Vanġelu (Ġw 13. 31-35): Is-silta tal-lum toħodna lura għall-Aħħar Ċena. Dan għaliex Ġesu’ għamel diskors twil li Ġwanni jaqsmu f’erba’ kapitli. Hu diskors importanti għax fih insibu l-aħħar struzzjonijiet tal-Imgħallem lid-dixxipli tiegħu. Meqjus ukoll bħala t-Testment qaddis ta’ Ġesu’ li kull Nisrani għandu jaqra u jirrifletti fuqu b’ċertu fervur, bħala l-aħħar xewqat li esprima Kristu qabel ma mar għall-mewt. In fatti huwa ġabra tat-tagħlim kollu tiegħu u turija ta’ kif offra ħajtu bħala rigal lill-umanita’.
- “Issa Bin il-bniedem huwa msebbaħ.” Dal-verb ‘imsebbaħ’ (glorifikat) insibuh ħames darbiet f’dis-silta. Ħafna jaħsbu li dak ma kienx il-mument fejn wieħed jitkellem fuq ‘glorja’. Mela ħa naraw il-fatti: Ġuda ħareġ barra fid-dlam, għax ma ħalliex li jkun immexxi mid-dawl tal-Imgħallem. M’għoġbitux il-proposta ta’ Ġesu’ għax din kienet se tqalleb l-ordni soċjali, politiku u reliġjuż tal-pajjiż. Anki għax Ġesu’ ppreżenta Alla differenti minn dak tar-rabbini. Ma setgħax iniżżilha li dixxiplu jrid ikun seftur tal-oħrajn kollha. L-anqas Ġesu’ ma rnexxielu jibdillu qalbu. Żgur li, bit-telfa ta’ Ġuda, Ġesu’ ħassu fallut. Għax, wara kollox, l-anqas id-dixxipli l-oħra ma kienu konvinti bis-sħiħ fuq il-missjoni tiegħu. Kieku dil-ħaġa ġrat lilna, naħseb li konna nirrabjaw għalih u nisħtuh. Għal kuntrarju, Ġesu’, għalkemm iddispjaċut, ma juri l-ebda disprezz u ma jlissen l-ebda kelma kontra Ġuda.
- F’dal-kuntest Ġesu’ jagħti lid-dixxipli tiegħu kmandament ġdid, bl-isbaħ kliem ta’ mħabba li setgħu joħorġu minn fommu. Din l-imħabba perfetta se jixhed għaliha b’ħajtu. Hawn għandna messaġġ għalina d-dixxipli tal-lum. Fl-isforzi tagħna biex inwasslu l-messaġġ ta’ Kristu għal dinja ġdida, sikwit niltaqgħu ma’ min iwaqqa’ għaċ-ċajt l-akbar valuri qaddisa (e.g. il-fidi, ż-żwieġ u l-familja, il-fedelta’ fiż-żwieġ), joffri ż-żgħażagħ kull tlellix biex ibegħidhom mill-Knisja u jgħajjarna antikwati, b’moħħna magħluq, eċċ. Ġesu’ jistedinna biex lil dawn nirrisponduhom mhux b’xi disprezz jew saħta, imma billi nilħqu l-quċċata tal-imħabba, e.g. inħobbu lil min qed jippersegwitana u min jagħmlilna l-bsaten fir-roti. Inħobbuh kif Kristu ħabb lil Ġuda.
- Fadal ftit siegħat biex Ġesu’ jiġi arrestat. Kif qed jitkellem fuq glorja? Aħna, li writna din l-ideja mill-Griegi, nistennew il-glorja wara xi rebħa kbira, xi suċċess fenomenali jew xi avveniment li jagħmilna famużi. Niftakru li x-xitan kien ittanta lil Ġesu’ ukoll fuq hekk: “Dawn kollha jkunu tiegħek jekk tadurani, i.e. timxi fuq il-pariri tiegħi, tirfes fuq id-dgħajfa, tigdeb, eċċ.” Ġesu’ ma ċediex għal dan l-ingann għax dan mhux glorja imma vanaglorja, i.e. frugħa supperva. Din ħaġa ddestinata li tispiċċa fix-xejn. Imma l-vera glorja, dik li tgħodd f’għajnejn Alla, insibuha fil-Bibbja. Ġejja minn kelma Griega li tfisser ‘piż’. Min għandu dil-glorja, kliemu jkun fihom il-piż, fihom x’tomgħod u għalhekk jiġu milqugħa b’rispett. Dal-kliem, skont il-Bibbja, m’huwiex tiben li jtir mar-riħ, imma żerriegħa tal-qamħ li fiha l-piż, li tibqa’ u li tagħti l-għixien għall-ħajja. Għalhekk, mela, Ġesu’ qed jgħid: “Issa hu l-mument ta’ glorja.”
- “Ħobbu lil xulxin.” Ġesu’ jsejjaħ lid-dixxipli u lilna ‘uliedi’ (teknia:uliedi ċkejknin) għax f’dal-mument fejn qed iħallilna t-testment tiegħu, qisu bħal dak il-missier li jippretendi li uliedu jsiru jixbħuh f’kollox, jagħmlu bħalu u jimxu fuq il-kriterji u l-prinċipji tiegħu. Dan kollu Ġesu’ ġabru f’sentenza waħda: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.” Xi wħud forsi ppretendew li jħallilna bakketta maġika biex insolvu l-problemi kollha tagħna. Imma Ġesu’ ried li l-mirakli jseħħu ma’ min jisma’ kelmtu u jbiddel ħajtu: din transformazzjoni tassew mirakuluża. Flus u ġid ieħor ma kellux xi jħallilna. Għalhekk tana mhux suġġeriment imma kmandament ġdid. Dan m’għandux jitħalla miktub fuq karta jew tavla tal-ġebel, imma mnaqqax fuq qalbna. Min jagħmel hekk jikseb identita’ ġdida, divina u eterna li jibda jgħixha minn issa stess. Ħajja bħal din issir kmandament, i.e. mhux xi ħaġa mposta minn barra taħt piena ta’ kastig, imma wieħed iħoss minn ġewwa fih il-bżonn li ma jistax jagħmel mod ieħor ħlief iħobb kif iħobb il-Missier. Il-Levitiku, Seneka, Konfuċju u oħrajn kienu ġa qaluha din: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” Mela x’hemm ġdid f’dal-kliem ta’ Ġesu’? Li nħobbu mhux biss kif inħobbu lilna nfusna imma kif suppost iħobbu ulied Alla: “Kif ħabbejtkom jien.” U kif wera mħabbtu Hu? B’hekk inkabbru fuq l-art it-tama. Ħadd ma jista’ jħobb aktar minn hekk, u ebda kmandament ġdid ieħor ma jista’ jeħodlu postu: “ Minn hekk nixtieq li n-nies jagħrfu li intom dixxipli tiegħi, meta jarawkom tħobbu lil xulxin.”
Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini