Ressqu l-merħla lejn il-Mulej bil-ħlewwa u l-umiltà


It-Tnejn, 29 ta’ April 2019: L-Arċisqof f’Quddiesa flimkien mal-erba’ saċerdoti l-ġodda, fis-Santwarju tal-Madonna, il-Mellieħa.

WhatsApp_Image_2019-04-29_at_21.15572203405

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fis-Santwarju tal-Madonna, il-Mellieħa

Din il-kelma li għadna kemm smajna tkun għalikom programm għal ħajjitkom. Meta jiġu l-mumenti ibsin ftakru dejjem li l-Mulej qiegħed jistendinkom biex tersqu lejh. “Ejjew għandi intom li intom imħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28).

It-tentazzjoni fil-ministeru hija li meta nkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli jew ta’ frustrazzjoni, ta’ għejja, ta’ rabja, ta’ diżappunt jew ta’ tentazzjoni, infittxu s-serħan tagħna fl-evażjoni, tkun xi tkun il-ħaġa. Il-Mulej jinsisti li hu kapaċi jieħu ħsiebna f’dawn il-mumenti. “Ejjew għandi … jiena nserraħkom”. Nippruvaw niftakruha din il-ħaġa għaliex faċli ninsewha; ngħiduha lil tant nies anke għax ma nkunux nafu x’se naqbdu ngħidulhom ukoll, imma l-ewwel irridu nkunu persważi minnha aħna.

Huma ftit id-drabi fejn Ġesù jgħidilna biex nitgħallmu minnu. Fil-ħasil tar-riġlejn jinsisti: “Jiena li jiena s-sid u l-Imgħallem għamiltilkom hekk, hekk għandkom tagħmlu intom lil xulxin. Tgħallmu minni” (Ġw 13:14). Imma hawnhekk Ġesù jgħid: “Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli u intom issibu mistrieħ għal ruħkom” (Mt 11:29). Din il-frażi għandha bidu u tmiem; b’xi mod hija bejn żewġ elementi li jirrepetu lilhom infushom magħna u ma’ Alla. “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi”; il-konklużjoni hi li “l-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħu ħafif” (Mt 11:30).

Il-madmad ta’ Ġesù jgħaqqdek ħaġa waħda miegħu.

Il-madmad huwa dak li jorbotni ma’ Ġesù u aħna bilfors irridu nimxu flimkien. Il-madmad kien il-mod kif żewġ bhejjem iġġegħelhom jimxu flimkien. Mhijiex xi ħaġa individwalistika, anzi, il-madmad jgħaqqdek ma’ Ġesù. Il-madmad ta’ Ġesù jgħaqqdek ħaġa waħda miegħu. Issa hu qed jobdi ’l Missier u inti se timxi miegħu fil-madmad ta’ din it-triq tal-ubbidjenza lejn il-Missier. Hu jgħid li biex timxi tajjeb miegħu jrid ikollok qalb ħelwa u umli.

San Ġorġ Preca, hu u jinterpreta dawn iż-żewġ karatteristiċi, jitkellem dwar il-manswetudni, jiġifieri l-kapaċità li taħfer, u din hija l-vera ħlewwa u umiltà. Jekk nisimgħu l-Kelma “nibgħatkom bħalma bagħatni l-Missier,” dan huwa l-ispirtu tal-isem ta’ Ġesù: il-maħfra tal-għedewwa. Aħna li konna għedewwa tiegħu, aħna rikonċiljati fih. Ħafna drabi naħsbu f’dawn l-elementi ad extra, dejjem u dejjem ad extra, qishom xi ingwent fejn ikollok miktub “for external use only”. Aħna għandna dan id-difett; il-predikazzjoni qisha “for external use only”. Xi ħaġa li nsistejt fuqha anke f’Ħamis ix-Xirka meta kellimt lill-ormaj kollegi tagħkom. L-Evanġelju mhuwiex “for external use only”, l-ewwel irid jevanġelizzani u allura anke din l-kapaċità li taħfer, l-ewwel irrid napprezza li jiena maħfur biex ikolli l-qawwa li naħfer.

Li l-Mulej ixejjen lilu nnifsu, din il-kenosis ta’ Ġesù: “Billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:8). B’xi mod din il-missjoni u dawn iż-żewġ karatteristiċi jingħaqdu flimkien għaliex hi l-umiltà ta’ Alla li tirrikonċiljah magħna. Meta jfisser lilu nnifsu bħala r-ragħaj it-tajjeb, kif tafu karos tfisser mhux biss tajjeb imma attraenti. Hu attraenti għaliex għandu qalb ħelwa u umli. Aħna rridu nattiraw lill-merħla b’dawn il-karatteristiċi u allura nressquha lejh, hu li għandu din il-ħerqa li jfarraġ lilna, u “bil-faraġ li jfarraġ lilna,” jgħid l-Appostlu Missierna San Pawl, “inkunu nistgħu nfarrġu lil ħaddieħor”.

Illum qegħdin niċċelebraw waħda mill-patruni tal-Ewropa; għalina llum hija festa. Hi mara straordinarja li kienet bniedma ta’ ftit skola u kellha l-iskrivani jgħinuha tikteb l-ittri, imma kellha intimità kbira ma’ Ġesù. Hu għażilha biex lill-papat tistiednu għall-konverżjoni. Għalhekk, fit-talba li l-Knisja tagħmel fil-festa tagħha, tfakkar fil-intenzjoni ta’ Katarina ta’ Siena meditazzjoni kontinwa tal-pjagi ta’ Ġesù, imma wkoll b’ħerqa kbira għall-għaqda u l-awtentiċità fil-Knisja.

Aħna qegħdin hawn f’dan il-post li x’aktarx huwa l-eqdem santwarju tal-Madonna fil-gżejjer tagħna. L-isqfijiet tas-sette cento kienu jafu x’aktarx l-agħar mingħajr l-estensjoni. Jgħidu li l-Isqof Alpheran de Bussan kien iħobb jiġi hawnhekk u jagħmel ġurnata jitlob f’dan l-agħar. Ovvjament kien hemm veduta sabiħa, ma nimmaġinax li kien hemm ħafna bini f’dak iż-żmien. Imma ħafna predeċċesuri tal-isqfijiet ta’ Malta għożżew dan il-post; dan il-post għalina jfisser id-devozzjoni ta’ ħafna nies, mhux biss il-preżenza ta’ San Ġwann Pawlu II fl-1990, imma il-preżenza ta’ tant nies li għożżew dan il-post. It-talba ta’ konsagrazzjoni li se nużaw fl-aħħar tal-quddiesa hija proprju ta’ San Ġwann Pawlu II, il-konklużjoni tal-Pastores Dabo Vobis li prattikament inkitbet sena wara li ġie hawnhekk u introduċa din it-talba sabiħa ta’ konsagrazzjoni tas-saċerdoti lill-omm Ġesù.

Irridu nitolbu lil Ġesù biex ikollna l-karatteristiċi ta’ qalbu, nitolbu bl-intereċessjoni ta’ ommu.

Illum nitolbu biex il-ministeru tagħna jkun imbierek bil-protezzjoni tal-Madonna u fl-istess ħin nitgħallmu minnha wkoll il-ħlewwa u l-umiltà. Irridu nitolbu lil Ġesù biex ikollna l-karatteristiċi ta’ qalbu, nitolbu bl-intereċessjoni ta’ ommu. Persważ li Ġesù meta kien isemmi ċertu affarijiet, kien jiftakar fl-eżempji tal-mamà tiegħu u ta’ Ġużeppi l-missier putattiv. Meta taqraw l-Evanġelju u lil Ġesù tisimgħuh jitkellem fuq missieru li hu tas-sema, aħsbu ftit x’kien San Ġużepp għal Ġesù. Meta Ġesù jitkellem fuq ċerti karatteristiċi partikulari, aħsbu wkoll f’ommu għax Ġesù xorob ħafna mingħand dawn iż-żewġ persuni li qatta’ magħhom kważi 30 sena, għalkemm ma nafux eżattament meta miet San Ġużepp, u aħna tajjeb nirrikorru lejhom biex jgħinuna, biex kif ġara fl-ordinazzjoni li intom ġejtu kkonformati ma’ Ġesù fis-Sagrament tal-Ordni Sagri, din il-ħaġa tgħixuha, għax meta tgħidu “dan hu Ġismi u dan hu demmi,” ma tkunux sempliċement qed tikkwotaw fil-virgoletti doppji, għax m’hemmx virgoletti doppji fil-Missal, imma għaliex Ġesù jagħti din il-qawwa lis-saċerdozju Kattoliku: li inti tippresiedi f’ismu, inti ħuh. Imbagħad immaġina meta mbagħad niżgarraw xi traġedja tkun.

Għalhekk nitolbu lill-Mulej biex jiddefendi lilna lkoll minna nfusna u jħarisna fil-mumenti iebsa. “Il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mt 11:30).

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.