Riflessjoni fuq il-pjagi ta’ Sidna Ġesù Kristu


Minn Angelo Xuereb

Ikun xieraq li kull nhar ta’ Ġimgħa u dik Imqaddsa li nġibu quddiem għajnejna l-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu. U jekk neħduha bis-serjetà ma jistax ikun li ma nirriflettux u nimmeditaw fuq il-pjagi li minnhom gelgel id-demm divin.

pjagiJekk naqraw il-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu fil-Vanġelu naraw li huwa ġarrab diversi ġerħat permezz tal-flaġellazzjoni u l-kuruna tax-xewk mill-aktar iebes. Iżda ħamsa kienu l-pjagi prinċipali tiegħu. Dawn huma: f’idu l-leminija, f’idu x-xellugija, fil-kustat, f’siequ l-lemenija u f’siequ x-xellugija. Dawn kienu frott il-kurċifissjoni u d-daqqa ta’ lanza fil-kustat. Infatti Sidna Ġesù Kristu ma ġiex marbut bil-ħbula biss kif ġie li kien jagħmlu iżda sammruh ukoll. Ġie msammar mas-salib bl-imsiemer minn idejh u saqajh (Ġw 20, 25.27, Lq 24, 39-49).

L-aktar pjaga li saru riflessjonijiet teologiċi u spiritwali hija dik tal-kustat. L-istorja tagħha hija din. Ġesù kien mislub bejn żewġ ħallelin u billi kien sofra passjoni mill-aktar ħarxa miet qabilhom filwaqt li huma kienu għadhom ħajjin. Inkomplu nsegwu din il-ġrajja mill-Vanħelu ta’ San Ġwann: “Mela l-Lhud, billi kien nhar it-tħejjija, biex ma jibqgħux l-iġsma fuq is-salib nhar is-Sibt, għax kien kbir dak il-jum tas-Sibt, talbu lil Pilatu biex jitkissru saqajhom u jitneħħew. Ġew għalhekk is-suldati, u kissru saqajn il-wieħed u l-ieħor li kienu msallbin ma’ Ġesù. Imma x’ħin ġew għal Ġesù, billi raw li kien diġa miet, ma kissrulux saqajh, imma wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu bil-lanza, u minnufih beda ħiereġ demm u ilma” (Ġw 19, 31-34).

Għalhekk l-istudjuzi tal-Bibbja jgħidulna: “Il-ponta tal-lanza mmela bid-daqqa nifdet  il-pulmun tal-lemin, daħlet il-ġewwa madwar tmien jew disa’ ċentimetri u waslet sal-parti leminija tal-qalb li tkun imdawwra bil-perikardju. Il-perikardju hija bħal rita jew bħal xkora rqiqa li tkun madwar il-qalb” (Lawrenz Sciberras, L-Aħħar Ġimgħa ta’ Ġesù, Għawdex 1983, p. 132).  Bir-raġun it-tradizzjoni nisranija rat f’din il-pjaga, bħal fetħa li minnha ħarġu l-għejun tal-grazzji u li fiha nistgħu nidħlu nistkennu fil-hemm tagħna.

Santu Wistin fil-Kummentarju tiegħu fuq San Ġwann jagħmel ħafna riflessjonijiet teoloġiċi fuq il-pjaga tal-kustat. Jikteb: “Imma wieħed mis-suldati fetaħ il-kustat, u minnu ħarġu demm u ilma. L-Evanġelista juża dettall meta jgħid li ġenbu ma ġiex imniffed jew imġerraħ imma “miftuħ’ b’ċertu sens, il-bieb tal-ħajja ġie miftuħ, u minnu ħarġu s-sagramenti tal-Knisja, li mingħajrhom m’hemmx dħul fil-ħajja eterna. Id-demm gie mxerred għall-maħfra tad-dnubiet; l-ilma huwa li jagħti l-ħajja u wżat ukoll għall-magħmudija” (Santu Wistin, Fuq il-Vanġelu ta’ San Ġwann, CXVIII, f’The Nicene and Pot-Nicene Fathers, IV., edited by Shaff P.-Wace H, Grand Rapids, Michi. 1991, p. 436).

Dan id-duttur tal-Knisja fl-istess Kummentarju jkompli jgħidilna li l-kustat miftuħ ta’ Kristu ġie prefigurat fit-Testment il-Qadim fil-fetħa tal-kustat ta’ Adam u r-rewwieħa li għamel Noè fl-arka tiegħu. U jekk inkomplu nirriflettu ftit naraw li kif fl-istorja tad-dilluvju Noè daħħal l-annimali kollha u l-familja tiegħu u dawn ġew salvati mill-għarqa. Bl-istess mod il-fetħa fil-kustat ta’ Kristu hija bħal rifuġju għall-bnedmin kollha li fiha jsibu s-salvazzjoni.

Kif għedna minn din il-pjaga ħarġu demmu u ilma għandhom sinjifikat kbir. Kif rajna l-ilma huwa figura tal-magħmudija filwaqt li d-demm huwa simbolu tal-Ewkaristija. U proprju din hija l-ħajja tan-nisrani. Jitwieled bl-ilma tal-magħmudija u jitrejjaq permezz tal-Ewkaristija. Bir-raġun naraw li kif Eva ħarġet mill-kustat ta’ Adam, hekk ukoll il-Knisja ħarġet mill-kustat ta’ Kristu.

Ma nkunux eżatti jekk nitkellmu fuq il-pjaga tal-kustat biss u ma nitkellmux fuq il-ħames pjagi flimkien. Huma l-prezz tal-fidwa tagħna. Infatti San Pietru jikteb: “Bil-ġrieħi tiegħu intom kontu mfejqa” (1 Pt 2, 24). Forsi wieħed jistaqsi x’inhuma l-ġrieħi tagħna. Huma d-dnubiet, u l-imperfezzjonijiet li jinsabu fina. Kieku l-bnedmin kollha japprezzaw kemm dawn il-pjagi ġabu tbatija f’Sidna Gesù Kristu, kieku aktar jkunu rikkonnoxenti lejh billi jaħarbu d-dnub il-mejjet u jippruvaw bis-serjetà kollha jimxu ‘l quddiem fit-triq nisranija mfassla minnu stess.

Il-pjagi ta’ Sidna Gesù Kristu baqgħu jidhru anke fil-ġisem irxuxtat tiegħu. Dan narawh ċar mill-Vanġelu ta’ San Ġwann meta jgħid: “Dak inhar filgħaxija, waqt li bibien ta’ fejn kienu d-dixxipli kienu maqfulin minħabba l-biża’ tal-Lhud, ġie Ġesu’ u waqaf fin-nofs u qalilhom: ‘Is-sliem għalikom’ Kif qal hekk, uriehom idejħ u ġenbu” (Ġw 20, 19-20). Infatti San Tumas l-appostlu ried jdaħħal idejh fihom. Tmient ijiem wara meta deher Kristu qallu: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, ġib, idek u daħħalha f’ġenbi, u tibqax ma temminx imma emmen” (Ġw 20, 27). Fl-Apokallissi San Ġwann jerġa’ jsemmi l-pjagi meta jgħid: “Arah ġej mas-sħab; tarah kull għajn, imqar dawk li nifduh u għalih inewħu r-razez kollha ta’ l-art’ (Apok 1, 7).

San Tumas ta’ Aquino jġib dawn ir-raġunijiet il-għala l-pjagi baqgħu jidhru fuq il-ġisem irxuxtat. i) Ma humiex ġejjin minn nuqqas ta’ qawwa li jfiequ iżda huma trofej tal-glorja tiegħu  ii) sabiex iqawwi qalb id-dixxipli wara l-qawmien li huwa kien l-istess wieħed li bata  iii) meta jinterċedi għalina quddiem il-Missier, jista’ juri dejjem il-mod ta’ kif miet  iv) sabiex jikkonvinċi lill-mifdijin kemm huwa ħanin magħhom v) sabiex jagħti lill -ħżiena kundanna ġusta. ( ara Summa Theologica 1, 3a, 54, 4)

Fis-Summa Theologica li hija mibnija diffikulta’ u risposta jagħmel din l-oġġezzjoni rigward il-pjagi ta’ Kristu. Jgħid li kien jixraq li l-ġisem ta’ Kristu jkun perfett u mingħajr pjagi iżda’ mbagħad jagħti risposta mill-aktar eżatta: “Il-pjagi fuq il-ġisem ta’ Kristu ma humiex sinjali ta’ korruzzjoni jew difetti, iżda’ sabiex iżidulu fil-glorja, għax huma it-trofej tal-qawwa tiegħu; u sbuħija speċjali tidher fejn hemm il-pjagi” (Summa Theologica 1, 3a, 44, 4)

San Ġorġ Preca kien devot ħafna tal-pjagi ta’ Kristu. Fil-ktieb tiegħu Responsorju jikteb: “Ebda merkant ma jista’ jiċħad bejgħ lil min jagħtih il-flus; issa l-pjagi ta’ Kristu fihom unur u valur bla qies quddiem Alla u għalhekk meta noffruhomlu m’għandhiex nibżgħu li t-talbiet xierqa tagħna ma jkunux mismugħin” (Responsorju, Fuq l-Orazzjoni, Nru 4).

Ikun xieraq li nitolbu lil Ġesù sabiex jfejjaq il-pjagi tar-ruħ tagħna li huma kif rajna d-dnub il-mejjet, venjal u n-nuqqasijiet. Dan huwa fuq livell ta’ grazzja. Iżda kull bniedem li hawn fid-dinja għadda minn xi esperjenza morra jew xi tbatija li xħin jiftakar fiha jew jigi konxju tagħha ma tantx jieħu gost u b’dan il-mod ikun qiegħed ibati. Nistgħu ngħidu li din hija pjaga emozzjonali iżda jekk in-nisrani jgħaqqad dawn “ġerħat’ emozzjonali mas-salib ta’ Kristu, jiksbu valur redentiv fil-ħajja tan-nisrani. Ħajtu tingħaqad mas-salib ta’ Kristu u t-tbatija jibda jsibha ħafifa. Pjaga emozzjonali fil-bniedem tista’ tkun problema li jkun għaddej minnha preżentament u tkun qegħda iġġagħlu jsofri. Anke għal dan il-bniedem il-pjagi ta’ Kristu għandhom messaġġ mill-aktar sabih.

Fil-ħajja tagħna kollha kemm hija f’kull ferħ u inkwiet, ikun xieraq li nieħdu l-parir tal-Ktieb l-Imitazzjoni ta’ Kristu: “Idħol strieħ u bil-qalb fil-pjagi mqaddsa. Għaliex jekk inti tiskenn bil-qima fil-pjagi u fl-istimmati prezzjużi ta’ Ġesù, inti tħoss qawwa kbira fi żmien it-tribulazzjoni, u ma tinkwetax ħafna bl-offiżi tal-bnedmin” (L-Imitazzjoni ta’ Kristu,  Ktieb 2, 1).

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.