Il-Ġimgħa 14 ta’ Diċembru 2018: Fis-Sirja, it-tfal kollha li għandhom tmien snin kibru qalb il-perikli, il-qerda u l-mewt, hekk iddikjarat Henrietta Fore, id-direttriċi ġenerali tal-Organiżżazzjoni tal-Ġnus Magħquda għall-fondi ta’ emerġenza għat-tfal, l-UNICEF.
Fore għadha kif temmet żjara f’Douma, ftit xhur wara li ntemm assedju li kien ilu sejjer ħames snin. Il-familji li kienu ħarbu reġgħu bdew imorru lura iżda qed jgħixu fi djar mimlijin ħsara u fil-periklu minħabba għadd ta’ bombi mhux sploduti. Fil-fatt 26 tfal sfaw feruti jew mejta minħabba f’hekk.
Minkejja l-klima xitwija, kiesħa ħafna, dawn il-familji jgħixu qalb it-tifrik, jiġġieldu għall-ilma u biex isaħħnu djarhom. Hemm 20 skola mimlijin tfal u hemm bżonn jiġu ffurmati għalliema żgħażagħ minbarra li hemm nuqqas kbir ta’ materjal skolastiku.
Minħabba d-distruzzjoni mifurxa li hemm, organiżżazzjoni mhux governattiva bl-għajnuna tal-UNICEF għamlet klinika medika ġo moskeja li hi nofsha mġarrfa
Fil-belt ta’ Hama, id-direttriċi żaret ċentru taż-żgħażagħ li fih qed jiġu mgħallma kif jeħduha kontra l-vjolenza għax minn mindu bdiet il-gwerra ż-żgħażagħ saru aktar vjolenti. It-tfal u ż-żgħażagħ jaraw madwarhom biss vjolenza u dan għalihom sar ħaġa normali.
F’Deraa, belt ta’ madwar miljun ruħ, is-servizzi huma limitati ħafna u aktar min-nofs il-100 ċentru tas-saħħa mimlijin ħsara jew iġġarfu għal kollox. Hemm problema tal-ilma tant li n-nies iridu jistennew il-bowsers biex ikollhom ilma nadif.
Ħames mitt skola li hemm fiż-żona għandhom bżonn it-tiswija u l-klassijiet mimlija aktar milli suppost. Iżda minħabba l-gwerra l-età ta’ dawk li qegħdin fl-ewwel sena tal-iskola tvarja minn 6 snin għal 17-il sena.
L-UNICEF qed iżżid is-sapport li qed tagħti bi programmi għall-istudenti li tilfu l-edukazzjoni u biex tħejji aktar għalliema, minbarra li qed taħdem ukoll biex titjieb id-distribuzzjoni tal-ilma.
Fl-inħawi kollha tas-Sirja l-UNICEF titlob li jkunu mħarsa t-tfal għax il-ħtiġijiet huma kbar u l-miljuni ta’ tfal li twieldu matul dil-gwerra u li qed jitrabbew bil-vjolenza madwarahom huma lesti li jitgħallmu, iridu jilgħabu u jixtiequ jfiequ, osservat id-Direttriċi Ġenerali tal-UNICEF Henrietta Fore.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija