Il-Papa għall-Eżerċizzi Spiritwali


It-Tlieta 12 ta’ Marzu 2019: Il-Ħadd li għadda, fl-4.00pm il-Papa Franġisku flimkien mal-kardinali u l-isqfijiet tal-Kurja ta’ Ruma marru Ariccia, ftit bogħod minn Ruma, biex fid-dar “Casa del Divin Maestro”, jagħmlu ġimgħa eżerċizzi spiritwali mmexxijin mill-monaku Benedittin Bernardo Francesco Maria Gianni.

fr1-aricia.jpegFi tmiem l-Angelus tal-Ħadd il-Papa stedinna nitolbu għalih u għall-kollaboraturi tiegħu u fi tweet li deher fuq il-profil @Pontifex, il-Papa fakkar dak li qed jiġri matul dil-ġimgħa.  L-eżerċizzi jintemmu nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu.

Bħalma jiġri dejjem, matul dil-ġimgħa tal-eżerċizzi ma ssir ebda udjenza, inkluż l-udjenza ġenerali ta’ għada l-Erbgħa 13 ta’ Marzu, li jaħbat is-sitt anniversarju mill-ħatra ta’ Jorge Mario Bergoglio bħala l-266 Suċċessur ta’ Pietru.

L-ewwel prietka saret il-Ħadd fis-6.00pm mill-Prijur tal-Abazija ta’ San Miniato al Monte ta’ Firenze, Bernardo Francesco Maria Gianni.  It-tema tal-eżerċizzi għal dis-sena hi: “Il-belt tax-xewqat ħerqana.  Sabiex fil-ħajja tad-dinja jkun hemm ħars u ġesti paskwali”.

Mill-bieraħ it-Tnejn sa nhar il-Ħamis ikun hemm żewġ meditazzjonijiet kuljum, waħda fl-10 ta’ filgħodu u l-oħra fl-4.30 ta’ waranofsinhar.  Il-Ġimgħa jkun hemm meditazzjoni waħda filgħodu  biex waranofsinhar il-Papa flimkien mal-Kurja jerġgħu lura lejn il-Vatikan.

Il-programm tal-ġurnata dejjem jibda bil-quddiesa filgħodu u jintemm filgħaxija bil-vespri u l-adorazzjoni Ewkaristika.

It-temi tal-meditazzjonijiet huma dawn: ‘Għalhekk ninsabu hawn’ (imnebbħa minn poeżija tal-poeta Taljan Mario Luzi); ‘Il-ħolma ta’ La Pira’ (eks sindku tal-belt ta’ Firenze li għaddejja l-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu); ‘Ninsabu hawn biex inkebbsu n-nar bin-nifs tagħna’; ‘Il-preżent infami, mdemmi u indifferenti’ u ‘Tiftakru?’.

It-temi tal-meditazzjonijeit tal-Erbgħa huma: ‘Ix-xewqat ħerqana’ u ‘Il-bnadar tal-paċi u l-ħbiberija’.  Il-Ħamis: ‘Nieħdu b’idejn xulxin’ u ‘Il-lejl imlieh bil-kwiekeb’.  L-aħħar meditazzjoni li biha jaslu fi tmiemhom l-eżerċizzi spiritwali tal-Papa Franġisku u tal-Kurja Rumana, l-Ġimgħa 15 ta’ Marzu, se jkollha t-tema: ‘Il-Belt fuq il-Muntanja’.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija