Miġjet Dak li ma nagħlaqx fih innifsu


Il-festa tal-Milied qiegħdha wara l-bieb. Fil-fatt, kulma jonqos biex niċċelebrawha hu jum wieħed. Jekk dejjem irridu inkunu eżatti!

Emmnuni, meta tasal din il-festa moħħi mill-ewwel jibda’ idur. U jdur aktar minn ta’ żugraga tafux! Dan l-għaliex, fis-skiet ta’ kamarti tal-kunvent, li l-ispiritwalità nkarnata li Kristu nnifsu, għallmittni li hu, fir-rejaltà, kull post li mmur fih, jekk dejjem irrid ngħix il-ħajja ta’ Ġesù, San Franġisk, Kapuċċin u skont kif dan l-aħħar iridni ngħix Papa Franġisku, nibqa’ nisma’ ġewwa fija l-mistoqsija li ma ħallietnix kwiet: X’inhu l-Milied?

Biex inwieġeb għaliha m’għandhiex għalfejn nagħmel xi korsijiet li ma jispiċċaw qatt. Wieħed f’wieħed. Lanqas m’għandi għalfejn nirrikorri għal xi kotba ħoxnin ħoxnin li, anki meta narahom biss, nifsi jibda’ jinqatagħli. Aħseb u ara mela kemm lest u ninsab irrrankat li nibda’ naqrahom u nifliehom sewwa! Kapitlu kapitlu, paġna paġna, paragrafu paragrafu, vers vers u kelma kelma! Ir-rejaltà tal-ħajja kontinwament tgħallimni li, u kulma għandi bżonn, huwa li ndur lejH u nsaqsieh: Mulej, għaż-żminijiet li qed ngħixu fihom illum x’inhu tassew il-Milied?

 

U, hemm hi, it-tweġiba tasalli fis-skiet. F’dak is-skiet li jsaltan fil-kamra mobbli u kunventina tiegħi. Il-kamra tal-kunvent, li hi d-dinja. U, minn dak is-skiet tal-kamra kunventina li tinsab f’kull post fid-dinja, tasalli malajr u b’urġenza t-tweġiba soda tal-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu li jagħti l-ħajja: Il-Milied hu miġjet Dak li ma ngħalaqx fih innifsu! 

 

Meta smajtha, għodu għodu, hekk kif ftaħt għajnejja għal bidu ta’ jum ta’ ħidma mill-kbar nett, fil-kurituri li ma jispiċċaw qatt tal-isptar Mater Dei, tassew li nħsadt. Imma, meta bdejt tabilħaqq naħseb fuqha, aqta’ kemm bdiet tagħmilli kuraġġ din il-kelma. U, tant kemm ħeġġittni li bdejt nagħmel eżattament a la Papa Franġisku: nirrepetieha! U, l-għaliex le, inġib lil min jirrepetieha! Il-Milied hu miġjet Dak li ma ngħalaqx fih innifsu! 

 

Il-biċċa hi li aktar ma bdejt intennieha din il-frażi aktar bdejt inħoss ferħ u fejqan kbir fiha nnifsi! Ferħ! L-għaliex il-Mulej huwa disponnibbli għalija! Ferħ, l-għaliex, lil dan Alla, ma ridtx le inkun xi wieħed minn dawk tal-qalba biex insir nafu! Ferħ, l-għaliex ma kelliex inkun f’xi klikka biex insir nafu! Ferħ, l-għaliex dan Alla ħareġ minnu nnifsu u ndenja ruħu jaħsibni u jaħlaqni! Ferħ, l-għaliex dan l-att tal-ħolqien ma sarx f’xi żmien imma minn dejjem ta’ dejjem! Mela jien minn dejjem kont maħbub u maħbuba minnu! Ferħ, l-għaliex dan Alla ndejna ruħu jiġi għandi! Ma stenniex li nagħmel l-appuntament jien! Bis-segretarju u s-segretarja! Le! Dan Alla indenja ruħu jiġi għandi Hu! Personalment! Għalkemm midneb u midinba!

