Niltaqgħu …


Kitba ta’ Fr. Philip Cutajar OFMCap

Iż-żmien igerbeb, jgħaddi u jtir bla ma jistenna lil ħadd. Dawn huma wħud mir-riflessjonijiet li lkoll nagħmlu fi tmiem ta’ sena u bidu ta’ sena ġdida. Is-sena 2018 għaddiet u marret bla ma tarġa tiġi, tibqa’ biss fil-paġni tal-istorja. Issa bdejna sena ġdida, is-sena 2019, sena li tistedinna biex mhux biss nawguraw lil xulxin “Is-sena t-tajba”  imma wkoll li nħarsu lejha b’ottimiżmu, bil-kuraġġ, bit-tama li tkun ferm aħjar minn dawk ta’ qabilha. “Sena ġdida ħajja ġdida” jgħid qawl Spanjol. U bil-għan li għal kull wieħed u waħda minna tkun tassew sena ġdida u sena aħjar nippruvaw ukoll nagħmlu l-proponimenti tagħna. U dan huwa meħtieġ għax sena tassew ġdida u aħjar ma taqax mis-sema. “Għin ruħek u Alla jgħinek”. Is-sehem tagħna rridu nagħmluh.

NOĦOLQU KULTURA TAL-‘LAQGĦA’

Fost il-ħafna proponimenti li wieħed jista’ jagħmel għas-sena l-ġdida bil-għan li tkun aħjar huwa dak fejn ilkoll kemm aħna nippruvaw nibnu fina u madwarna attitudni li tgħina nibnu kultura tal-‘LAQGĦA’ – ‘encounter’ bl-ingliż, ‘incontro’ bit-taljan. Din hija attitudni li tgħinek toħroġ minnek innifsek, mill-egoiżmu tiegħek bil-għan li tiltaqa’ ma’ l-ieħor…ma’ l-oħra. Attitudni fejn inti ma tingħalaqx fik innifsek fejn tippretendi li inti ż-żokra tad-dinja u kollox idur miegħek. B’sens ta’ mħabba, ta’ solidarjetà u ta’ ġenerożità tfittex li tkisser il-ħitan li forsi inti stess bnejt madwarek u minflokhom tibni pontijiet bil-għan li tiltaqa’ ma’ dak u ma’ dik.

NILTAQGĦU MA’ MIN?

Din hija mistoqsija mportanti li nwieġbu għaliha. Ma’ min irid niltaqa’? Ma’ min jaqbel lili? Nagħmel l-għażliet skont il-gosti u s-simpatiji tiegħi? Niltaqa’ biss ma’ min nista’ nieħu xiħaġa mingħandu? Jekk nagħmel hekk xorta waħda qed nagħżel li nibqa’ magħluq fl-egoiżmu tiegħi għax mhux qed ninfetaħ għall-ieħor biex naċċettah kif inhu, inħobbu kif inhu u nagħtih aktar milli neħodlu.

Aħna kemm bħala bnedmin u mhux inqas bħala nsara li nemmnu, aħna msejjħin sabiex noħorġu minna nfusna u niltaqgħu:

  • Magħna nfusna
  • Ma’ Alla
  • Ma l-oħrajn mingħajr ma neskludu lil ħadd
  • Mall-kreazzjoni.. bħala ħolqien ta’ Alla

NILTAQA’ MIEGĦI NNIFSI

U dan nagħmlu bl-akbar għaqal u għerf. Il-bniedem li mhux kapaċi jiltaqa’ miegħu nnifsu qiegħed jitlef lilu nnifsu u s-sens tal-ħajja. Tiltaqa’ miegħek innifsek ifisser li tiltaqa’ mall-ħafna sabiħ li hemm fik bil-għan li tkattru. Tiltaqa’ wkoll mall-ikrah li hemm fik, mad-djugħfija tiegħek, mad-dnub tiegħek, mall-‘eyesores’ li hemm fl-istorja ta’ ħajtek bil-għan li taċċetta u tħobb lilek innifsek kif inti, b’deċiżjoni li għas-sena ‘l ġdida ma tibqax kif int.

