Il-Papa f’Santa Marta: Stabru fil-waqtiet tal-miżerja


Il-Ġimgħa, 1 ta’ Frar 2019: Illum, il-Papa Franġsiku qaddes fil-kappella tad-Dar Santa Marta u għamel riflessjoni dwar l-ewwel qari meħud mill-Ittra lil-Lhud: katekeżi dwar is-sabar fil-mixja ta-fidi, sabar fis-servizz tal-Mulej.

Ilkoll kemm aħna ngħaddu minn waqtiet ta’ deżolazzjoni, waqtiet ta’ dlam li fihom kollox donnu jider li jitlef is-sens, iżda hu propju f’dawk il-waqtiet li n-nisrani għandu jistabar biex jasal għall-wegħda li għamlilna l-Mulej u ma jitmewwitx jew jaqa’ lura fil-fidi.

Għall-omelija tiegħu l-Papa tnebbaħ mill-ewwel qari meħud mill-Ittra lil-Lhud u għamel riflessjoni dwar is-sens tas-sabar fil-mogħdija tal-ħajja. L-awtur tal-Ittra lil-Lhud qed jindirizza lill-insara li għaddejjin minn żmien ta’ dlam, minn persekuzzjoni, bħalma jiġri lil kull individwu li jgħaddi minn waqtiet ta’ dispressjoni, meta donnu ma nkunu qed inħossu xejn u nħossuna qiesna maqtugħin mill-ispirtu tagħna. Dawk huma waqtiet ta’ niket li għadda minnhom Ġesù stess.

Il-ħajja tan-nisrani mhix karnival, osserva l-Papa Franġisku, mhix festa l-ħin kollu; il-ħajja nisranija fiha l-waqtiet sbieħ ħafna u mumenti koroh, waqtiet ta’ bruda, ta’ distakk, fejn xejn donnu ma jagħmel sens. F’dawn il-waqtiet, kemm fil-persekuzzjonijiet interni kif ukoll fl-istat ġewwieni tal-ispirtu, l-awtur tal-Ittra lil-Lhud jgħid: “Teħtieġu s-sabar”. Iva, imma għaliex? “Għax meta tagħmlu r-rieda t’Alla tiksbu dak li hu wiegħed”. Sabar biex naslu għall-wegħda.

Fil-katekeżi tiegħu l-Papa Franġisku indika żewġ elementi, speċi ta’ riċetta kontra d-deżolazzjoni: il-memorja u t-tama. Hemm bżonn, issokta Bergoglio, li bħall-appostlu niftakru fil-mumenti sbieħ: il-jiem hienja li fihom iltqajna mal-Mulej, iż-żmien tal-imħabba.

It-tieni ħaġa, nimtlew bit-tama għal dak li hu mwiegħed lilna. Il-ħajja minn dan hi magħmula, qal Franġsiku, waqtiet sbieħ u oħrajn koroħ. L-importanti hu ma nimewwtux, li ma naqgħux lura fil-waqtiet diffiċli li ngħaddu minnhom.

Fil-waqtiet koroħ nagħmlu reżistenza, reżistenza bil-memorja u bit-tama, meta naħsbu fil-mumenti sbieħ qalbna tieħu n-nifs. Dan għandna nagħmlu fil-waqtiet tan-niket biex insibu l-faraġ u l-faraġ imwiegħed mill-Mulej.

Il-Papa ftakar fil-vjaġġ appostoliku li għamel fil-Litwanja, f’Settembru 2108, u stqarr li baqa’ mpressjonat bil-kuraġġ ta’ tant insara, tant martri li pperseveraw fil-fidi.

Illum ukoll, bosta rġiel u nisa jbatu minħabba l-fidi. Imma huma jiftakru fl-ewwel laqgħa tagħhom ma’ Ġesù, jibqgħu jittamaw u jibqgħu mexjin ‘il quddiem. Dan hu l-parir li jagħti l-awtur tal-Ittra lil-Lhud fil-waqtiet diffiċli tal-persekuzzjoni, meta l-insara jkunu persegwitati, attakkati: Stabru.

U wkoll meta x-xitan jattakkana bit-tentazzjonijiet, temm l-omelija l-Papa, jattakkana bil-miżerji tagħna, dejjem għandna nwaħħlu ħarsitna fuq il-Mulej, ikollna s-sabar tas-Salib filwaqt li niftakru fil-mumenti sbieħ tal-imħabba, tal-laqgħa mal-Mulej u fit-tama li qed tistenniena.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.