ĠESÙ ĦARAB IL-GLORJA TA’ DIN ID-DINJA

Print Friendly, PDF & Email

13. Il-Ġimgħa wara t-Tieni Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Imma Ġesù, meta fehem li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, reġa’ warrab waħdu fuq il-għoljiet (Ġw 6, 15).

Din is-silta hija meħuda mill-Vanġelu ta’ San Ġwann fejn jirrakkonta kif Ġesù kattar il-ħobż u tema’ lill-folla.

Quddiem dan il-miraklu hekk kbir, in-nies riedu jagħmluh sultan iżda huwa warrab waħdu lejn l-għoljiet. Hawnhekk naraw li l-glorja li jitkellem minnha Ġesù mhix ta’ din id-dinja. Meta kien fid-dinja ħajjet Kristu kienet kollha slaleb u tbatijiet. Twieled fl-għar ta’ Betlem fejn marru jżuruh ir-ragħajja, u miet fuq is-salib bejn żewġ ħallelin u fost tgħajjir u insulti.

Ġesù jgħallimna li l-glorja ta’ din id-dinja tista’ tfixkel lill-bniedem milli jimxi warajh. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa nsibu: “Imma ħażin għalikom, ja għonja, għax intom ħadtu l-faraġ tagħkom” (6, 24). Hawnhekk Kristu mhux jikkundanna l-ġid fih innifsu iżda l-użu ħażin tiegħu, billi l-bniedem ma jibqax jafda f’Alla li hu providenza għax jittama aktar fil-flus u fl-unuri ta’ din id-dinja.

Ta’ min jiftakar li Ġesù jgħidilna li jkun miexi tassew warajh min jgħaddi mit-triq tat-tbatija għas-saltna tiegħu u mhux għal xi skop van. Jekk naqbdu l-Vanġelu ta’ San Luqa naqraw: “Imberkin intom meta jobogħdukom in-nies, meta jxerrdukom u jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħala ħażin minħabba Bin il-bniedem. Ifirħu f’dak il-jum u thennew għax, ara ħlaskom kbir fis-smewwiet; hekk ukoll għamlu missirijietkom lill-profeti” (6, 22).

Kristu, għalkemm warrab l-unuri, b’daqshekk ma spiċċax Ismu. Fit-tielet jum qam rebbieħ biex ma jmutx aktar. Ta’ min isemmi li anki l-qawmien tiegħu ma sarx b’mod spettakulari iżda kif jgħidilna l-Exultet sar fis-satra tal-lejl, qabel is-sebħ.

Il-wirja glorjuża ta’ Kristu sseħħ b’mod trijonfanti meta jerġa’ jiġi biex jiġbor il-frott tal-fidwa, “meta jiġi fil-glorja” kif nistqarru fil-Kredu.

Leave a Reply

%d bloggers like this: