Lectio Divina għar-4 Ħadd matul is-Sena “Ċ”


Vanġelu (4, 21-30): Illum il-Vanġelu jkompli ma’ tal-Ħadd li għadda, fejn Ġesu ħabbar il-missjoni messijanika tiegħu. Ma ppriedka l-ebda prattika reliġjuża jew xi domma tal-fidi, imma bidu ta’ dinja fejn tirrenja l-ġustizzja, l-imħabba, il-maħfra u l-għaqda ta’ aħwa, ulied tal-istess Missier. Dinja fejn ħadd  mhu impur jew fil-qiegħ tas-soċjeta’ imma kulħadd indaqs.

  1. “Dawk li semgħuh “bdew juru l-istagħġib tagħhom għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu.” Allura għaliex, f’daqqa waħda, xegħlu għalih bil-korla? Ġesu ma bediex il-missjoni Tiegħu Nazaret imma Kafarnagħum. Dil-belt kienet saret qisha l-headquarters għalih u għad-dixxipli Tiegħu. Dil-ħaġa żgur li m’għoġbietx in-nies ta’ Nazaret. Imma l-iktar li urta s-sensibilita’ tagħhom kien meta Ġesu tkellem fuq il-grazzja u l-gratuwita. F’Luqa Kap 6 insibu: “Jekk tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas ikun jistħoqqilkom? Fejn hi l-gratuwita tagħkom, i.e. dik li tagħmel xi ħaġa tajba bla ma tistenna l-ebda ħlas jew kumpens lura? Mhux anki l-pagani jagħmlu hekk?”  Ġesu kien jaf li naturali tpatti t-tajjeb bit-tajjeb. Imma issa qed iħabbar li l-bniedem se jirċievi qawwa li hi ‘l fuq min-naturali għax hija sopranaturali, mogħtija mill-Missier Etern. Din se tagħmilha possibbli għall-bniedem biex iħobb kif iħobb Hu, i.e. b’mod disinteressat u bla distinzjoni, i.e. iħobb anki lil min hu ngrat jew iġib ruħu ta’ għadu. B’dan l-aġir il-bnedmin ikun jistħoqqilhom l-isem ta’ ulied Alla. Dil-proposta naffret lill-Lhud fis-sinagoga, għax it-test ta’ Isaija kienu jafuh bl-amment. Ġesu qara biss vers u nofs minnu mhix tlett versi. Kieku kompla kien jaqra hekk: “.. u nippriedka jum ta’ vendetta għal Alla tagħna.” Dan poplu li bagħta ħafna taħt l-Assirjani, Babiloniżi u Rumani. Kienu ħerqana għall-jum meta Alla jikkastiga dawn il-pagani biex jivvendika ruħu ta’ kemm ħaqru l-poplu magħżul Tiegħu. Kienu jiftakru fil-profezija li se jiġi Bin David li jsaltan fuq id-dinja kollha. Minn flok, Ġesu waqaf fuq “is-sena (żmien) ta’ grazzja fejn tispikka l-imħabba gratuwita,” u xejn kastigi u vendetti. Għax qed jgħid li Alla jrid li nħobbu lill-midneb u lill-għadu u mhux nikkastigawh. Dad-diskors ma kienx aċċettabli dak iż-żmien.
  2. “Dan mhux bin Ġużeppi?” Fil-ħsieb Semitiku, “iben” kien dak li jixbah lill-missieru, ikompli bix-xogħol tiegħu, u jħaddan l-istess valuri u drawwiet tiegħu. Mattew isejjaħ lil Ġużeppi “ġust” i.e. wieħed li kien josserva t-Torah u t-tradizzjonijiet. Hekk, p.e. wara l-purifikazzjoni, Ġużeppi u Marija “offrew par gamiem skond kif titlob il-liġi tal-Mulej.” “Kull sena fl-Għid kienu jmorru Ġerusalem.” In-Nażrin, fosthom qraba ta’ Ġesu, stagħġbu kif  tbiegħed mit-tradizzjoni. Li tgħid li Alla jħobb ukoll lill-pagani ifsser li int eretiku.  Stennew li forsi jerġa’ pass lura. Minn flok jgħidilhom, “ebda profeta mhu milqugħ f’pajjiżu.” Huwa kien qed jistenna din ir-rejazzjoni min-nies li huma skjavi ta’ dik il-mentalita’. Għalhekk ifakkarhom li anki l-profeti giddbu dil-fissazzjoni li Alla jħobb lill-Lhud biss.  Wieħed kien Elija li għen waħda armla minn Sarefta biex ma tmutx bil-ġuħ.  L-ieħor kien Eliżew, li fejjaq lil Nagħman mill-ġdiem. Dawn iż-żewġ persuni megħjuna ma kinux Lhud. Ġesu ġabilhom dawn iż-żewġ eżempji biex jurihom li Alla ma jagħmilx distinzjoni bejn Lhud  u pagani, bejn raġel tajjeb u wieħed midneb. Dawn kollha jirċievu l-imħabba bla tarf  Tiegħu.
