Evanġelju tat-Tnejn 17 ta’ Diċembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 1, 1-17

Lejn tmiem is-sitt seklu il-Konċilju ta’ Saragossa kien daħħal l-obbligu li l-komuitajiet insara jiltaqgħu kuljum minn ġimgħa qabel il-Milied, mis-17 sat-23 ta’ Diċembru biex iħejju ruħhom aħjar għall-festa tal-Milied li tfakkar it-twelid ta’ dak li bata u miet u qam mill-mewt, ġrajjiet li jitfakkru imbagħad fil-qofol kollu tagħhom nhar l-għid il-Kbir tal-Mulej u l-Qawmien tiegħu mill-imwiet. Aktarx li dan seħħ ukoll minħabba li l-Insara kienu għadhom jiċċelebraw bil-kbir fl-istess żmien, il festi lil alla Ruman Saturnus.

Minħabba dan l-obbligu ġew imfassla wkoll liturġiji biex jgħinu lill-Insara jirriflettu iktar fuq il-ġrajjiet u l-personaġġi li għandhom sehem dirett fir-rakkont tat-Twelid ta’ Ġesù Kristu. Jista’ jkun li l-Antifono maġġuri ‘O’ li jingħadu jew jitkantaw f’dan iż-żmien u li kollha jsejħu lil Kristu b’titlu li juri aspett mill-identità tiegħu, tfasslu f’dan iż-żmien jew ftit wara.

Is-17 ta’ Diċembru jqiegħdilna quddiemna l-ewwel sbatax-il vers mill-Evanġelju skont San Mattew, l-arblu tar-razza ta’ Ġesù, li għal ħafna minna ma jfisser xejn għax l-ismijiet li jissemmew fih ma nafux min huma għalkemm il-biċċa l-kbira minnhom huma ismijiet li jissemmew fit-Testment il-Qadim. Iżd agħal-Lhud, li għalihom Mattew ħabbar l-Evanġelju tiegħu, kienu ismijiet li jafu, ħafna minnhom jafuhom sew.

L-għażla tan-numru 14 u t-tqassim tan-nisel kollu fi tlitt gruppi ta’ erbatax kull wieħed ġejja mill-fatt li l-ittri li jiffurmaw l-isem ta’ David, fl-alfabett Lhudi, bħala numri jgħoddu 14. Fit-tielet grupp Ġesù huwa magħdud ma’ dawn l-erabatax-il nisel; in-nisel ta’ Ġesù kompla, għal Mattew, fil-Knisja tiegħu. Aħna llum nagħmlu parti minn dan in-nisel u nkomplu fil-fidi u fil-ħajja lil ta’ warajna.

Għal-Lhud li semgħu dawn l-ismijiet u għalina llum, l-ewwel u qabel kollox din is-silta tfisser li Alla daħal fl-istorja tal-bniedem u sar bniedem mill-bnedmin. Arawha x-xebba tnissel u jkollha iben. Alla sar bniedem bħalna f’kollox minbarra fid-dnub. Alla jċarrat is-smewwiet għat-talba kontinwa tal-poplu Lhudi u jxejjen lilu nnifsu billi jieħu fuqna n-natura tagħna l-bnedmin biex aħna, fil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet nieħdu fuqna n-natura divina tiegħu. Bil-misteru ta’ dan l-ilma w l-inbid ikollna sehem minn natura ta’ Kristu kif hu ssieħeb magħna f-nantura tagħna l-bnedmin, huwa l-kliem li kull qassis jgħid x’ħin iħalla ftit ilma mal-inbid waqt il-quddiesa.

Barra minn hekk, f’dan l-arblu tar-razza hemm xi ftit jew wisq minn kollox. Tajbin u ħżiena, qaddisin u midinba. Hemm ukoll erba’ nisa li mhumiex ilkoll ta’ fama tajba. Ġesù umanament ġejj minn familja mtebba’ u mxellfa u mill-familja tiegħu ħadd ma hu eskluż għax hu wkoll huwa frotttad-dgħufija tal-bnedmin u kultant tal-ħażen tagħhom. Quddiemu ħadd m’għandu għalfejn jistħi. Jekk kull razza għandha l-paljazza, San Mattew irid jurina li f’dik ta’ Ġesù kien hemm iktar minn waħda, iżda kull paljazza għandha stedina biex tissieħeb fil-ħajja ta’ Alla, fil-glorja tiegħu. Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin.

It-twelid ta’ Ġesù kristu huwa tweġiba ta’ Alla għat-talba tagħna għall-għerf u l-għaqal, biex ħajjitna terġa tieħu d-direzzjoni lejn il-ħajja ta’ dejjem miegħu.