Il-ħajja umana mhix għat-tpartit


Il-Ħadd 3 ta’ Frar 2019: Omelija tal-Isqof Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, f’Jum il-Ħajja u Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

J19_0929

IL-ĦAJJA UMANA MHIX GĦAT-TPARTIT

Fil-ħajja spiss jiġru ħwejjeġ li ma nifhmux għaliex ikunu seħħew. Madwarna jsiru affarijiet li huma l-oppost ta’ dak li jgħidilna s-sens komun. Ċerti prinċipji fundamentali għalina jidhru ċari daqs il-kristall, imma mbagħad issib oħrajn li ma jaċċettawhomx!

Hekk ġara fis-sinagoga ta’ Nazaret (ara Lq 4:21-30). X’għamel Ġesù biex in-nies daret kontra tiegħu tant li ħaduh fuq xifer ta’ rdum u riedu jixħtuh għal isfel? Ġesù kien għadu kif fissrilhom kemm Alla jgħożż il-ħajja tal-bniedem tant li bagħat lil Ibnu fid-dinja biex iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, iwassal il-Bxara t-tajba lill-fqajrin, jagħti d-dawl lill-għomja u jrodd il-ħelsien lill-maħqurin.

Aktar ma l-ħajja tal-bniedem tkun mhedda, dgħajfa, magħdura u f’riskju, Alla aktar jindukraha u jgħinha biex tiftaħ bħal warda sabiħa. Alla jħobb il-ħajja u jridna nħobbuha. Il-ħajja trid tiġi milqugħa anki kollettivament u ma hemm ebda raġuni li tista’ tiġġustifika li l-ħajja tiġi ssagrifikata, lanqas meta tkun għadha fil-ġuf. Biex ma niddisprezzawx il-ħajja, Alla tana l-kmandament “La toqtolx”.

Imma din l-azzjoni favur il-ħajja ma niżlitx lin-nies ta’ Nazaret. Għaliex inkorlaw għalih? Forsi għax dakinhar, bħal-lum, kienu jirraġunaw li ma hawnx lok għal aktar ħluq – ma hawnx spazju għall-foqra; lill-għomja u lil dawk li għandhom xi għamla oħra ta’ diżabbiltà, kienu jbewġuhom għax huma piż materjali u psikoloġiku – jekk mhux ukoll, bl-iskuża li qed juru ħniena magħhom, kienu jtemmulhom ħajjithom. Imbagħad lil dawk li kienu l-ħabs nabbandunawhom biex ma niċċappsux bl-iżball li jkunu għamlu!

Imma hemm raġuni oħra għaliex in-nies ta’ Nazaret nafru għal Ġesù. Huma ndunaw li meta Ġesù qara dik is-silta mill-profeta Iżaija, hu għażel li jħalli barra vers li jgħid: “Bagħatni biex inniedi jum il-vendetta ta’ Alla tagħna”. In-nies reliġjużi ta’ Nazaret kienu konvinti li Alla huwa vendikattiv, anzi, jekk Alla huwa ġust, ma jistax ma jkunx vendikattiv! Għalhekk ma setgħux jaċċettaw id-diskors li Alla jħenn u jaħfer. Billi l-mard kien meqjus bħala kastig ta’ Alla għad-dnub, ma fehmux kif Alla ma jpattihielhomx.

Għalkemm l-aħbar li tkun tnisslet ħajja ġdida normalment tqanqal għall-ferħ, issib min f’ċirkustanzi bħal dawn jinbtulu f’qalbu sentimenti vendikattivi lejn l-istess kreatura mnissla – għax tarbija mhix mistennija taf tħarbat il-pjanijiet tal-bniedem, titqies bħala xkiel għal-libertà, theddida għall-karriera, piż ta’ manteniment. Quddiem ħsibijiet bħal dawn, il-bniedem jaf ikun vendikattiv ma’ din il-ħlejqa u jkun ittentat itemmilha ħajjitha.

B’xorti ħażina, anki s-soċjetà kapaċi tinħakem minn xewqat vendikattivi fil-konfront ta’ dawk l-ommijiet li jagħmlu l-abort, u hekk nagħmlu vjolenza morali ma’ min ikun wettaq vjolenza fiżika.

Minflok ma ngħaġġlu biex niskunġraw, għaliex ma nippruvawx nifhmu xi jkun wassal biex omm tagħmel pass ikrah bħal dan? Min jista’ jifhem xi trobbija tkun irċeviet dik it-tfajla omm? Min jista’ jobsor il-beżgħat mill-ġejjieni li jkollha f’moħħha? U jekk l-istess omm ma tkunx temmen fiha nfisha għax ma tkunx kapaċi tieqaf fuq riġlejha waħidha, iktar u iktar jekk ir-raġel ikun abbandunaha! Taf tkun l-istess soċjetà li timbuttahom biex jieħdu din id-deċiżjoni, bħal fil-każ meta min iħaddem jhedded li jista’ jkeċċi mix-xogħol ħaddiema li joħorġu tqal jew meta mara joffrulha biss xogħol fil-prekarjat. Meta l-istess familja tal-oriġni titlaq waħidhom lil dawn l-ommijiet; meta dawn l-ommijiet iħabbtu l-bieb biex isibu għajnuna psikoloġika u ma jsibux, jew jekk isibu, jintalbu ħlasijiet eżuberanti, inkunu qegħdin ngħinu biex il-keffa tal-miżien ixxaqleb favur il-qtil tat-tarbija. Taf tkun is-soċjetà li għal skopijiet ulterjuri tagħżel li timmanipula l-imħuħ billi ma tgħidx kollox dwar x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi psikoloġiċi li tgħaddi minnhom l-omm li tkun tilfet it-tarbija!

Huwa minnu li l-ħajja umana hija valur inaljenabbli, partikularment il-ħajja fil-ġuf, għax tkun għadha dgħajfa; imma r-rispett lejn il-ħajja jrid jidher ukoll fil-mogħdrija u l-imħabba li għandna nuru ma’ dawk li jkunu tilfu tarbija. Nerġa’ ntenni li bħala Nsara ma nistgħux nagħmlu vjolenza ma’ min ikun għamel xi forma ta’ vjolenza.

Lilna li niċċelebraw il-ħajja, il-kliem ta’ Ġesù fis-sinagoga ta’ Nazaret joffrilna programm ta’ azzjoni: l-Ispirtu tal-Mulej fuqna għax hu bagħatna nħabbru l-ħelsien lill-imjassrin, inwasslu l-Bxara t-tajba lill-fqajrin, id-dawl mill-ġdid lill-għomja, irroddu l-ħelsien lill-maħqurin u nxandru sena tal-grazzja tal-Mulej.

F’din is-Sena Marjana nirrakkomandalkom tfittxu l-kenn ta’ Marija, Omm Ġesù. Marija tifhimkom, għax hija wkoll kellha tqala mhix mistennija, kellha d-dubji u l-beżgħat tagħha, taf xi jfisser trabbi l-ulied… Nitolbu lil Marija, Omm il-Ħajja, biex tgħinna lkoll ħalli bħala nazzjon nibqgħu ngħożżu l-ħajja umana.