Lectio Divina għas-6 Ħadd matul is-Sena “Ċ”

Vanġelu (Lq. 6, 17-26): Kulħadd jixtieq ikun ferħan u hieni.  Il-problema hi kif wieħed se jikseb il-ferħ.  Fil-Bibbja nsibu 27 mod kif nesprimu l-ferħ, għax, wara kollox, Alla ħalaqna biex inkunu ferħanin. Ħafna għorrief indikaw it-triq għall-ferħ, imma mhux kollha kienu tajbin. 

Fil-Lvant u fil-Greċja kienu jużaw dil-forma letterarja: “Imbierek int jekk tagħmel hekk, għax tikseb it-tali ħaġa.”  Anki fis-Salmi nsibu dil-forma: “Imbierek dak (a) li ma jimxix bħas-slavaġ,  (b) li jieħu ħsieb il-fqar.”  Kienet tintuża wkoll l-oppost: “Oj, hemm, x’mort għamilt b’idejk?”  Xi wħud interpretaw ħażin din l-“Oj” u bidluha fi “gwaj għalik li għamilt hekk” bil-konsegwenza ta’ kastig minn Alla: “Gwaj għalik Korażim, Betsajda, intom Fariżej ipokriti..”  Fil-Vanġelu Ġesu’ juża l-istess forma. Barra s-silta tal-lum insibu beatitudni oħrajn (45 b’kollox) e.g. “Imbierka int li emmint”, “Imberkin dawk li ma rawx u emmnu.” 

  1. Mattew isemmi tmien beatitudni imma f’Luqa insibu erba’.  Luqa hu aktar dirett minn Mattew u jpinġi dal-fatt fi pjanura mhux fuq għolja.  L-għolja jew muntanja hi l-post fejn wieħed jiltaqa’ mal-ħsieb u l-kelma  t’Alla, kif għamel Mose’.  L-għan tal-pjanura hu biex Ġesu’ jkun viċin il-poplu.  Tajjeb niftakru li l-Vanġelu skont San Luqa hu ndirizzat lill- bnedmin tad-dinja kollha.  Kien hemm ħafna nies jisimgħu lil Ġesu’, imma ħin minnhom “refa’ għajnejh lejn id-dixxipli Tiegħu u qal: ‘Henjin intom foqra, intom li qegħdin quddiemi,’” i.e. skont Luqa il-beatitudni huma ndirizzati lid-dixxipli ftit wara li aċċettaw is-sejħa Tiegħu.  Peress li telqu kollox, kienu (a) fqar.  Ġesu’ jsejħilhom henjin talli għamlu hekk u talli (b) huma bil-ġuħ, (ċ) jibku u (d) talli n-nies se jkasbruhom imħabba f’Ismu.  Ġesu’ ried li ebda bniedem ma jkun fqir, imma li jilħaq il-milja tal-ħajja.  Imma biex ma jibqa’ l-ebda fqir fid-dinja, hemm bżonn li kulħadd jagħżel kif għażlu d-dixxipli: “Telqu kollox.” Dawn is-sajjieda ma kinux sinjuri imma l-anqas foqra. Kellhom id-dgħajjes u xogħol biex jaqilgħu għixien diċenti.  Telqu kollox kif dalwaqt se jagħmel Mattew.  Allura biex inkun dixxiplu jien irrid inqassam ġidi kollu?  Ġesu’ ma kienx kontra l-ġid materjali għax dan hu rigal t’Alla.  Li rrid niċħad hu l-attakkament u l-preokkupazzjoni żejda fuq il-ġid, u kulma jista’ jostakolani milli nisma’, naċċetta u nwettaq il-proposta ta’ Ġesu’ għalija, i.e. li nkun bniedem uman awtentiku, iben dehen t’Alla, u nħobb kif iħobb Hu.  Il-ġid li għandi tahuli Alla u jien jiħtieġ nużah skont ir-rieda u l-pjan Tiegħu.  Fqir fis-sens Evanġeliku, mela, huwa dak li, imnebbaħ mill-Kelma ta’ Ġesu’ u mbuttat mill-Ispirtu Tiegħu, jagħti valur xieraq lill-ġid li Alla fdalu f’idejh, għax konvint li dal-ġid mhux tiegħu imma misluf lilu biex jamministrah b’ġustizzja għalih, għall-familja tiegħu u għall-proxxmu.  Hawn m’hawnx lok għall-egoiżmu għax dan jeqred il-beatitudni.  Aħna maħluqin biex inħobbu u nkunu maħbuba.  Meta ngħidu ġid mhux qed nirreferu biss għall-flus, imma wkoll għall-ħin, talenti u ħiliet li għandna obbligu li naqsmuhom ma’ min jiħtieġhom.  Min jagħmel hekk se jkun parti mis-“Saltna t’Alla”- id-dinja l-ġdida ta’ mħabba u maħfra li ppropona Ġesu’.
  2. X’se jkunu l-konsegwenzi għad-dixxiplu li jagħmel din l-għażla?  Mhux se tkun ħajja faċli u se titlob ħafna sagrifiċċji:  (a) Id-dixxiplu se jaqbdu l-ġuħ għal dak li darba kien lussu imma li llum, imħabba l-konsumiżmu, qed jitqies bħala bżonn, i.e. ħwejjeġ tad-ditta, dar mimlija daqs bajda b’żewġ kċejjen, eċċ.  Ġesu’ jbierek id-dixxiplu li ma jċedix għal dil-pressjoni biex jaħli u jarmi.  Se jkun imxebba’ b’ħaġa oħra l-aktar meta, biex jgħin lill-proxxmu li jkun fi bżonn kbir, jibqa’ nieqes hu.  Ġesu’ se jippremja dawn l-atti b’ferħ u b’sodisfazzjon.  Min jimxi bl-egoiżmu, xejn u qatt mhu se jaqta’ l-ġuħ għall-ħwejjeġ materjali.  Ikun irid dejjem aktar. (b) “Henjin intom li għalissa tibku.”  Din m’għandha x’taqsam xejn ma’ “dan il-wied tad-dmugħ.”  Alla ma jridx li nibku.  Hawn qed jgħid li d-dixxiplu jibki meta tant nies isoddu widnejhom għall-kliem tal-Vanġelu għax jagħżlu li jridu jkomplu bid-dinja l-qadima tal-inġustizzji, vjolenza, gideb u mibegħda.  Ġesu’ stess beka quddiem Ġerusalem għall-istess raġuni.  Imbierek dan il-biki għax juri kemm id-dixxiplu hu ħerqan biex tibda tirrenja s-saltna ġdida ta’ paċi, mħabba u maħfra.  Ġesu’ jwiegħed: “Għad tithennew għax din id-dinja l-ġdida se sseħħ.”  Dan għandu jimla b’kuraġġ u tama lil kull dixxiplu.  “Hu għad jixxotta kull demgħa minn għajnejkom.” (ċ) “Henjin meta jobogħdukom minħabba f’Ismi.  Dan sinjal li qed tippritkaw kliemi sew, bla tlaqlieq u bla tibdil.  Dawk li se tniggżu huma tad-dinja l-qadima.  Se joqomsu u se jagħmlu minn kollox biex iwaqqfukom ħalli jħallu kollox kif inhu.  Bl-istess mod kienu ppersegwitaw lill-profeti.  Henjin intom, mhux għax se tbatu l-persekuzzjoni, imma għax se jkollkom iċ-ċertezza li qed tippritkaw Vanġelu awtentiku li jmur kontra l-loġika tad-dinja.”
  3. “Ħażin għalikom l-għonja.”  Kif ġa għidna, Ġesu’ mhux qed jhedded b’xi kastig.  Il-kelma “gwaj” bil-Lhudi hija pjuttost il-kelma funebri  ta’ ħasra “Oj” i.e.  “Oj, dan kif kellek tmut hekk  Mela Ġesu’ qed jgħid: (i) “Oj, hemm x’mort għamilt? Kif  ma qsamtx ġidek mal-foqra u b’hekk ixxerred aktar imħabba u ferħ?  Kif rekkint kemm flaħt u hekk għint biex jinħoloq il-faqar?”  (ii) “Kif tidħak waqt li tkun inġust, vjolenti u giddieb?” (iii) “Kif qed ifaħħruk u jitkellmu tajjeb fuqek? Mela sinjal li qed tirraġuna u taħsibha bħalhom.”
  4. Aħna jistħoqqilna li Ġesu’ jgħidilna “Henjin” jew “Oj, hemm, x’int tagħmel?”

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini   

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading