Il-Papa Ljun XIV lill-Awtoritajiet, Soċjetà Ċivili u Korp Diplomatiku f’Algiers

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU
INDIRIZZ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Ċentru tal-Konferenzi “Djamaa el Djazair” (Algiers)
It-Tnejn, 13 ta‘ April, 2026

Sur President,
Uffiċjali Distinti u Membri tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri,

Jien grat ħafna li ġejt mistieden inżur l-Alġerija, stedina li saret fil-bidunett tal-Ministeru Petrin tiegħi, u rroddilkom ħajr tal-merħba sabiħa!  Intom tafu li, bħala iben spiritwali ta’ Santu Wistin, jien diġà żort Annaba darbtejn: fl-2004 u fl-2013.  Jien grat għall-pjan misterjuz tal-providenza divina li mill-ġdid fassalli ritorn hawnhekk bħala Suċċessur ta’ Pietru.

Ninsab fostkom bħala pellegrin tal-paċi, ħerqan biex niltaqa’ mal-poplu nobbli Alġerin.  Aħna aħwa għax għandna l-istess Missier fis-sema.  Is-sens reliġjuż profond tal-poplu Alġerin irawwem kultura ta’ laqgħa u rikonċiljazzjoni.  Biż-żjara tiegħi qed infittex li nkun sinjal ta’ dan.  F’dinja mimlija kunflitti u nuqqas ta’ ftehim, ejjew niltaqgħu u naħdmu bil-ħrara biex nifhmu lil xulxin, billi nagħfru li aħna lkoll familja waħda!  Illum, is-sempliċità ta’ dan l-għarfien hu ċ-ċavetta li tiftaħ ħafna bibien magħluqa.

Għeżież ħuti, jien ninsab hawn fostkom ukoll bħala xhud tal-paċi u t-tama li d-dinja tant tixtieq b’ħerqa, u li l-poplu tagħkom dejjem fittex.  Tabilħaqq, il-provi qatt ma għelbu lill-poplu tagħkom għax huwa mimli bi spirtu ta’ solidarjetà, ospitalità u komunità minsuġin fil-ħajja ta’ kuljum ta’ miljuni ta’ nies umli u retti.  Il-ġejjieni hu ta’ dawn in-nies ta’ karattru li ma jħallux is-setgħa u l-għana jagħmuhom; huma dawk li jirrifjutaw li jissagrifikaw id-dinjità ta’ sħabhom għall-fini ta’ gwadann personali jew kollettiv.  Rigward dan, ħafna qaluli kemm il-poplu Alġerin hu ġeneruż kemm maċ-ċittadini l-oħra u wkoll mal-barranin.  Din id-dispożizzjoni hi rifless tal-ospitalità inkarnata fil-komunitajiet Għarab u Berberi, dmir sagrosant li nittamaw li nsibuh kullimkien bħala valur soċjali fundamentali.

Bl-istess mod, l-elemożina (sadaka) hija prattika komuni u naturali fostkom, anki fost min hu anqas affluwenti.  Il-kelma sadaka tista’ tfisser ukoll ġustizzja, fis-sens li ma nżommux il-ġid għalina nfusna, iżda naqsmu dak li għandna b’sens ta’ ġustizzja.  Min jaħżen il-ġid u jibqa’ indifferenti lejn l-oħrajn, hu inġust.  Din il-perspettiva tal-ġustizzja hija sempliċi kif ukoll radikali għax tagħraf ix-xbieha ta’ Alla fl-oħrajn.  Fil-fatt, reliġjon mingħajr ħniena u soċjetà mingħajr solidarjetà huma skandlu f’għajnejn Alla.  Madankollu ħafna soċjetajiet li jqisu lilhom infushom avvanzati qed jegħrqu dejjem aktar fil-fond tal-baħar tal-inugwaljanza u l-esklużjoni.  L-Afrika taf tajjeb ħafna li nies u organizzazjonijiet li jiddominaw lil ħaddieħor qed ikissru d-dinja li l-Aktar Għoli ħalaq biex fiha aħna lkoll ngħixu bħal aħwa.

