L-Isqof Mario Grech fil-wasla lura tal-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu


Omelija mill-Isqof Mario Grech f’Ta’ Pinu, fil-Wasla lura tal-Kwadru għażiż tal-Madonna Ta’ Pinu fis-Santwarju tiegħu.

Tibżax tieħu lil Marija għandek

Meta nisimgħu dan ir-rakkont tal-Vanġelu (Mt 1:18-24), min jixtieq ikun fiż-żarbun ta’ San Ġużepp? Ġużeppi jinsab f’qagħda diffiċli u konfuża ħafna. Huwa raġel fi kriżi kbira li qed jara d-dinja nieżla fuqu. Fil-fatt:
– il-mara li jħobb għamlithielu, għax qalbithielu u ħarġet tqila;
– ma nistagħġibx li seta’ għadda minn moħħu l-ħsieb li jelimina t-tarbija mhix ippjanata;
– dik il-persuna li kien iqiegħed rasu taħt mannara għaliha, daħket bih;
– tant ħassu ferut li kien qed jikkunsidra mhux biss is-separazzjoni, imma anki d-divorzju;
– dik il-persuna li daħħal f’daru u saret parti mill-familja tiegħu kienet ser triegħxu ma’ kulħadd u tħassarlu r-reputazzjoni tajba li kellu;
– min jaf kemm kellu ħolm u proġetti għall-futur, u minħabba l-imġiba irresponsabbli ta’ Marija, kollox sarlu suf;
– kellu jegħreq id-demm biex jiddeċiedi jekk jimxix mal-Liġi u jirrapportaha u hekk jesponiha għall-piena tat-tħaġġir, jew jibgħathiex bil-moħbi tan-nies;
– fuq kollox, nistħajjel li kellu kriżi ta’ fidi u beda jistaqsi għaliex dak Alla li hu kien iħobb ippermetta li jgħaddi minn dan il-baħar ta’ nkwiet.

Għandna quddiemna lil Ġużeppi jissielet biex ma jegħreqx fid-dgħufija: maġenbu hemm tfajla apparentement dgħajfa tant li tilfet ġieħha, u hu stess kien qed imiss il-qigħan tad-dgħufijiet tiegħu. Bir-raġun il-Papa Franġisku jsejjaħlu “kustodju (ħarries) tad-dgħufija tagħna”.

Ħadd minna ma jixtieq ikun fiż-żarbun ta’ Ġużeppi bin David; imma rridu jew ma rridux, il-ħajja tgħaddina lkoll minn dan il-wied ta’ dmugħ. L-istorja tal-familji tagħna hija miżgħuda b’inċidenti li jikxfu d-dgħufija tagħna – ġrajjiet li jkomplu jagħmluna aktar dgħajfin. Għandi f’moħħi d-dgħufija fiżika (il-mard, it-tbatija biex wieħed jaqla’ l-għajxien għalih u għall-familja, l-għeja, il-faqar…), id-dgħufija morali (qtigħ il-qalb, kunflitti, tensjonijiet, firdiet, ġlied…), u dgħufija spiritwali (dubji ta’ fidi, il-baħħ ta’ Alla, id-dnub…).

Imma f’dan id-dlam, kif seħħ ma’ Ġużeppi jiġri magħna wkoll. Alla jibgħat l-anġlu tiegħu biex jurina dik li San Bernard minn Clairvaux jsejħilha “l-Kewkba ta’ filgħodu” li għandha l-qawwa li tegħleb id-dlamijiet. Lil Ġużeppi l-anġlu qallu: “Tibżax tieħu għandek lil Marija”. Biex jagħmel il-qalb lil Ġużeppi fid-diffikultajiet u d-dgħufija, mhux biss jgħidlu biex jilqa’ lil Marija, imma jagħtih ir-raġuni għaliex għandu jaċċettaha f’daru: “għax dak li ser tnissel ġej mill-Ispirtu s-Santu… u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu minn dnubiethom”. Għalhekk Ġużeppi kien kapaċi jegħleb id-diffikultajiet, għax ma beżax jieħu għandu lil Marija, Omm Ġesù u Omm Alla! Kif jikteb il-qaddis Papa Pawlu VI, “Alla jħobbha u jagħmel ħwejjeġ kbar għaliha (Lq 1:49); iħobbha għalih innifsu u għalina; taha għalih u għalina wkoll” (Marialis cultus, 56).

