Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea (26)
L-Isqfijiet, il-Kleru, id-Djakni u oħrajn
Il-firxa tal-Knisja fit-3 seklu kabbret sew ir-responsabbiltà tal-Isqfijiet, l-aktar fl-ibliet u fil-villaġġi l-kbar, hekk li ma kienx ħafif għall-Isqof li jkun jaf il-merħla tiegħu. Fit-teorija, l-Isqof kellu jkun maħtur għal kull kongregazzjoni, żgħira kemm hi żgħira, imma l-idea li jkun hemm aktar minn Isqof wieħed f’kull lokalità jidher li qatt ma kienet kunsidrata fil-Punent.
Minflok, in-numru ta’ Presbiteri (Qassisin) li jassistu lill-Isqof kiber u ġew maħtura iktar kleru komuni. Sa nofs it-3 seklu f’Ruma, l-Eżorċisti ssieħbu mal-Letturi fil-membri tal-liturġija mmexxija mill-Isqof. Is-sud-Djakni u l-Akkolti saru l-assistenti u s-segretarji personali tal-Isqof. L-Isqof kien jikkontrolla din l-organizzazzjoni li kienet qed tiżviluppa.
Fir-4 seklu dawn l-uffiċċji segretarjali saru ġerarkija formali, fuq il-mudell ta’ kif kienu jittieħdu l-postijiet minn aristokratiċi Rumani. Min kien jaspira għal pożizzjoni fil-Knisja kien jibda minn lettur, ħafna drabi mit-tfulija, imbagħad jitla’ għall-Akkollitu (Assistent) u sud-Djaknu, sal-età ta’ 30 sena. Imbagħad jiġu 5 dnin bħala Djaknu u 10 bħala Qassis, hekk li l-età minima ta’ Isqof ġiet stabbilita għal madwar 45 sena. Għalkemm din kidnet normali fil-Knisja tal-Punent, xorta waħda kien hemm eċċezzjonijiet, bħalma turi l-karriera ta’ San Ambroġ. Ambroġ għadda mill-Magħmudija għal Isqof f’ġimgħa.
Il-knejjes kollha tal-belt kienu taħt il-kura pastorali diretta tal-Isqof. F’Ruma, ngħidu aħna, l-Isqof kien jieħu fuqu l-Magħmudijiet kollha, u l-elementi konsagrati għall-Ewkaristija u oġġetti meħtieġa għas-Sagramenti kienu jitwasslu minn Akkolti kull nhar ta’ Ħadd mingħand l-Isqof għad-diversi knejjes tal-belt. Għalkemm kien hemm għadd ta’ Qassisin biex jieħdu ħsieb kull-knisja, ma kienx hemm kappillan, tal-inqas sal-aħħar tas-seklu 5.
Finanzjar tal-Knejjes
L-Isqof kien jikkontrolla wkoll il-finanzi tal-knejjes kollha u tal-kleru tal-belt. Il-knejjes bdew jiksbu propjetà sa mit-3 seklu, imma kien il-kobor tal-ġid tal-knisja fir-4 seklu bidel il-mod ta’ kif il-knejjes ikunu mgħejuna. Wara Kostantinu, l-Imperu kien l-aqwa sostenitur finanzjarju għall-knejjes, flimkien ma’ għotjiet volontarji. Mal-5 seklu, il-knisja ta’ Ruma ħaddmet sistema li biha kull dħul minn kirjiet u donazzjonijiet kien maqsum f’4 partijiet: għall-Isqfijiet, għall-kleru, għall-foqra u għat-tiswija u d-dawl tal-knejjes. F’imkejjen oħra, dan it-taqsim kien ivarja.
F’din is-sistema, l-Isqof kellu dħul ħafna iktar minn dak tal-kleru u tad-djakni, għalkemm kellu jonfoq ammont mhux ħażin għall-ospitalità. Kuntrast ieħor kien dak bejn knejjes sinjuri u knejjes foqra. Il-ġid tal-Isqof ta’ Ruma kien biżżejjed biex is-senatur magħruf Praetextatus jgħid: “Agħmilni Isqof ta’ Ruma u għada stess insir Nisrani.” Min-naħa l-oħra, id-dħul regolari ta’ xi wħud mill-kleru fil-kampanja kien hekk ftit li ħtiġilhom jistrieħu fuq il-ġenerożità tal-Insara fil-kongregazzjoni tagħhom.
Il-knejjes tal-kampanja
Il-Knisja Nisranija kienet primarjament Knisja tal-ibliet għall-ewwel sekli tagħha. Madankollu, mal-bidu tar-4 seklu, bdiet miexja lejn il-kampanja l-aktar bħala riżultat tal-prietki li kienu jmorru jagħmlu l-Isqfijiet, li waqqfu knejjes fil-villaġġi l-kbar biex jilqgħu lill-konvertiti ġodda. Għall-ewwel dawn il-knejjes kienu jieħdu ħsiebhom il-kleru li kienu jiġu mill-ibliet. Il-Qassisin f’dawn il-knejjes tal-kampanja xorta waħda kienu konsagrati u kontrollati mill-Isqof tal-belt imma setgħu jamministraw is-Sagramenti. Il-Knisja kienet bdiet tieħu l-forma ta’ ministeru fil-parroċċi lokali, ħaġa familjari mill-Medju Evu u ż-żminijiet moderni.
Sadattant żviluppat knisja partikulari fil-kampanja. Din kienet il-knisja mibnija minn sidien tal-art biex jibbenefikaw minnha n-nies li joqogħdu fl-artijiet privati tagħhom. Normalement is-sid tal-art kien jieħu ħsieb il-knisja u jżomm id-dritt li jagħżel il-kleru. Hawnhekk, għalkemm il-kleru kienu iwiegbu għall-Isqof, ma kinux daqshekk taħt il-kontroll tiegħu.
L-Isqof ta’ Ruma l-aktar eminenti
L-awtorità tal-Isqof ta’ Ruma kienet ta’ importanza kbira. Fit-teorija l-Isqfijiet kienu kollha ndaqs, imm miż-żminijiet bikrija uħud kienu iktar prominenti minn oħrajn minħabba l-importanza tal-bliet tagħhom. L-iktar importanti kienu Lixandra, Antjokja, ruma u Kartaġni. Il-Konċilju ta’ Niċea għaraf lill-ewwel tlieta bħala l-prieminenti fl-akkwati tagħhom. Kostantinopli żdiedet fit-381 meta ġiet dikjarata t-tieni wara Ruma. L-Isqof ta’ Ruma oġġezzjona għal dan għax kien jimplika li l-pożizzjoni ta’ knisja u ta’ Isqof kienu jiddependu mill-istatus tal-knisja tagħhom fl-imperu.
Joe Galea