Issa għidli ftit ħija, oħti, min fid-dinja ħa jħobbok daqshekk? Ibda’ minn Ċesari u spiċċa minn tal-kampnar u l-koppla? Min se jindenja ruħu jiġi għandek b’dan il-mod? Jaħseb fik b’dan il-mod? Jinteressa ruħu fik senza interessi? Iħenn għalik? Iħaddnek ma’ qalbu? Jara kif int? U jieħu dik il-battikata kollha biex iqatta’ ħajtu miegħek?

Imbagħad għad fadal il-biċċa l-oħra, il-fejqan. U fejn qiegħed dan il-fejqan? Għax huwa fejqan li Hu ma nagħlaqx mal-Missier u l-Ispirtu s-Santu! Hu fejqan li sar bniedem bħali u bħalek! Li trabba magħna! Hu fejqan li tħaddet magħna! Li tħallat magħna! Li kiel u xorob magħna! Li kellimna bl-ilsien tagħna l-bnedmin! Li baqa’ jissapportjana! Li fejjaq il-mard kollu tagħna! Li għallimna kif ninħelsu psikoloġikament u spiritwalment! Li poġġa jdejh fuqna u neħħilna kull influwenza tal-ispirtu tal-ħażen! Li bata’, miet u rxoxta għalina!

Il-loġika tagħna l-bnedmin tgħidilna li, aktar ma wieħed jingħata, aktar wieħed irid isib il-mument biex joqgħod fil-kwiet ħa jimtela’. Imma Hu donnu ma jiffittjax f’dan il-pattern! Għax Hu ingħata għalina. Tana kollox u dak kollu li hu tajjeb għalina. Mela tana l-veru kollox! U, minkejja daqshekk ħidma, xorta waħda baqa’ jagħtina grazzja fuq grazzja! L-għaliex, l-iljieli tiegħu, kien iqattagħhom jitħaddet ma’ Missieru u Missierna! Kien ifaħħar lil Missieru u Missierna! Isejjaħlu Missieru! Iqaddes ismu! U jitlob li saltnatu tiġi f’din id-dinja u li r-rieda tiegħu tkun iwettqa fis-sema u anki fl-art!

Imbagħad kien jitolbu għall-ħobżna ta’ kuljum u biex ikompli jgħinu ħa jibqa’ jaħfer dejjem lil min naqqsu. U anki biex jeħilsu mit-tiġrib tar-ruħ u tal-ġisem. U hekk, f’dan it-talb sabiħ ma’ Missieru u Missierna, kien jiġi iċċarġjat ħa jibqa’ jingħata għalina! Aħna, il-midinbin u l-ingrati!

L-għaliex daqshekk imħabba? Min aħna, int u jien, biex jistħoqqilna tant imħabba? Imma, għażiż ħija u għażiża oħti, ejjew ma ninsewx li hu ma jirraġunax bħalna l-bnedmin. Kollha kemm aħna. Tas-sagru u tal-profan. Jgħidilna kelma waħda: Jiena nafda fik! U, din il-kelma, ma jgħidilniex bil-biċċiet u bis-suspetti, bl-għaxxijiet u bil-makkakerija imsieħba bil-pjanijiet u l-vjolini tal-moħħ! Hu, meta jgħidli u jgħidlek: Jiena nafda fik! ikun qed jurina fiduċja li m’għandiex għalfejn tiġi nvestigata. Ipproċessata. U sanzjonata!

Ejjew inħalluh jgħallimna nħobbu! Anki meta ta’ madwarna ma jniżżluniex għax jgħiru għalina sa minn snin ilu! Ejjew nibqgħu nħennu anki meta jinterpretaw ħażin il-ħniena tagħna. Wara kollox min se jiġġudikana? Mhux hu? Dak li ma ngħalaqx fih innifsu? Ejjew nitolbu għal min jiġġudikana bl-attitudni tiegħu. Tagħha. Ħa jinħelsu!

Ħuti, ġudikanti bla lawrja, jalla dan il-Milied jferraħkom u ifejjaqkom bħalma nitlob li jferraħ u jfejjaq lill-“imputati” tagħkom!

Il-Milied it-Tajjeb!

Patri Mario Attard OFM Cap

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.