NILTAQA’ MA’ ALLA

U dan nagħmlu fi u bi Kristu Ġesù. Irrid nagħmel l-isforz tiegħi hekk kif għamel Żakkew (Lq 9, 1-10) billi tela’ fuq is-siġra għax kien ta’ statura qasira. U aħna mhux ilkoll ta’ statura qasira quddiem Alla? U Żakkew li mar jixxabbat ma’ siġra biex jara lil Ġesù li kien għaddej minn hemm, kien Ġesù li kien qed ifittex li jara u JILTAQA’ ma’ Żakkew, tant li daħal f’daru. U hawnhekk naraw li f’kull sforz li l-bniedem jagħmel biex jiltaqa’ ma’ Alla huwa Alla li qed jaħdem biex jiltaqa’ mall-bniedem, tant li Hu stess sar bniedem għalina. L-inizjattiva hija dejjem ġejja min-naħa tiegħU.

NILTAQA’ MA’ L-OĦRAJN

Jekk tassew aħna rridu ngħixu l-kmandament tal-Imħabba irridu mhux biss niltaqgħu ma’ Alla bil-għan li nħobbuH b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, b’ġisimna kollu u bil-forzi kollha tagħna; imma wkoll jinħtieġ li nħobbu lill-proxxmu tagħna  bħalna nnfusna. U din il-kultura, attitudni tal-LAQGĦA jinħtieġ li tkun frott l-imħabba tagħna lejn xulxin. Niltaqa’ miegħek mhux biex inkissrek, niġġudikak u nikkundannak imma biex inħobbok, nirrispetak u ngħinek. F’dan is-sens meta jiena u inti qed nagħmlu l-isforz  tagħna biex noħorġu mill-egoiżmi tagħna w imorru niltaqgħu ma’ l-oħrajn, dawk li huma l-aktar vulnerabbli għandhom jirbħu preferenza. Noħorġu miż-żona fejn inħossuna komdi u mmorru niltaqgħu u ngħinu lill-marid, lill-fqir, lill-imwarrab, lill-emigranti li ġew f’pajjiżna, lil dak li għandu orjentazzjoni sesswali jew kulur politiku differenti minn tiegħi, u tant oħrajn li qed jistennew l-imħabba tiegħi u tiegħek ħabib.

NILTAQGĦU MAL-ĦOLQIEN

Dan l-aspett m’għandnhiex inħalluh barra. Ma’ nistax niltaqa’ tassew ma’ Alla, miegħi nnifsi u ma’ l-oħrajn jekk jiena mhiniex kapaċi niltaqa’, nitpaxxa, napprezza, niddefendi u nibża’ għall-ħolqien u l-ambjent ta’ madwari. U dan irid isir id-dar tiegħi… u tagħna lkoll. Niltaqa’ mall-ħolqien mhux biex nisfrutah billi nara kemm flus ser nakkwista minnu, u wisq iżjed lanqas biex neqerdu. Dak jiġi egoiżmu. Għadni ma ħrigtx minni nnifsi. Niltaqa’ mall-ħolqien bil-għan li nħallih jlaqqgħani ma’ Alla, nibża’ għalih billi għaddih isbaħ milli hu lil ta’ warajna.

PROPONIMENT

Niddeciedu li għal din is-sena ġdida noħorġu aktar minn nfusna, mill-egoiżmu tagħna u nimxu t-triq tal-kommunikazzjonji fejn b’sens kbir ta’ mħabba u djalogu mmorru niltaqagħu ma’ dak u ma’ dik, speċjalment ma’ dawk li bi dritt qed jistennew l-imħabba tagħna. U jekk nagħtu dan il-pass inkunu qed nibnu flimkien dinja aħjar.

Il-Mulej  jagħtikom  is-sliem!

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

One thought on “Niltaqgħu …”

  1. Thank you Fr Philip . So much food for thought for this year , May the Holy Spirit renew our hearts & mind . God bless

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.