San Ġwann tas-Salib

Twieled fl-1542 f’Fontiveros, fi Spanja u kellu l-isem ta’ Juan de Yepes y Álvarez. Sa minn età żgħira għex ħajja ta’ faqar, iżda kien magħruf għall-intelliġenza u d-dedikazzjoni tiegħu. Aktar tard daħal fl-Ordni Karmelitan bl-isem ta’ Juan de Santo Matía (Ġwanni ta’ San Mattija). Bħala saċerdot, huwa għix ħajja mill-aktar sempliċi u spiritwali. Aktar tard sar magħruf, kif għadna nafuh sal-lum, bħala Ġwanni tas-Salib.

Intervita ma’ Patri Juan De Bono ocd. (laikos 2021)

Ġwanni tas-Salib huwa wieħed mill-aktar mistiċi importanti tal-Knisja Kattolika. Baqa’ magħruf mhux biss għall-ħajja ta’ qdusija li għix, imma wkoll għall-kitbiet profondi tiegħu dwar il-ħajja spiritwali u r-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla.

Ir-Riforma tal-Karmelitani

Wieħed mill-aktar aspetti importanti tal-ħajja ta’ Ġwanni tas-Salib kienet il-ħidma tiegħu għar-riforma tal-Ordni Karmelitan. Flimkien ma’ Santa Tereża ta’ Avila, ħadem biex jerġa’ jġib dixxiplina aktar stretta u ħajja ta’ talb aktar profonda fost il-patrijiet u s-sorijiet. Din ir-riforma wasslet biex titwaqqaf il-fergħa tal-Karmelitani Skalzi, li fostna huma magħrufa wkoll bħala “It-Tereżjani”.

Kitbiet Spiritwali

Fost il-kitbiet tiegħu, li huma meqjusa bħala kapolavuri tal-letteratura spiritwali, hemm, il-Lejl Mudlam tar-Ruħ u Tlugħ il-Muntanja tal-Karmelu. Fihom huwa jiddeskrivi l-mixja diffiċli li r-ruħ trid tgħaddi minnha biex tasal għal għaqda sħiħa ma’ Alla, inkluż ukoll żminijiet ta’ prova u ta’ dlam spiritwali.

Dwar il-Lejl mudlam tar-Ruħ tista’ tara wkoll …

Il-mewt u kanonizzazzjoni

Miet fl-1591 u kien kanonizzat fis-27 ta’ Diċembru 1726 mill-Papa Benedittu XIII. Aktar tard ġie iddikjarat Duttur tal-Knisja minħabba l-għerf tat-tagħlim tiegħu. Il-kitbiet tiegħu għadhom jintużaw minn ħafna sabiex jifhmu aħjar il-ħajja spiritwali u t-tkabbir interjuri. Għalhekk huwa jibqa’ figura ċentrali fil-mistika Nisranija. Il-ħajja tiegħu, flimkien mal-kitbiet profondi tiegħu, joffru gwida għal dawk li jfittxu relazzjoni aktar profonda ma’ Alla, anke fi żminijiet ta’ diffikultà u prova.


Il-Ħames Tapep tar-Ruħ

Ġwanni tas-Salib u l-ħames tapep li ruħ tgħaddi minnhom biex tasal f’għaqda sħiħa ma’ Alla. P. Juan De Bono ocd (laikos 2021)


San Gwann tas-Salib

San Ġwann iridna nbattlu qalbna għal kollox u minn kollox biex inkunu nistgħu nimtlew b’Alla li waħdu jista’ jfawwar bil-grazzji tiegħu lill-qalb li jsib imħejjija. Il-vojt tax-xejn irid jilqa’ fih il-Kollox li huwa Alla. (oskt 2021)


Aktar dwar l-Ordni Tereżjan u l-Qaddisin tiegħu …

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading