Lectio Divina tat-8 Ħadd matul is-Sena “Ċ”

Vanġelu (Lq 6, 39-45): Is-silta tal-lum tkompli ma’ tal-Ħadd li għadda fejn rajna li d-dixxipli jridu wkoll iħobbu lill-għedewwa u għaliex.  Hawn min isaqsi: “Imma d-dixxipli kollha jagħmlu hekk, anki llum?”  Dawk li ma jagħmlux hekk sinjal li nqabdu minn xi żball li Ġesu’ jrid iwissi fuqu fil-Vanġelu tal-lum:

  1. “Jista’ għama jmexxi għama ieħor?”  Ġesu’ jitkellem fuq dan wara li fejjaq wieħed għama mit-twelid: “Jien ġejt fid-dinja biex min ma jarax, jara, u min jara jagħma.”  Il-Fariżej li semgħuh tgħidx kemm qomsu: “Għalli jista’ jkun mhux qed tgħid li aħna għomja?”  Weġibhom Ġesu’: “Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma issa qed tgħidu, ‘Aħna naraw’.  Mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom għax ma tridux tiftħu għajnejkom” (Ġw 9, 39-41).  Darb’oħra ċanfarhom għax bidlu l-Kmandamenti fi tradizzjonijiet li vvintaw huma.  Meta Ġesu’ reġa’ lura d-dar, id-dixxipli skantaw kemm il-Fariżej skandalizzaw ruħhom.  Ġesu’ weġibhom: “Ħalluhom, għax huma għomja u jippretendu li jmexxu lil min qed ifittex id-dawl.”   Il-Fariżej kellhom quddiemhom l-immaġini perfetta t’Alla – Ġesu’ ta’ Nazaret.  Imma għalqu għajnejhom għalih għax ippreferu jkomplu jqimu Alla kif  iffurmawh huma – imħallef, jikkastiga, eċċ.  Baqgħu għomja u b’hekk ma setgħux imexxu lill-oħrajn.  Id-dixxiplu jrid jinkarna fih il-ħajja ta’ Kristu biex ikun jista’, b’għajnejh miftuħa, jirrifletti l-wiċċ t’Alla.  B’hekk biss ikun jista’ jgħin oħrajn jiftħu għajnejhom għad-dawl ta’ Kristu u jibdlu l-immaġini ħażina Fariżajka t’Alla.  L-ewwel Insara kienu jissejħu ‘illuminati’ għax ikunu bdew jaraw id-Dawl tal-veru Alla: “Issa sirtu dawl, mela ġibu ruħkom bħala ulied id-dawl, b’ġustizzja, tjubija u verita’” (Efesin).  Ġesu’ qed iwissi lid-dixxiplu li dejjem hemm il-periklu li jerga’ lura fid-dlam. Dan jgħodd għall-Insara tal-lum.  Importanti li dejjem iżommu l-Vanġelu f’qalbhom u f’moħħhom: “Meta jasal Hu, l-Ispirtu tal-verita’, jiggwidakom Hu” (Ġw 16).   
  2. “Min għadu jitgħallem mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu, i.e. jaf kemm jaf id-dixxiplu, dejjem irid jirreferi għat-tagħlim tal-imgħallem.  Anzi, qabel kull deċiżjoni, għandu jikkonsulta m’Alla fit-talb: “Aħna għandna teżor li nġorruh f’ġarar tal-fuħħar” (Efesin) i.e. il-fraġilita’ tagħna d-dixxipli.
  3. Dil-fraġilita’ tista’ turi ruħha hekk: “Xi trid tħares lejn it-tibna f’għajn ħuk…” i.e. tikkonċentrax fuq difett  żgħir ta’ ħuk qabel ma tara d-difetti tiegħek.  Għandek mnejn issib ħafna aktar u akbar.  L-ewwel irranġa dawn qabel ma tgħin lil ħuk.  E.g. (a) Ġesu’ qal lill-Fariżej: “Tħallsu d-deċmi fuq in-nagħniegħ u l-kemmun,  imma tittraskuraw il-ġustizzja u l-ħniena.  Tgħaddu nemusa mill-passatur u mbagħad tibilgħu ġemel.”  (b) Fl-Amerka 200 sena ilu riedu jikkundannaw iż-żfin ta’ dak iż-żmien, imma mhux  kemm ħaqru skjavi.”  (ċ) L-ikbar travu għandu dak l-ipokrita (kelma li tfisser attur – li dak iż-żmien kienu jilbsu maskra) li jrid jagħmilha t’Alla – jiġġudika u jikkundanna.  
  4. Dil-kummiedja Alla ma jistax għaliha għax ma jridx li jiġi  mpinġi b’dil-maskra li, kif konna għidna, hija dagħwa.  Imħabba f’dan, ħafna Nsara tbiegħdu mill-Knisja.
  5. Kif se nagħraf  l-imgħallmin it-tajbin mill-ħżiena fil-komunita’ Nisranija?  “M’hemmx siġra tajba (sabiħa) li tagħmel frott ħażin…. Kull siġra tingħaraf mill-istess frott tagħha.” Ġesu juża l-immaġini (a) tas-siġra li kienet użata ħafna mir-Rabbini u fil-Bibbja: “Il-bniedem il-ġust li jfittex ir-rieda t’Alla kuljum, jixbaħ siġra mħawla ħdejn xmajjar tal-ilma.  Il-weraq tagħha qatt ma jisfaru u tagħti l-frott f’kull staġun.”  “Ħadd ma jiġbor tin mix-xewk jew għeneb mill-għollieq.”  Mattew b’dan ifisser li nagħrfu bniedem tajjeb minn wieħed ħażin mill-opri tajba li jagħmel.  Luqa jagħti dimensjoni oħra għal din it-tixbieħa.  Huma pjuttost il-messaġġi li l-imgħallmin Insara jħabbru:  dawk li għandhom l-għeruq tagħhom fil-Vanġelu, dawn il-messaġġi se jħallu frott bnin u sabiħ; dawk li jgħawġu, inaqqsu jew b’xi mod jibdlu s-sens tal-Vanġelu ma jkunux jistgħu jħallu frott tajjeb u sabiħ.  Ġesu’ impjega immaġini oħra: (b) dik tat-teżor.  Din simili ħafna għas-siġra.  Siġra tajba tagħmel frott tajjeb.  Il-bniedem minn qalbu joħroġ dak li hu fil-fond ta’ dan it-teżor.  E.g. Buddista jagħti messaġġ tat-twemmin tiegħu.  L-istess jagħmel Musulman, Hindu, eċċ.  In-Nisrani tajjeb jiħtieġ ikollu qalbu mimlija bis-sentimenti tal-Missier Etern, mimli mħabba u ħniena.  Mela, kulma joħroġ minn qalbu jrid ikun f’sintonija ma’ dawn is-sentimenti. U aħna l-Insara, kull kelma li toħroġ minn fommna titkellem fuq l-imħabba u l-ħniena t’Alla, jew ibbażata fuq il-kriterji u r-raġunar tal-bnedmin tal-lum?

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading