Il-Maxtura ta’ Ġesù u l-Ewkaristija


Kitba ta’ Angelo Xuereb

 Jekk inħarsu lejn presepju naraw lil Ġesù tarbija fil-maxtura flimkien mal-Verġni Marija u San Ġużepp. Ser nitkellmu fuq il-maxtura ta’ Ġesù u u dwar it-tifsira spiritwali tagħha.

Ġesù jitwieled f’maxtura

Fir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Luqa naqraw: “U meta kienu hemm għalqilha ż-żmien  li teħles, u wildet l-ewwel tifel tagħha u fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm wisa’ għalihom fil-lukanda” (Lq 2, 6-7). Jekk inkomplu naqraw l-istess rakkont ta’ San Luqa nsibu li l-maxtura tissemma darbtejn oħra.

Bla dubju ta’ xejn il-maxtura kienet tintuża biex minnha jieklu l-annimali. Missirijiet il-Knisja kkonkludew li fejn il-maxtura kien hemm żewġ annimali billi interpretaw dan it-test ta’ Isaija: “Jagħraf il-ġendus lil sidu, u l-ħmar il-maxtura ta’ min jagħmel minnu” (1,3).

Fil-għar ta’ Betlem naraw lil Sidna Ġesù Kristu fil-maxtura proprju fil-post fejn jieklu l-annimali. Kristu sar bniedem biex ikun ta’ sostenn spiritwali għalina. Sant’Alfons M. de Liguori jgħidilna li: “Kristu għażel li jiġi mqiegħed f’maxtura li minnha jieklu l-annimali,  biex  ifehimna li huwa sar bniedem biex isir ikel għalina”.

Jekk inqallbu l-Evanġelju ta’ San Ġwann naraw li Ġesù stess jafferma li huwa l-ħobż li niżel mis-sema bħala ikel tagħna. Jgħidilna: “Jien hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert u mietu; dan hu l-ħobż li niżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. Jien hu l-ħobż l-ħaj li niżel mis-sema, min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem; u l-ħobż, li jien nagħti, hu ġismi għall-ħajja tad-dinja” (6, 48-51).

L-istess Ġesù jinsab fl-Ewkaristija

Fit-talb jista’ jgħaddilna minn rasna kemm konna nkunu xxurtjati kieku konna flok ir-ragħajja ta’ Betlem li marru jaraw lil Ġesù fil-maxtura. Iżda din ix-xewqa tagħna nistgħu naqtgħuha billi nieħdu sehem fil-quddies. Huwa jitwieled kuljum fis-Quddiesa. L-altar huwa l-presepju, u minnu nitmantnew permezz ta’ ġismu.  Meta nitqarrbnu nkunu qisna qegħdin inħaddnu f’dirgħajna lil l-istess Ġesù, li kien fil-maxtura ta’ Betlem. Mhux hekk biss. Ma jiġix biss fuq idejna biss ukoll fuq sidirna.

Jista’ jkun hawn min jirraġuna u jistaqsi: x’tip ta’ ikel huwa Ġesù fl-Ewkaristija? Inħarsu ftit madwarna. Naraw kemm il-ġisem għandu l-bżonn li jmantni lilu nnifsu. Jekk wieħed ma jikolx, saħħtu tibda sejra lura sakemm isir dgħajjef u jmut. U billi l-bniedem huwa magħmul mhux biss minn ġisem iżda anki minn ruħ, din għandha bżonn li tmantni lilha nnifisha. U ħadd ħlief Ġesù fis-Sagrament tal-artal ma jista’ jmanti lir-ruħ.

Nistgħu nirraġunaw u ngħidu li nitqarrbnu kemm nitqarrbnu nibqgħu l-istess. Meta jgħaddi dan ir-raġunament minn moħħna, irridu niftakru li ta’ kuljum nieklu wkoll u nibqgħu l-istess. Iżda meta dan l-ikel jonqos saħħitna tmur lura. U l-istess argument jiswa għall-ħajja spiritwali. Jekk nitbegħdu mit-tqarbina, il-fidi ser tonqsilna u l-ħajja spiritwali ssir dgħajfa.

L-artal huwa maxtura fejn jitwieled Ġesù

Kif għedna, l-artal isir il-maxtura fejn il-ħobż u l-inbid isiru l-ġisem u d-demm ta’ Kristu. Kif madwar elfejn sena ilu, Ġesù, it-tieni persuna tat-Trinità tant iċċekken li qagħad f’maxtura żgħira, fl-Ewkaristija jiċċekken ukoll tant li għażel bħala ġismu u demmu l-ħobż u l-inbid. Meta nitqarbnu b’Ostja żgħira, b’mod materjali nkunu qisna ma ħadna xejn. Iżda meta nħarsu lejha bl-għajnejn tal-fidi naraw li  hija Kristu, bil-ġisem, bir-ruħ u bid-divinità.

Mhux l-artal biss isir maxtura iżda meta nitqarbnu, l-istess persuna tagħna ssir maxtura oħra  li tilqa’ lil Ġesù. Huwa mhux biss joqgħod fina, iżda l-ostja  titfarrak fina u ssir ħaġa waħda ma’ ġisimna.

L-ostji li jibqa’ wara l-quddiesa jinżammu fit-tabernaklu. U nistgħu ngħidu li dan huwa maxtura oħra. Fl-Evanġelju ta’ San Luqa naqraw dwar ir-ragħajja: “U marru jgħaġġlu, u sabu ‘l Marija u ‘l Ġużeppi u t-tarbija mimduda f’maxtura” (1, 16). Din l-esperjenza li għaddew minnha r-ragħajja ta’ Betlem, ngħaddu minnha aħna lkoll meta morru nżuru lil Ġesù fit-tabernaklu. Kull darba li nagħmlu viżta lil Ġesù Sagramentat, inkunu qisna morna f’Betlem u rajna lil Ġesù.

Nersqu b’umiltà lejn l-Ewkaristija

Biex nersqu lejn l-Ewkaristija rridu nkunu foqra fl-ispirtu jiġifieri bnedmin ta’ fidi. Kien b’dan l-atteġġjament li r-ragħajja ta’ Betlem marru u sabu lil Ġesù f’maxtura. Bla dubju ta’ xejn dan kien post fqir fejn kellu jitpoġġa s-Sid tal- univers; lanqas ma tpoġġa ġo benniena. Iżda huma kellhom esperjenza straordinarja tant li San Luqa jgħidilna: “Malli raw, ħabbru dak li kienu qalu fuq dik it-tarbija. U dawk kollha li semgħu baqgħu mistagħġbin b’dak li qalulhom ir-ragħajja” (1,17-18). L-istess esperjenza nistgħu ngħaddu minnha aħna wkoll jekk inkabbru l-fidi tagħna f’Ġesù Ewkaristija,  fejn hemm l-istess Ġesù li kien fil-maxtura ta’ Betlem.

U l-Milied biċ-ċelebrazzjonijiet kollha tiegħu ftit għandu sens jekk ma nirrikorrux għall-Ewkaristija. Ma ninsewx li l-Milied huwa l-festa tat-twelid ta’ Kristu u mhux festa biex nieħdu pjaċir aħna u ninsew lilu.