Il-MAGĦMUDIJA


9. It-Tnejn wara t-Tieni Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidlek, jekk wieħed ma jitwilidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla (Ġw 3,5).

Din is-silta hija meħuda mit-taħdita bejn Ġesù u Nikodemu. Dan kien Fariżew u wieħed mill-kbarat tal-Lhud u mar ikellem lil Ġesù bil-lejl. U Nikodemu qal lil Ġesù: “Rabbi, aħna nafu li int mgħallem ġej mingħand Alla, għax ħadd ma jista’ jagħmel dawn il-mirakli li inti tagħmel, jekk ma jkunx Alla miegħu” (Ġw 3, 2). U Ġesù wieġbu li jekk wieħed ma jitwilidx mill-ġdid ma jistax jara s-saltna ta’ Alla.

Dan it-twelid ġdid li jsemmi Kristu mhuwiex għajr il-magħmudija li ssir bl-ilma u fl-Ispirtu s-Santu. Dan huwa l-ewwel sagrament li jagħmel il-bniedem Nisrani u hekk isir bin Alla u li jista’ jgħajjat lil Alla “Abba”, l-istess kelma Aramajka li biha t-tfal Lhud kienu jsejħu lil missierhom, bħalma llum it-tfal tagħna jsejħu lil missierhom “Pa” jew “Daddy.”

Il-magħmudija ddaħħalna fil-misteru ta’ Kristu. San Pawl fl-Ittra lir-Rumani jgħidilna li l-magħmudija hija l-mewt u l-qawmien fi Kristu. Dan qalu fl-isfond li dan is-sagrament kien jingħata per immersionem, jiġifieri dak li kien ser jitgħammed kien jiġi mgħaddas fl-ilma u wara jitla’ bħala bniedem ġdid imwieled fi Kristu.

Bil-magħmudija aħna mmutu u nqumu fi Kristu. Mhux ta’ b’xejn li fil-funerali nagħmlu l-blandun tal-Għid qrib it-tebut. Dan biex ifakkarna li l-magħmudija kienet il-bidu tal-ħajja eterna li nibdew mal-mewt tagħna.

Forsi nistaqsu: Min mhux mgħammed mhux ser isalva? It-tweġiba hija din. Il-magħmudija hija t-triq ordinarja tas-salvazzjoni u Alla għandu pjan anki għal dawk li jkunu għexu ħajja tajba u bla tort tagħhom ma jkunux tgħammdu. Iżda dawk li jkunu jafu bil-Vanġelu u ma jagħmlux ħilithom biex ifittxu l-verità u jgħixuha, bla dubju ta’ xejn ikunu jipperikulaw is-salvazzjoni tagħhom.

Għalhekk mhux biżżejjed li niġu mgħammda. Jeħtieġ li ngħixu kuljum il-Magħmudija tagħna, bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba tagħna, fi Kristu Rxuxtat.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.