Evanġelju tal-Ħadd 20 ta’ Jannar 2019


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 2, 1-11

Seba’ mija u għoxrin litru fi flixken normali tal-inbid fi żmienna jimlew, bejn wieħed u ieħor, disa’ mija u sittin flixkun. Problema fejn se tpoġġihom aħseb u ara kif se tixrobhom. Jekk kienu wasl-fl-aħħar tal-festa, kellhom biex jaqtgħu l-għatx ta’ kulħadd u jifdal ħafna wkoll, għal ħafna żmien wara l-festa tat-tieġ. L-inbid li spiċċa kien ta’ kwalità normali, iżda li nbid li ġie mill-ilma kien l-inbid ‘it-tajjeb’ dakliħadd ma jiflaħ iħallas għalih minn butu għal-festa ta’ tieġ.

Imma nibdew mill-bidu. Omm Ġesù kienet mistiedna. Ġesù kien mistieden hu wkoll, flimkien mad-dixxipli, li s’issa nafu li kienu sitta; Ġesù kien għadu kif sejjaħ lil Natanael, li t-tradizzjoni tgħidilna li kien minn Kana tal-Gallilija. Jista’ jkun li waqt li Ġesù u l-ħamsa l-oħra kienu Kana għat-tieġ, seħħet is-sejħa ta’ dan id-dixxiplu. Tmienja minn nies flimkien mar-raħal kollu għal festa li ħafna drabi kienet iddum kważi ġimgħa sħiħa. Festa ta’ tieġ kienet tiġi tiswa ġmielha u kienet avveniment importanti fil-ħajja tas-soċjetà lhudija. Fl-għaqda taż-żwieġ kien jidher ċar it-tisħib tal-bniedem fl-opra kontinwa tal-ħolqien li beda Alla nnifsu. Mhux ta’ b’xejn li l-inbid mhux dejjem kien ikun tal-aqwa kwalità.

F’xi ħin waqt il-festa, l-inbid, li l-Kelma ta’ Alla tgħid li jferraħ qalb il-bniedem, jispiċċa. Għalfejn ma nafux. Setgħu ikkalkulaw ħażin. Jista’ jkun ukoll li l-mistednin ma sikrux biżżejjed u allura bqagħu jixorbu. Seta’ jagħti l-kas li għat-tieġ ġew nies li ma kienux mistiedna. Ir-raġunijiet jistgħu ikunu ħafna. Ma naħsibx iżda li l-għarajjes u l-familji tagħhom għamlu dan għax kienu boloh; żgur ma ridux jaqgħu għaċ-ċajt mal-mistednin u jibqgħu magħrufa li tqammlu fuq wieħed mill-iktar elementi mportanti għall-festa.

San Ġwann jintroduċilna karattru ġdid fir-rakkont tiegħu. Mara, Omm Ġesù, mistiedna hi wkoll u kif għamle iktar kmieni biex jintroudċilna lil Ġesù minn fomm Ġwanni l-Battista, hekk ukoll hawn jurina din il-mara min hi billi jgħidilna x’kien għemilha. Ġesù hu dak li jħenn u jaħfer; ommu hija dik li tħoss u tara fejn ma jarax kulħadd u tara x’tista’ tagħmel u tagħmlu. Mingħajr ma jgħidilna ċar u tond, San Ġwann jurina li omm Ġesù kellha fidi kbira fih. Mhux biss tmur fuqu u turih x’ġara, iżda donnu għal Ġesù, il-kliem tagħha, li f’għajnejna jidher xott ħafna, jfisser: int li tista tagħmel xi ħaġa, ara x’se tagħmel. It-weġiba ta’ Ġesù turi li kliemha ma kienx sempliċi osservazzjoni, iżda talba biex jagħmel xi ħaġa. Hi l-mara li emmnet qabel kulħadd u hi l-mara li, għax emmnet, ħasset il-ħtieġa li titolbu jsalva dak it-tieġ. Is-senisitività u l-azzjoni dwarha ma jiġux mix-xejn, imma minn fidi qawwija u l-fidi qawwija ta’ din il-mara tiġi mill-għarfien ta’ binha. Il-proċess tal-fidi ta’ omm Ġesù ġej mill-fatt li hi ħabbitu, għexet miegħu, u allura saret tafu, u għax saret tafu kienet tafdah mija fil-mija. Din il-mara mhix hemm sempliċiment biex tħarisna, imma qabel kollox, biex tgħallimna. Għalhekk: agħmlu dak li jgħidilkom hu. Ħadd ma jagħti parir bħal dan fuq xi ħadd li ma jafx jew li ma jafdax. Kienet taf x’qiegħda tgħid u riedet tgħidu.

Sitt ġarar tal-ħaġar. San Ġwann jgħidilna li kienu hemm għall-ħasil ritwali tal-Lhud, il-ħasil għall-vjaġġaturi li jidħlu, milqugħa, f’dar. Ġesù juża ġarra bħal dawn biex minnha, iktar tard, jaħsel riġlejn id-dixxipli; hemmhekk l-ilma tal-ġarra ma jinbidilx f’inbid, iżda f’sinjal ta’ mħabba konkreta għal xulxin: l-inbid it-tajjeb huwa dak li jferraħ qalb il-bniedem, u xi jferraħ qalb il-bniedem iżjed mill-inbid it-tajjeb, jekk mhux l-imħabba li jirċievi u li jgħati!

Il-ġarar ma kienux mimlija għax probabilment l-ilma kien diġa ttieħed minnhom biex il-mistednin jaħslu riġlejhom bih. L-ilma ma kienx jiġi mill-vit, imma ried jinġieb bil-mod il-mod mill-bir tar-raħal. Ġesù jgħid lill-qaddejja biex jerġgħu jimlewhom u dawk mhux biss obdewh iżda fawruhom sax-xfar. Wara li mlewhom reġgħu resqu lejh biex jaraw x’se jiġri. Morru dewquh lil min hu resposnabbli mill-ikel; araw x’jaħseb hu. Kliem omm Ġesù ttieħed bis-serjetà. Dawk marru, mhux mingħajr stennija ta’ ċanfira, għand il-kap tal-mejda jdewquh, dak li fil-fehma tagħhom kien ilma. L-istgħaġib tagħhom jiġi meta, mhux talli ma jaqilgħux ċanfira, iżda jindunaw x’ġara. L-inbid it-tajjeb kien tħalla sal-aħħar. Il-ġarar mimlija bl-ilma għall-ħasil, ma kienx iktar ilma iżda kien sar inbid mill-aqwa.

B’din il-bidla, San Ġwann mhux jurina biss il-qawwa ta’ Ġesù li jibdel ilma fl-inbid, iżda li l-ilma li kien jintuża skont it-tradizzjonijiet tal-Lhud, għal xi ħaġa ritwali, skont it-tradizzjoni il-ġdida jsir inbid, l-aqwa xorb, dak li jagħti r-ruħ lill-festa. Minnu hemm għalissa, għal kulħadd u jifdal, bħal ma fadal dejjem wara kull tkattir tal-ħobż, għal kul min irid jixrob minnu.