Għeżiez ħuti, ma nibżgħux nieħdu lil Marija għandna! Barra li Marija tieqaf magħna fil-preżenza ta’ Ġesù u tressaq quddiemu l-ħtiġijiet tagħna, hi stess, kif jikteb il-Papa Franġisku, kellha fażijiet ta’ nixfa, ta’ dalma, ta’ ċerta tbatija u saħansitra l-lejl tal-fidi (ara Evangelii gaudium, 287).

Marija taf xi jfisser it-tpaċpiċ u z-zekzik tan-nies tat-triq.
Marija taf xi jfisser li żewġha ma jifhimx.
Marija taf xi jfisser trabbi l-ulied.
Marija taf xi jfisser “titlef” wild u tfittxu.
Marija taf xi jfisser il-piż tal-anzjani fid-dar (Eliżabetta u Żakkarija).
Marija taf xi jfisser jeqirdulha lil binha biex jagħmlu l-flus minn fuqu (droga).
Marija taf xi jfisser li ġenitur ikollu iben il-ħabs jew xi kundanna oħra tal-Qorti.
Marija taf xi jfisser meta wieħed ikun malafamat b’akkużi serji foloz.
Marija taf xi jfisser joqtlulek iben.
Marija taf xi jfisser tkun armla.
Marija taf xi tfisser is-solitudni.
Marija taf x’inhuma d-diffikultajiet tal-Knisja fl-ewwel żminijiet.
Marija hija xhud tal-firdiet u l-għira saħansitra bejn l-Appostli.
Marija taf xi jfisser Alla jabbandunak.

Imma Marija hija l-mara li emmnet. Kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II, “hija mxiet ’il quddiem fil-pellegrinaġġ tagħha tal-fidi u żammet sħiħa bil-fedeltà l-għaqda tagħha ma’ Binha sas-salib, fejn mhux mingħajr pjan ta’ Alla, hi baqgħet wieqfa” (Lumen gentium, 58). Bħala dixxiplu ta’ Ġesù, imma l-aktar fuq il-Kalvarju, Marija għarfet li d-dgħufija umana hija “spazju teoloġiku” li fih jidher il-misteru tal-Għid ta’ Kristu. Marija emmnet dak li jikteb Dietrich Bonhoeffer: “Alla ma jsalvaniex mit-tbatija imma fit-tbatija; ma jħarisniex mid-dulur imma fid-dulur; ma jeħlisniex mill-mewt imma fil-mewt”.

Minn dan il-kwadru li tpitter erba’ mitt sena ilu, Marija sejħet lil Karmena Grima biex tersaq lejha u f’dan il-kwadru tikkontempla l-Assunzjoni tagħha fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem. Għax f’din il-ġrajja għandna r-rebħa definittiva fuq il-mewt, l-akbar għadu tal-bniedem. Għalhekk nistħajjel lil Marija tgħid lil Karmni Grima u lilna: Agħmlu l-qalb, għax bil-qawwa ta’ Ibni Ġesù jien għelibt l-ikbar mument ta’ dgħufija tal-bniedem: il-mewt.

Wasal fit-tmiem dan il-pellegrinaġġ fejn il-Madonna lqajnieha b’għożża kbira fil-komunitajiet parrokkjali tagħna. Issa li wassalnieha lura f’darha, ħalluni nagħmlilkom sejħa minn qalbi: Tibżgħux tieħdu lil Marija għandkom! Marija hija waħda minna, minn ta’ ġewwa: insibulha post fid-dar tagħna, nirriservawlha maqgħad biex tpoġġi madwar il-mejda tal-familja, u kuljum insibu ħin noqogħdu ftit maġenbha nitkellmu magħha, possibbilment bit-talba tar-Rużarju, imma jekk ma għandniex ħin, almenu ngħidu dak li talbitna hi minn dan il-kwadru: tliet Ave Marijiet.

Ħa tkun din il-Kewkba ta’ filgħodu li bir-raġġi fiddiena tagħha, li jiżbqu d-dawl tal-kwiekeb l-oħra barra dak tax-xemx (li hi Kristu), tkeċċi d-dlamijiet minn qlubna u minn fostna.