L-Isqof Mario Grech fil-Festa Liturġka ta’ San Ġorġ


It-Tnejn, 29 ta’ April 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fis-Solennità liturġika ta’ San Ġorġ, fil-Bażilika San Ġorġ, il-Belt Victoria.

img_3221.jpg

Omelija fis-Solennità liturġika ta’ San Ġorġ Martri – Fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria

KRISTJANEŻMU LOW COST

Jekk hawn xi ħadd li jagħmlilna ġieħ, dawn huma l-martri – kemm dawk tal-ewwel żminijiet, fosthom San Ġorġ, u kemm dawk li ngħataw il-martirju fi żminijietna, bħalma huma l-Insara tal-Iraq. Jien konvint li bħall-martri Iraqini anki San Ġorġ qal: “Aħjar immut milli nikkonverti. Aħna ma nistgħux ngħixu mingħajr Ġesù. Nistgħu nirrinunzjaw għal kollox, imma mhux lilu. It-twemmin tagħna fih jiswa aktar mill-ħajja tagħna, għax ħajja mingħajr Kristu hija ħajja vojta u bla sens”.

Fl-istess waqt, jekk hawn xi ħadd li jaf iħammrilna wiċċna, iġagħalna nistħu u ninħbew, dawn huma l-martri. Għax dak li llum qegħdin niffesteġġjawh bl-akbar solennità, San Ġorġ Martri, huwa wkoll dak li, jekk nafuh u nħobbuh tassew, għandu jdaħħalna f’qoxritna. Ġorġi jwaqqgħalna l-maskra li tgħatti l-ipokrezija Kristjana tagħna; Ġorġi jikxef il-faqar spiritwali tagħna.

Fil-ħajja jaqbillek tgħix jekk hemmx xi ħaġa li jaqbillek tmut għaliha. Għax trid jew ma tridx, il-mewt qed tistenniena. X’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja, imbagħad irid iħalli kollox? Għalhekk vale la pena ngħixu jekk mal-mewt ma jispiċċax kollox. Il-martri huma dawk li kienu konvinti li kien hemm xi ħaġa li kien jaqblilhom imutu biex jiksbuha. Meta kkonfronta lil Djoklezjanu, San Ġorġ ma għażilx li jmut, imma għażel il-ħajja. Huwa ma għażilx li jitlef ħajtu, imma offra ħajtu biex jikseb lil Alla. San Ġorġ ma għamilx għażla kontra xi ħadd (bħalma jagħmlu l-kamikażi tal-Iżlam fundamentalista), imma għamel għażla biex ikun ma’ dak li xtaq bil-qawwa: Alla. Kif jgħid il-biblista Bruno Maggioni, “il-martri ma jagħżilx il-mewt, imma jagħżel mod kif jgħix – jagħżel lil Ġesù Kristu”.

Dan l-istess ħsieb itennih il-ġenju lettararju T.S. Eliot meta jqiegħed fuq fomm il-martri Thomas Becket dan il-kliem: “Il-martri, il-qaddis, huwa dejjem proġett ta’ Alla, tal-imħabba tiegħu għall-bnedmin, biex jikkoreġihom u jmexxihom, biex ireġġagħhom fuq it-triqat tiegħu. Il-martirju qatt ma huwa xi ħaġa ppjanata mill-bniedem. Għax il-martri veru huwa dak li jsir strument ta’ Alla, dak li jitlef ir-rieda tiegħu biex jagħmel ir-rieda ta’ Alla; anzi, huwa ma jitlifx ir-rieda tiegħu, imma jsibha għax isib il-ħelsien meta joqgħod għal dak li jgħidlu Alla. Il-martri ma jkun jixtieq xejn għalih nnifsu, lanqas il-glorja tal-martirju”.

Il-martirju mhuwiex il-mument traġiku xħin wieħed jinqatel, imma huwa proċess ta’ ħajja li matulha l-bniedem ikun jgħix biss għal Alla. Fi kliem il-martri Charles de Foucauld il-martri huwa dak li “jbattal qalbu minn kollox minbarra ħaġa waħda: l-uniku teżor tiegħu li hu Alla. Ħa nbattlu qalbna minn kollox, anki mill-ġid spiritwali (anki mill-qaddisin), anki mill-istess grazzja ta’ Alla, nitbattlu minn kollox, biex inkunu kompletament mimlija b’Alla”. Għalhekk l-esperjenza tal-martirju ma tikkonsistix biss fil-mument tal-prova, imma hija esperjenza li titlaq mill-bogħod, fejn in-Nisrani jinnamra ma’ Kristu u gradwalment jitwaħħad miegħu. Fil-każ ta’ San Ġorġ, ma kienx l-imperatur Djoklezjanu li wasslu għall-martirju, imma kienu l-ġenituri tiegħu, Ġeronzju u Polikronja, flimkien mal-komunità ekkleżjali li trabba fiha, li għenuh ikun midħla ta’ Ġesù. F’dawn l-ambjenti Nsara, il-familja u l-Knisja, San Ġorġ trawwam u sar suldat tal-azzar ta’ Kristu. Ma kienx ikun kapaċi jħallas il-prezz għoli tal-martirju kieku San Ġorġ ma fehemx li ma setax ikun Nisrani ta’ nofs kedda u li ma jingħaddx ma’ dak li l-Papa Franġisku jsejjaħlu Kristjaneżmu “low cost”.

B’xorti ħażina għal ħafna Nsara, it-twemmin Nisrani huwa kategorija low cost, jew fi kliem Dietrich Bonhoeffer, teologu Luteran u martri tan-Nażiżmu, il-ħajja tal-grazzja hija rħisa – grazia a buon mercato. Ħafna huma konvinti li l-grazzja tmur bir-rabazz! Il-Grazzja rħisa tfisser meta ma nagħmlu ebda impenn biex nimxu wara Ġesù. Il-Grazzja hija rħisa meta ninsa lil Kristu. Il-Grazzja hija rħisa meta niġi naqa’ u nqum mill-Vanġelu u ma nfittixx li nfassal ħajti fuqu. Il-Grazzja hija rħisa meta s-sagramenti jitilfu t-tifsira tagħhom u jsiru xi ħaġa b’tifsira soċjali, kulturali u tradizzjonali. Il-Grazzja hija rħisa meta nittraskura l-Ewkaristija (il-quddiesa). Il-Grazzja hija rħisa meta kollox jgħaddi – meta d-dnub jitlef kull tifsira u nidra ngħix fid-dnub. Fi kliem Bonhoeffer, “il-Grazzja hija rħisa meta naħsbu li jinħafrulna d-dnubiet mingħajr indiema u penitenza; meta naħsbu li nistgħu nitgħammdu mingħajr ma noqogħdu għad-dixxiplina tal-komunità; meta naħsbu li nistgħu nersqu għall-Ikla mingħajr ma nqerru dnubietna; meta naħsbu li nistgħu nirċievu l-assoluzzjoni mingħajr ma nagħmlu l-istqarrija tan-nuqqasijiet tagħna”. Forsi hija l-familjarità żejda li għandna mal-misteru, ma’ Ġesù Kristu u mal-qaddisin li wasslitna biex waqqajna daqshekk il-valur tal-grazzja!

Bonhoeffer jgħid li “la grazia a buon prezzo è la nemica mortale della nostra Chiesa!”. Għaldaqstant għandna bżonn niskopru li l-grazzja mhix daqshekk cheap (low cost), imma tiswa prezz għoli. Din il-grazzja tiswa għax aħna ġejna mixtrija bl-għoli bid-demm ta’ Kristu (1 Kor 6:20)! Din il-grazzja tiswa għax min irid jimxi wara Ġesù għandu jerfa’ salibu ta’ kuljum u jimxi wara Ġesù. Din il-grazzja tiswa għax bħall-bidwi tal-parabbola li sab it-teżor, mar u biegħ kulma kellu (anki l-affarijiet għeżież li kellu) biex jikseb dak it-teżor (Mt 13)! Din il-grazzja tiswa għax lill-bniedem tiswielu ħajtu.

Il-martri huwa xhieda ta’ kemm il-grazzja għandha prezz għoli. Biex ma jitlifx dan it-teżor, San Ġorġ ma żamm xejn għalih, lanqas ħajtu stess! San Ġorġ ħallas bl-aqwa ħaġa li kien jippossedi (ħajtu), biex illum qiegħed fil-glorja. Għax kif jgħid it-teologu Leonardo Boff, filwaqt li l-grazzja hija “l-glorja fl-eżilju”, il-glorja hija l-grazzja fid-dar tal-Missier!

Anki għalina l-esperjenza tal-martirju hija konferma ta’ xi kwalità ta’ twemmin inħaddnu – jekk huwiex a buon prezzo jew a caro prezzo! Għaliex barra l-martirju l-aħmar (tad-demm), hemm dak li jissejjaħ “il-martirju l-abjad”. Skont Mons. Pierre Claviere, Isqof ta’ Orano fl-Alġerija li nqatel fl-1 ta’ Awwissu 1996, “il-martirju l-abjad huwa dak li wieħed ifittex jgħix jum wara jum billi jagħti ħajtu qatra qatra b’ħarsa, billi jkun preżenti għall-oħrajn, bi tbissima, bl-attenzjoni, billi jagħmel qadja, bix-xogħol… b’dak kollu li wieħed jagħmel biex ħajtu tkun għotja lill-oħrajn. F’dawn iċ-ċirkustanzi d-disponibbiltà ssir martirju. L-importanti hu li wieħed ma jżommx ħajtu għalih innifsu. Min ifassal ħajtu b’dan il-mod, ikun jgħix l-Ewkaristija”. Kemm kellu raġun Illarju minn Poitiers, li kien Isqof fl-epoka ta’ San Ġorg, meta qal: “Illum irridu neħduha kontra persekutur li huwa aktar aħrax… li ma jaqtgħalniex rasna bix-xabla, imma joqtol ir-ruħ bil-flus”. Illum ngħixu l-martirju meta nirreżistu l-ispirtu tad-dinja biex ngħixu l-Vanġelu (ara l-meditazzjoni tiegħi “Għaddejna mill-mewt għall-ħajja”).

Tifsira oħra ta’ dan “il-martirju l-abjad” jagħtihielna d-Dumnikan Timothy Radcliffe: Illum huwa martri dak l-għalliem li jibqa’ sa tard billejl jipprepara tajjeb il-lezzjoni biex lill-istudenti jagħtihom l-aħjar li jista’! Huwa martri dak li sinċerament jgħid dak li jaħseb, anki jekk dan jista’ jħassarlu l-karriera jew itellfu x-xogħol.

Fi kliem ieħor, meta x-xhieda li nagħtu tal-Vanġelu tiswielna sagrifiċċju, aħna nkunu nagħmlu esperjenza tal-martirju.

Għeżież devoti ta’ San Ġorg, nitolbu lill-Patrun tagħna jidħol għalina quddiem Alla biex fuq l-eżempju tiegħu aħna nixxennqu biex ħajjitna tkun martirju. Huwa minnu li l-martirju jitlob minna prezz għoli, imma hekk biss nara futur għall-Knisja tagħna. Huwa minnu li nistgħu naqtgħu qalbna għax l-isfida hija kbira, imma b’San Ġorġ jilma quddiemna aħna nimtlew bil-qawwa u l-kuraġġ. Kif jgħid il-Papa San Ġwanni Pawlu II, fl-ewwel żminijiet il-Knisja mxiet ’il quddiem mhux tant għax Kostantinu taha l-libertà u konċessjonijiet oħra, imma għax kien hemm iż-żerriegħa tal-martri, fosthom tal-Martri San Ġorġ. Illum ukoll il-futur tal-Knisja lokali ma jiddependix minn kemm konċessjonijiet jagħtiha “Kostantinu”, imma skont kemm għandna Nsara martri. Ħa tkun iż-żerriegħa ta’ din il-qdusija li ssebbaħ u tagħni lill-Knisja tagħna.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.