Pellegrinaġġ ta’ grupp ta’ priġunieri għas-santwarju nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu


It-Tnejn, 1 ta’ April 2019: Nhar is-Sibt 6 ta’ April 2019, grupp ta’ priġunieri mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin se jagħmlu Pellegrinaġġ għas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex. Fl-10.00am huma se jieħdu sehem f’quddiesa apposta, li se tkun immexxija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.

img_8965.jpg

Il-pellegrinaġġ qed isir fl-okkażjoni tas-Sena Marjana, organizzata mid-Djoċesi ta’ Għawdex biex tfakkar l-400 sena tal-Kwadru devot tal-Madonna Ta’ Pinu. Fil-linja tal-messaġġ li taw l-Isqfijiet fl-Ittra pastorali għar-Randan ta’ din is-sena, Marija, bħala omm, ġarrbet l- esperjenza ta’ Binha li ġie arrestat u maqful. Marija, għalhekk, tista’ tifhem lil min ġarrab u qed jgħix l-esperjenza tal-ħabs u tgħinu jibda mill-ġdid biex jagħmel l-esperjenza tal- qawmien mill-mewt.

Il-pellegrinaġġ hu min-natura tiegħu mixja li trid twassal lill-pellegrin biex iħalli l-“grazzja” tibdlu f’persuna ġdida. Fis-sens Nisrani, il-pellegrinaġġ hu mixja lejn l-imħabba ta’ Alla, li għandha l-qawwa tibdel lil kull persuna u, permezz ta’ Kristu, tagħmilha “bniedem ġdid”.

Fil-ministeru tiegħu, il-Papa Franġisku ta’ spiss narawh iżur il-ħabsijiet u jiltaqa’ mal- priġunieri u l-familjari tagħhom, biex iwasslilhom il-faraġ ta’ Alla, jistedinhom ikomplu l- mixja “penitenzjali” li, wara li jitħallsu l-obbligi tal-ġustizzja, tgħinhom jerġgħu jidħlu b’mod sħiħ u ġdid fis-soċjetà. Permezz ta’ dan il-pellegrinaġġ, id-Djoċesi ta’ Għawdex tixtieq tgħin biex anki bħala soċjetà nkomplu nkunu aktar akkoljenti lejn min żbalja u qed iħallas għall- iżbalji tiegħu.

Din l-inizjattiva qed issir fuq stedina tal-Isqof Mario Grech f’isem id-Djoċesi ta’ Għawdex, u bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u tal-Awtoritajiet tal-Ħabs. Din hi l-ewwel darba li l-priġunieri qed jittellgħu f’pellegrinaġġ lejn is-Santwarju Ta’ Pinu kemm ilha mwaqqfa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, jiġifieri mill-1850.