Ittra lill-Poplu ta’ Alla tal-E.T. Mons. Mario Grech


Il-Ġimgħa, 18 ta’ Jannar 2019: Pellegrinaġġ Djoċesan bil-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu.

Għeżież ħuti,
Fil-jiem li għaddew għexna mumenti sbieħ ħafna meta l-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu wasal f’xi wħud mill-parroċċi tagħna u rajna żgħar u kbar jifirħu madwar Ommna Marija. Għalkemm it-temp xitwi u kienu ġranet ferjali, il-poplu ma beżax jilqa’ lil Marija għandu.

capture

F’dan il-mument storiku għad-Djoċesi tagħna, ħafna semgħu għall-ewwel darba tagħrif dwar l-istorja tas-Santwarju Ta’ Pinu u l-esperjenza li Karmni Grima u Franġisk Portelli kellhom tal-Verġni Mbierka fl-1883. Fl-istess waqt, ħafna approfittaw mill-fatt li l-Madonna Ta’ Pinu kienet daqshekk qrib tagħhom, resqu lejha u fetħu qalbhom magħha. Min jista’ jgħid x’għadda f’dawn il-jiem bejn id-devoti u Marija, xi ntqal f’widnejha, xi tqiegħed taħt ħarsitha kollha mħabba, u liema sigrieti ġew imqiegħda fil-qalb materna tagħha! Kien ta’ faraġ kbir għalina nosservaw li l-preżenza ta’ Marija qanqlet ħafna biex isibu ħin jitolbu quddiem Ġesù Ewkaristija, jieħdu sehem fil-quddiesa, jgħidu r-Rużarju, jippreżentaw it-trabi lill-Madonna, jersqu għas-sagramenti tal-Qrar u tad-Dilka tal-Morda, u jagħmlu karità. Il-waqfa qasira tal-Kwadru fl-Isptar Ġenerali kellha tifsira qawwija għal dawk li bħalissa għaddejjin mill-prova tal-mard.

Filwaqt li nirringrazzja mill-qalb lil dawk il-Komunitajiet Parrokkjali li diġà laqgħuha u lill-Amministrazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, inħeġġeġ lill-parroċċi li fadal biex huma wkoll ma jibżgħux jieħdu lil Marija għandhom.

Din l-esperjenza tiġi fi tmiemha nhar il-Ħadd li ġej, 27 ta’ Jannar 2019, b’pellegrinaġġ bil-Kwadru, li jitlaq fl-4.30pm minn fejn il-Monument tal-Pellegrin sal-Bażilika Ta’ Pinu, fejn niċċelebraw flimkien is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa. Għalhekk nistieden lill-Poplu ta’ Alla kollu – saċerdoti, reliġjużi, persuni kkonsagrati u lajċi – biex nhar il-Ħadd ninġabru flimkien ħalli nakkumpanjaw lil Ommna Marija fi triqtha lura lejn is-Santwarju, li hu darha u darna. Nagħmel sejħa speċjali lill-familji tagħna kollha, partikularment lil dawk li, bħall-għarajjes ta’ Kana tal-Vanġelu tal-lum, naqashom l-inbid, biex dakinhar nagħmlu flimkien l-affidament tal-familja Għawdxija lil Ommna Marija.

Irrodd ħajr lil dawk kollha li taw sehemhom biex il-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu għadda mit-toroq tagħna u għamel din iż-Żjara lill-poplu tagħna; partikularment nirringrazzja lill-Korp tal-Pulizija u lil dawk responsabbli mit-trasport tal-Kwadru.

Bl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu, nitlob fuqkom il-barka ta’ Alla.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, Għawdex, nhar l-Erbgħa 17 ta’ Jannar 2019, Tifkira liturġika ta’ Sant’Anton Abbati.

 Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Biex tinqara fil-quddies kollu tas-Sibt 19 ta’ Jannar filgħaxija u tal-Ħadd 20 ta’ Jannar.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.