  3. Il-messaġġ tal-lum hu l-aktar għall-predikaturi u għalliema biex ma jaqgħux fit-tentazzjoni li jgħidu lin-nies dak li jogħġob lill-widnejhom, jew dak li jkunu qed jippretendu li jisimgħu. Jiħtieġ nippridkaw il-Vanġelu kif inhu, sew dawk il-partijiet li jdoqqu ħelwin għall-widnejn u kemm dawk li jinkwetaw, idiehxu u li jbaqbqu. Predikatur, bħal Ġesu, irid ikun lest għan-nuqqas ta’ suċċess u popolarita’, l-aqwa li jħalli l-Vanġelu kif inhu. Jingħad li wieħed Isqof,  li kien imexxi djoċesi fil-paċi, saqsa Isqof  ieħor li kellu ħafna persekuzzjoni: “Kif tistgħu tgħixu l-Fidi b’dak il-kuntrarju kollu?” L-ieħor wieġbu: “ U jien ma nistax nifhem x’Fidi jista’ jkollkom bla persekuzzjoni.”
  4. In-Nażrin fehmu sew li, skont Ġesu, il-wegħdiet tal-patt li Alla għamel ma’ Abraham kienu se jgawdu minnhom mhux huma biss imma r-razez tad-dinja kollha. Qatt ma kienu se jaċċettaw ħaġa bħal din, tant li “imtlew bil-korla u ħaduh f’xifer l-irdum biex iwaddbuh għal isfel.” Jekk ma jkeċċukx mir-raħal, sinjal li għadek taħsibha bħalhom. Bil-kelma “raħal” (villaġġ) fil-Vanġelu wieħed kien iġib quddiem għajnejh osservanza tat-tradizzjoni u ras iebsa li ma tiċċaqlaqx minn dil-pożizzjoni. L-anqas meta waslet l-Aħbar it-Tajba, l-Aħbar is-Sabiħa ta’ Ġesu, li tahom ħafna provi li Hu kien ġej minn għand il-Missier Etern. Meta Ġesu fejjaq lil wieħed trux u mutu u ieħor għama, ħadhom ‘il bogħod mir-raħal biex ma jibqgħux maħkuma minn dik il-mentalita’ magħluqa. Wara li fejjaqhom, qallhom biex ma jerġgħux lura, inkella jerġgħu jitbikkmu, jittarxu u jagħmew.
  5. Illum qed naraw l-ewwel prietka ta’ Ġesu. Ġie rrifjutat, imkeċċi mir-raħal, u sar attentat fuq ħajtu. Kull min jipprietka jew jgħallem il-Vanġelu u ma jiġrilux hekk, irid isaqsi lilu nnifsu: “ Ma ġralix hekk għax min semagħni ikkonverta, jew għax ma ppeżentajtx il-Vanġelu kif inhu, u skartajt il-partijiet skabrużi jew li jirtuw?”
  6. “Ħaduh fuq l-għolja.” F’Nazaret m’hemm l-ebda muntanja. Luqa qed jirreferi għall-pożizzjoni għolja ta’ suppervja li ħadu huma u li minna ma ridux jiċċaqalqu li ma jmorrux jinżlu baxx għall-livell ta’ wieħed eretiku. “Għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.” Dan ma kienx xi miraklu imma aċċenn għad-dixxipli tal-lum li, meta jiltaqgħu mal-persekuzzjoni, se jkomplu jibqgħu sejrin, għax il-missjoni tagħhom se tkompli band’oħra u se tħalli ħafna frott xorta waħda. Dan il-fatt tixhed għalih l-istorja.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.