponi xi riflessjonijiet fuq il-Vjaġġ Appostoliku li għamilt il-ġimgħa l-oħra fi Spanja, fejn żort Madrid, Barċellona, l-Abbazija ta’ Montserrat u l-Gżejjer Kanarji.

Wara l-vjaġġ twil f’erba’ pajjiżi Afrikani, din id-darba sibt ruħi mgħaddas f’pajjiż Ewropew ta’ tradizzjoni Kattolika antika u mill-aktar għanja. U deher ċar kif fi Spanja tal-lum, li rat bidliet soċjali u kulturali notevoli, il-Papa ġie milqugħ kullimkien b’entużjażmu u qalb miftuħa għas-smigħ. Ta’ dan irrodd ħajr lil Alla u lill-poplu Spanjol kollu, lir-Re u lill-Awtoritajiet ċivili, lill-Isqfijiet u lill-Komunitajiet ekkleżjali.

Il-poplu ta’ Alla farraġni wisq bil-manifestazzjoni ferrieħa tal-fidi tiegħu u tal-imħabba tiegħu. Min-naħa tiegħi, ikkonfermajt lill-fidili u, bħala Isqof ta’ Ruma, għamiltilhom il-qalb biex jegħlbu kull xorta ta’ firda u ta’ tilwim u jikkultivaw dejjem il-komunjoni, id-djalogu, l-għaqda fid-diversità. Dan hu s-servizz proprju tas-Suċċessur ta’ Pietru, servizz li fil-vjaġġi appostoliċi jsib espressjoni speċifika, kull darba adattata għas-sitwazzjonijiet ekkleżjali u soċjali tal-pajjiżi miżjura.

Fil-każ ta’ Spanja, stajt ninnota bil-ferħ kemm in-nies, ta’ kull età u kundizzjoni, kienet qed tistenna ż-żjara tal-Papa: ma’ kullimkien sibt folol kbar jilqgħuni bi mħabba kbira. Din ma kinitx xi ħaġa li teħodha ovvja, u dan il-fatt jixraqlu riflessjoni. Naturalment din il-parteċipazzjoni tesprimi qabelxejn, kif kont qed ngħid, il-fidi tal-poplu Spanjol; fl-istess waqt, inħoss li din turi l-bżonn mifrux li ningħaqdu lkoll biex noqogħdu fuq fundament veru u profond, mhux ideoloġiku u lanqas ta’ interess parzjali. Dak il-fundament li Kristu biss, fl-aħħar mill-aħħar, jista’ jiżgura, u li l-Vanġelu, permezz tal-“inkulturazzjonijiet” meħtieġa, jista’ jgħaddi fil-ħajja tal-popli. Jista’ jagħmel dan għax il-messaġġ tiegħu jwieġeb b’mod sħiħ għaż-żewġ esiġenzi: it-tiftix tal-verità u l-għatx għall-ġustizzja.

F’Madrid u Barċellona nġbarna fil-Katidrali kbar kif ukoll fil-grawnds moderni ħafna. Tlabna r-Rużarju mqaddes fl-Abbazija ta’ Montserrat. Iċċelebrajna fis-Sagrada Familia, simbolu maestuż, sinfonija ta’ ġebel u ta’ dawl li jkellem lil kulħadd dwar il-misteru Nisrani. Din il-laqgħa ta’ antik u modern, ta’ tradizzjoni Kattolika u kultura kontemporanja għenitni nifhem b’mod ħaj il-karattru proprju tal-Ewropa, l-għana bla qies tagħha, bħala realtà attwali, mhux superata. Huwa wirt li rridu nħarsuh b’għożża, biex nistgħu ninvestuh fil-preżent globali bl-isfidi epokali tiegħu: il-paċi, l-ekoloġija integrali, l-iżvilupp ekwu u sostenibbli, ir-rispett tad-dinjità umana. Huma sfidi li l-Konċilju Vatikan II kien ġa għaraf b’mod ċar u li fuqhom irritorna wkoll il-Maġisteru ta’ wara, sal-Enċiklika riċenti tiegħi Magnifica humanitas, li għandha l-mira li tħares il-persuna umana fiż-żmien tal-intelliġenza artifiċjali.

Permezz tad-diversi laqgħat, fhimt il-bżonn li hemm li wieħed jisma’ fil-vuċi tal-Papa l-Vanġelu tat-tama għall-umanità tagħna tal-lum, imġarrba bil-kbir mill-konsegwenzi negattivi ta’ mudell ta’ żvilupp qarrieq. Dan il-bżonn, li sab espressjoni fil-ħafna xhieda li kelli l-opportunità nisma’ – xhieda xi drabi kommoventi, xi drabi edifikanti –, rajtu wkoll u fuq kollox fl-uċuħ taċ-ċkejknin u tal-foqra li magħhom iltqajt: tat-tifel li fil-parroċċa qrali l-ittra tiegħu; ta’ xi vittmi ta’ abbuż, li qed jitolbu li jingħataw widen; tal-ħabsin li kienu qed jistennewni fil-ħabs; taż-żgħażagħ mimlija tħassib u proġetti; tal-migranti fiċ-ċentri tal-ewwel akkoljenza fil-Kanarji.

Proprju hemm, fil-Gżejjer Kanarji, l-aħħar tappa tal-mixja tagħna, irċivejt bħal lenti li taħtha stajt naqra kollox flimkien. Offrewhieli, minn naħa, l-istess pożizzjoni ġeografika ta’ dak l-arċipelagu; u, mill-oħra, ir-realtà ta’ Knisja lokali li tilqa’ numru kbir ta’ migranti forzati, ġejjin qabelxejn mill-Afrika. Nafu li l-fenomenu migratorju hu kumpless u jitlob pjanijiet ta’ azzjoni organiċi u maħsuba sew. Imma din il-lenti tiftaħ perspettiva differenti u usa’: tgħinna nifhmu kif aħna ġejna msejħa naqraw b’mod ġdid il-Vanġelu fid-dinja tal-lum, u naqsmu ma’ xulxin id-doni tal-kulturi rispettivi tagħna, u b’mod partikulari l-frott li jipproduċi fihom il-messaġġ għammiel ta’ Kristu. U fost dan il-frott hemm proprju d-djalogu bejn il-persuni u bejn il-popli, il-laqgħa fi spirtu ta’ fraternità, li tippermettilna niskopru u napprezzaw reċiprokament il-valuri li l-ieħor iġorr. Din il-mixja mhijiex faċli, titlob rieda tajba u l-għajnuna ta’ Alla, imma hija l-mixja li twassal għaċ-ċiviltà tal-imħabba.

Għeżież ħuti, il-motto ta’ dan il-Vjaġġ Appostoliku kien “Alzad la mirada”, “Erfgħu ħarsitkom!” (ara Ġw 4:35). Hu l-kliem ta’ Ġesù, lill-ewwel dixxipli tiegħu, biex jgħallimhom jaraw fil-persuni u fil-folol ix-xewqa għall-ħajja, għall-verità, għall-milja. Lili qabelxejn il-Mulej itennili dawk il-kelmiet, u bil-grazzja tiegħu għamilt esperjenza tagħhom ukoll matul dan il-Vjaġġ. Illum nixtieq naqsam magħkom din l-istedina: ejjew nerfgħu ħarsitna! Nitgħallmu minn Ġesù nħarsu lejn il-proxxmu, in-nies, id-dinja “bl-għajnejn ta’ Alla”, jiġifieri bi mħabba, rispett u kompassjoni.

Fl-aħħar nett, nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li talbu għas-suċċess ta’ dan il-Vjaġġ Appostoliku, b’mod partikulari l-komunitajiet ta’ monaċi nisa kontemplattivi, li fi Spanja, għall-grazzja ta’ Alla, huma bosta fil-għadd. Komplu itolbu, biex, għall-interċessjoni tal-Verġni Marija, iż-żerriegħa li xerridt iġġib frott kotran. Grazzi!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading