NIĊĊLEBRAW JUM IL-MARID – 11 ta’ Frar 2019)
Kienet inizjattiva tal-Papa Qaddis Ġwanni Pawlu II, meta fis-sena 1991 ħabbar li bħala Knisja ser jiġi ċċelebrat ta’ kull sena JUM IL-MORDA. Fil-fatt l-ewwel Jum Il-Morda kien ġie ċċelebrat fis-sena 1992. Din is-sena qed jiġi ċċelebrat is-27 Jum Tal-Morda. Il-Papa kien għażel ukoll il-Jum speċifiku. Dan kellu jkun nhar il-11 ta’ Frar ta’ kull sena. Jum li fih il-Knisja tiċċelebra wkoll it-tifkira tal-Ewwel Dehra tal-Madonna ġewwa Lourdes. Kienet inizjattiva ġenjali li propju f’din it-tifkira tal-Madonna ta’ Lourdes jiġi ċċelebrat ukoll Jum Il-Morda. Ilkoll kemm aħna nafu kemm il-morda għandhom relazzjoni qawwija ma’ Lourdes, fejn ta’ kull sena jmorru bl-eluf. Dawn imorru f’dan il-post qaddis b’fidi qawwija jfittxu fuq kollox “l-isptar spiritwali” li tant ikollhom bżonn.
IL-GĦANIJIET GĦAL JUM IL-MORDA
Il-Papa San Ġwann Pawlu II meta waqqaf dan il-Jum speċjali ddedikat lill-morda kien tana wkoll il-għanijiet li għalihom qed idaħħal fil-Knisja Kattolika din l-inizjattiva. Ilkoll kemm aħna bħala Knisja għandna niċċelebraw JUM IL-MORDA bil-għan li:
- Nitolbu għall-morda kollha. Kemm hu sabiħ li l-istess morda jkunu jafu li hemm min qed jitlob għalihom. Li huma mhumiex weħedhom fil-karba li kontinwament qed iressqu lil Alla għall-fejqan tal-marda tagħhom;
- Nitolbu mhux biss għall-morda imma wkoll għal dawk kollha li, min b’mod u min b’ieħor, juru interess billi jgħinu lill-marid kemm jekk dan qiegħed f’daru kif ukoll jekk qiegħed fl-isptarijiet. Għalhekk aħna mħeġġin sabiex f’dan il-Jum ddedikat lill-morda nitolbu għat-tobba u l-infermiera, nitolbu għall-membri kollha tal-istaff li jaħdmu fl-isptarijiet tagħna, nitolbu wkoll għal ħafna reliġjużi rġiel u nisa li b’kariżma speċjali jiddedikaw ħajjithom għall-morda fl-isptarijiet u fi djarhom, nitolbu għal ħafna istituzzjonijiet speċjalment NGO’s li b’mod voluntarju jagħtu ħafna min ħinhom jgħinu lill-morda, nitolbu wkoll għal ħafna oħrajn, ħafna drabi dawn huma membri tal-familja tal-marid, li b’sagriċċji kbar jibqgħu għal siegħat twal, lejl u nhar, jieħdu ħsieb lil marda f’darhom.
Il-Papa Franġisku jħeġġiġna: “Din is-sejħa materna tal-Knisja lejn il-persuni bżonnjużi u morda kkonkretizzat ruħha matul l-elfejn sena ta’ storja b’serje ta’ inizjattivi nobbli favur il-morda. Storja ta’ dedikazzjoni bħal din m’għandhiex tintesa. Din il-ħidma għadha għaddejja llum, fid-dinja kollha. Fil-pajjiżi fejn jeżistu sistemi biżżejjed tas-saħħa, ix-xogħol tal-Kongregazzjonijiet Kattoliċi, tad-djoċesijiet u l-isptarijiet tagħhom, barra li joffri kura medika ta’ kwalità, jipprova jqiegħed il-persuna umana fiċ-ċentru tal-proċess terapewtiku u jwettaq ir-riċerka xjentifika fir-rispett lejn il-ħajja u l-valuri morali Nsara”.
- Huwa Jum li bħala Knisja nagħtu xhieda li aħna jimpurtana mill-morda, huma min huma, huma fejn huma. U dan imur, hekk kif jgħidilna l-Papa Franġisku, kontra l-mentalità tal-iskart, It-tentazzjoni tad-dinja li qed ngħixu fiha, dinja maħkuma mill-materjaliżmu u l-kunsumeriżmu, hija li lill-marid u lix-xiħ inwarrbuh, nitilqgħuh f’xi sptar jew dar għall-anzjani u ninsewh qisu biċċa skart li issa narmuha għax m’għadhix aktar utli la għalina u lanqas għas-soċjeta. Jum Il-Morda huwa mument fejn aħna nħossuna responsabbli mill-marid u għalhekk b’sens ta’ mħabba evanġelika niġġieldu kontra l-kultura tal-iskart li qed tikber fostna. “Is-servizz tal-Knisja lill-morda u lil dawk li jieħdu ħsiebhom għandu jitkompla b’ħeġġa mġedda kontinwa, b’fedeltà għall-kmand tal-Mulej (ara Lq 9:2-6; Mt 10:1-8; Mk 6:7-13) u billi timxi fuq l-eżempju ċar tal-Fundatur u Mgħallem tagħha” jg]idilna l-Papa Franġisku fil-Messaġġ tiegħu għal Jum Il-Morda tas-sena 2018.
- Jum Il-Morda għandu jkun ukoll okkażjoni fejn b’mod speċjali fil-parroċċi tagħna noħolqu inizjattivi bil-għan li niffurmaw u nedukaw lill-insara tagħna bil-mod kif għandhom iħarsu lejn il-marid. Tkun ħasra jekk il-Kappillani jħallu dan il-Jum jgħaddi bla ma jorganizzaw xejn fil-parroċċa respettiva tagħhom bil-għan li tqum kuxjenza favur il-morda. Inħeġġu lill-kappillani kollha sabiex dakminnhar tal-11 ta’ Frar, jew qabel jew wara, jsibu xi ġurnata fejn anke permezz tal-Kummissjoni Diakonija, jlaqqgħu lill-morda kollha tal-parroċċa li jistgħu joħorġu minn djarhom. Lilhom jiħi ċċelebrat is-Sagrament tad-Dilka Mqaddsa u jsir talb speċjali għalihom. Dan ikun mument fejn inġorru lill-morda kollha tal-parrooċa tagħna bil-għan li jiltaqgħu mall-kleru parrokkjali, mall-insara ħuthom u nuruhom solidarjetà, imħabba u rispett.
- Jum Il-Morda għandu jservi għalina lkoll bħala nsara li rridu ngħixu l-Evanġelju, bħala mument ta’ riflessjoni sinċiera sabiex naraw kemm aħna qegħdin inħobbu tassew il-morda tagħna. Mhux il-morda għax huma familjari jew ħbieb tagħna. Lil dawn bħal donnu nħossuna obbligati li mmorru narawhom fl-isptar. Jekk le, jgħidu bina. Imma kemm aħna lesti li nwessgħu u niftħu l-bibien tal-qlub tagħna lejn il-morda kollha, anke dawk li mhumiex qrabatna u ħbiebna. Jew inħallu li l-morda jkunu tassew il-mimmi ta’ għajnejna. Inħallu li huma jokkupaw post speċjali fil-qlub tagħna. Fil-pjanijiet u l-attivitajiet li nagħmlu fuq kull livell, sepċjalment dawk parrokkjali, il-morda għandhom ikunu priorotà.
Il-Papa Franġisku jiġbed l-attenzjoni kemm tal-istess Knisja kif ukoll tal-gvernijiet bil-għan li nħarsu lejn dawk il-pajjiżi fejn l-għajnuna tal-morda hija skarsa u nieqsa sabiex isir xiħaġa: “Fil-pajjiżi fejn is-sistemi tas-saħħa mhumiex biżżejjed jew ma jeżistux, il-Knisja taħdem biex toffri lin-nies, sa fejn hu possibbli, il-kura tas-saħħa, biex telimina l-mewt tat-trabi u tirbaħ ċertu mard li għandu firxa wiesgħa. Kullimkien hija tipprova tagħti l-kura, anki jekk mhux dejjem jirnexxielha tfejjaq. Ix-xbieha tal-Knisja bħala “sptar tal-battalja”, li tilqa’ lil dawk kollha li huma milquta mill-ħajja, hija realtà konkreta ħafna, għaliex f’xi partijiet tad-dinja huma biss l-isptarijiet tal-missjunarji u tad-djoċesijiet li jagħtu l-kura meħtieġa lill-popolazzjoni”.
- Jum Il-Morda għandu wkoll iservi sabiex il-Knisja tagħmel l-eżami tal-kuxjenza tagħa bil-għan li tagħmel evalwazzjoni sinċiera ta’ kemm il-ħidma tagħha mall-morda qed tkun tassew bħala “l-għażla tal-fqar” u mhux xi negozju minn fuq il-marid. Il-Papa Franġisku, bl-istil tiegħu fejn il-kelma ma joqgħodx jommgħoda jindirizza speċjalment lir-reliġjużi li għandhom bħala missjoni tagħhom il-kura tal-morda sabiex dan ikomplu jagħmlu b’sens tassew evanġeliku: “Dan il-wirt tal-passat jgħinna nipproġettaw tajjeb il-futur. Ngħidu aħna, li nħarsu l-isptarijiet Kattoliċi mir-riskju li jsiru azjenda, fejn fid-dinja kollha hemm it-tfittxija li jdaħħlu l-kura tas-saħħa fil-qasam tas-suq, u hekk jispiċċaw iwarrbu l-foqra”.
STEDINA
Ningħaqdu mall-Knisja u bħala Knisja li trid tkun dixxiplu ta’ Kristu billi timxi fuq il-passi tiegħu, niċċlebraw JUM IL-MORDA għal din is-sena 2019 b’sentimenti u valuri tassew insara. Nirriflettu fuq dan li qed nipprova nwassal lilkom bil-għan li nagħmlu kull sforz li nagħtuh valur, ngħixuh u nħajjru lill-oħrajn jgħixuh magħna.
Il-Mulej jagħtikom is-Sliem!
Ara wkoll il-Messaġġ tal-Papa Franġisku għal Jum il-Marid ta’ din is-sena (2019) … (klikkja)