L-esperjenzi diffiċli li ltqajtu magħhom tul l-istorja, lill-pajjiżkom ituh perspettiva ta’ importanza partikolari fil-bilanċ tal-poter globali.  Jekk tkunu kapaċi tidħlu fi djalogu dwar dak li jħasseb lil kulħadd u turu solidarjetà mat-tbatijiet ta’ tant pajjiżi fil-qrib u fil-bogħod, allura tkunu tistgħu tagħtu l-kontribut tagħkom kemm għall-viżjoni kif ukoll biex ikun hemm ġustizzja akbar fost il-popli.  Bir-rispett lejn id-dinjità ta’ kulħadd u meta tħallu l-uġigħ tal-oħrjan imissilkom qlubkom, minflok it-tkattir tan-nuqqas ta’ ftehim u l-kunflitti, żgur li tkunu tistgħu ssiru protagonisti ta’ kapitlu ġdid fl-istorja.  Illum dan hu urġenti aktar minn qatt qabel quddiem il-vjolazzjoni bla rażan tal-liġi internazzjonali u t-tendenzi neokolonjali.

Il-Predeċessuri tiegħi diġà kienu raw ċar u fehmu t-tifsir epokali ta’ din l-isfida.  Benedittu XVI kien osserva li “l-proċessi tal-globalizzazzjoni, mifhuma u mmexxija tajjeb, jiftħu l-opportunità, li qatt ma kellna qabel, ta’ ridistribuzzjoni wiesgħa tal-ġid fuq skala dinjija. Iżda jekk ma jitmexxux tajjeb, jistgħu jwasslu għal żjieda fil-faqar u inugwaljanza, u jistgħu wkoll joħolqu kriżi globali” (Enċ. Caritas in Veritate, 42).  Mill-esperjenza estensiva tiegħu tat-tensjonijiet preżenti fin-Nofsinhar tad-Dinja, il-Papa Franġisku kien enfasizza l-importanza ta’ dak li jista’ jinftiehem biss lil hinn mill-periferiji taċ-ċentri tal-poter il-kbar u mi mnejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.  Il-Papa Franġisku kiteb: “Hemm bżonn naħsbu kif tinħoloq parteċipazzjoni soċjali, politika u ekonomika b’mod li jinkludu l-movimenti popolari u jsaħħu l-istrutturi tal-gvern lokali, nazzjonali u internazzjonali b’dik il-qawwa ta’ enerġija morali li tinbet mill-inklużjoni ta’ dawk li huma mwarrba fil-bini tad-destin komuni” (Enċ. Fratelli tutti, 169).

Għalhekk inħeġġeġ lil dawk fostkom li għandhom pożizzjonijiet ta’ awtorità f’dal-pajjiż biex ma jibżgħux minn dil-viżjoni iżda jippromwovu soċjetà vibranti, dinamika u ħielsa li fiha ż-żgħażagħ jingħataw l-ispazju biex juru l-ħiliet tagħhom ħalli x-xefaq tat-tama jitwessa’ għal kulħadd.  Is-saħħa vera tal-pajjiż tinsab fil-koperazzjoni ta’ kulmin irid jagħti sehemu għall-ġid komuni.  L-Awtoritajiet għandhom sejħa biex ma jiddominawx imma jkunu ta’ servizz għall-poplu u jrawwmu l-iżvilupp tiegħu.

Għalhekk, l-azzjoni politika ssib il-kriterju gwida tagħha fil-ġustizzja, li mingħajrha ma jistax ikun hemm paċi awtentika, u li tissarraf fi promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ġusti u dinjitużi għal kulħadd.  Il-Knisja Kattolika wkoll, permezz tal-komunitajiet u l-inizjattivi tagħha, tixtieq tikkontribwixxi għall-ġid komuni tal-Alġerija, billi ssaħħaħ l-identità speċifika tagħha bħala pont bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, u bejn il-Lvant u l-Punent.

Il-Mediterran min-naħa u s-Sahara mill-oħra, jirrappreżentaw salib it-toroq ġjografiku u spiritwali ta’ tifsir bla qies.  Jekk nidħlu fil-fond tal-istorja tagħhom, mingħajr semplifikazzjonijiet jew ideoloġiji,  niskopru teżori ta’ umanità enormi moħbijin fihom,  Għax il-baħar u d-deżert kienu żoni ta’ arrikkiment reċiproku fost il-popolazzjonijiet u l-kulturi, tul eluf ta’ snin.  Ikun għajb għalina jekk aħna nibdluhom f’ċimiterji fejn tindifen magħhom ukoll it-tama!  Lil dawn ir-riżervi tremendi tal-istorja u tal-futur ejjew neħilsuhom mill-ħażen!  Ejjew inkattru aktar oasi ta’ paċi; ejjew nikkundannaw u nneħħu l-kawżi tad-disperazzjoni; u ejjew nopponu lil dawk li jipprofittaw ruħhom mill-isfortuna ta’ ħaddieħor! Għax il-qligħ ta’ dawk li jisfruttaw il-ħajja umana, li d-dinjità tagħha hija invjolabbli, huwa qligħ illeċitu.

Ejjew għalhekk, ngħaqqdu l-forzi tagħna, l-enerġija spiritwali, l-intelliġenza u r-riżorsi biex l-art u l-baħar isiru rqajja li jagħtu l-ħajja, imkejjen ta’ laqgħa u ta’  stagħġib.  Jalla s-sbuħija majestuża tagħhom tmissina qlubna; jalla l-firxa estiża tagħhom tixprunana biex nirriflettu dwar it-traxxendenza.  Il-Mediterran, is-Sahara u s-sema bla limiti ta’ fuhom isefsfulna f’widnejna li r-realtà tisboqna minn kull naħa, li Alla hu verament kbir u li kollox jgħix fil-preżenza misterjuża tiegħu.

Dal-mod ta’ ħsieb għandu konsegwenzi enormi dwar kif aħna nifhmu r-realtà, iżda ħafna llum jissottovalutaw it-tifsira tiegħu.  Meta wieħed iħares aktar mill-qrib, is-soċjetà Alġerina wkoll hija familjari mat-tensjoni bejn is-sensibilità reliġjuża u l-ħajja moderna.  Hawnhekk, bħal madwar id-dinja, hawn it-tendenza li d-dinamiki opposti tal-fundamentaliżmu u s-sekularizzazzjoni jimmanifestaw ruħhom, bir-riżultat li ħafna jitilfu s-sens awtentiku ta’ Alla u tad-dinjità tal-ħlejjaq kollha tiegħu.  Bħala konsegwenza, is-simboli reliġjużi u l-kliem jistgħu jsiru, min-naħa, lingwi blasfemi ta’ vjolenza u oppressjoni, inkella, sinjali vojta fis-suq bla qies tal-konsumiżmu li qatt ma jissodisfana.

Madankollu dawn il-polarizzazzjonijiet assurdi m’għandhomx jaqtgħulna qalbna.  Irridu nikkonfrontawhom bl-intelliġenza.  Huma sinjal li qed ngħixu żmien straordinarju ta’ tiġdid kbir, żmien li fih, min għandu qalbu ħielsa, u l-kuxjenza viġili, mit-tradizzjonijiet spiritwali u reliġjużi l-kbar, jista’ jislet modi ġodda ta’ kif iħares lejn id-dinja u jsib skop validu għal ħajtu.  Hemm bżonn nedukaw lill-poplu biex jaħseb b’mod kritiku u ħieles, jisma’ u jiddjaloga, u jrabbi l-fiduċja biex jagħraf li min għaddej fil-vjaġġ magħna, għalkemm differenti, mhuwiex theddida.  Hemm bżonn naħdmu flimkien biex infejqu l-memorja u r-rikonċiljazzjoni ma’ dawk li qabel kienu avversarji.  Dan hu r-rigal li nixtieq nagħti lilkom, lill-Alġerija u l-poplu kolllu tagħha.  Fuqkom ninvoka barkiet abbundanti tal-Aktar Għoli.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading