Evanġelju tat-Tnejn 25 ta’ Frar 2019


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 9, 14-29

Meta Raffaello pinġa t-trasfigurazzjoni il-kwadru qasmu fi tnejn; fuq naraw it-trasfigurazzjoni u Ġesù, Mose u Elija u t-tlitt dixxipli magħżula jiffurmaw trijanglu bejniethom; isfel naraw id-dixxipli u n-nies jargumentaw magħhom jiffurmaw trijanglu ieħor. Barra minn hekk Raffaello, donnu ried juri l-kwistjoni bejn id-dixxipli u l-qraba tat-tifel maġkum minnn spirtu ħażin u t-tasfigurazzjoni qe diseħħu fl-istess ħin. Filwaqt li fuq it-Tabor, tidher il-glorja u l-qawwa ta’ Ġesù, l-għaxqa tal-Missier, taħt l-għolja, il-ħila tal-bnedmin ma hix biżżejjed biex tkeċċi l-ispirtu mnoġġes mit-tifel.

Raġel maħkum mix-xitan huwa diġa ħaġa tal-biża’ iżda meta dak li jkun maħkum mix-xitan huwa tifel, hija ħaġa li twerwer. Il-ħakma minn spirtu ħażin tfisser li l-bniedem maħkum ma jibqax jikkontrolla lilu nnifsu, jsir, b’xi mod jew ieħor, għodda f’idejn il-Ħażin, inkarnazzjoni tiegħu u għalhekk isir vjolenti u aggressiv u ħadd ma jista’ jżommu. Il-bniedem maħkum ma jibqax iwassal il-ġmiel u l-qawwa ta’ Alla, iżda juri bi kliemu u b’għemilu il-qawwa u l-kruha tal-Ħażin.

Iżda l-qawwa tal-Ħżin ma tidhirx fil-ħakma daqskemm f’dak li ġġib magħha. Waqt li Ġesù li kien qe djidher fil-glorja tiegħu u d-dixxipli xtaqu jżommuh kif inhu, fl-istess ħin il-ħażin kien qe dinissel l-ikbar għadu għal din il-glorja: l-illużjoni tan-nuqqas tal-qawwa ta’ Alla u l-firda bejn il-bnedmin.

Quddiem il-ħażen il-Ħażin inissel il-qtugħ il-qalb mill-qawwa ta’ Alla li tidher fil-ħniena u fil-ħelsien minn dak li jġib it-tbatija u l-bniedem għanu ħila kbira jaqa’ f’din in-nasba, b’mod speċjali meta jaħseb li r-rebħa fuq il-ħażin ut-tbatija li jġib miegħu, ġejja minnu, mill-ħila tiegħu, mill-kliem li jgħid u mill-għemil li jwettaq. L-esklużjoni tal-qawwa u l-ħniena ta’ Alla mill-ħajja tal-bnedmin, twassal bie xil-bniedem jaqta’ qalbu minnu nnifsu u mill-bnedmin l-oħra u jara fih innifsu u fl-oħrajn l-għadu, dak li jfixklu fl-intenzjonijiet tiegħu, dak li jherrilu l-istima falza tiegħu innifsu. Il-qawwa tal-bniedem, li hu limitata, hija limitata daqsu; il-kobor tal-bniedem u l-qawwa tiegħu jiġu biss mir-rabta tiegħu ma’ Alla. Jekk il-bniedem jinqata’ minn Alla u jilludi lilu nnifsu li fih hemm il-qofol ta’ kull qawwa, ikun qe difarrak lilu nnifsu. anke jekk bniedem jagħmel il-ġid, il-ġid li jagħmel huwa marbut miegħu u ma ħajtu. Iżda jekk dak li jagħmel il-ġid huwa Alla, permezz tal-bnedmin, jagħmlu min jagħmlu jista’ jibqa’ jseħħ, anke meta l-bnedmin jintemmu.

Huwa għalhekk li Ġesù jemfasizza l-qawwa tat-talb. L-ispirtu ħażin huwa makakk tant li dgħajjef anke lid-dixxipli billi nissel il-firda u n-nuqqas ta’ ftehim. Jagħmel x’jagħmel il-bniedem biex idewwi dawn il-ġrieħi ma jidhirx li għandu ħafna frott. Dan l-effett tal-ħażin jista’ jisfa mirbuħ biss meta l-bniedem jingħaqad ma’ Alla fit-talb, meta r-rieda tal-bniedem tinbidel fir-rieda ta’ Alla, u Alla nnifsu jwassalha sat-tmiem.