ĠESÙ HUWA L-IBEN TA’ ALLA


 

24. It-Tlieta wara r-Raba’ Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda (Ġw 10,30).

F’dan il-vers Ġesù jistqarr li hu u l-Missier huma ħaġa waħda, jiġifieri għandhom rabta mill-aktar kbira kif qal: “Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija” (Ġw 14,11).

Infatti Ġesù ġie fid-dinja biex jagħmel ir-rieda ta’ Missieru kif insibu fl-Ittra lil-Lhud: “Għalhekk, meta daħal fid-dinja, Kristu qal: ‘Sagrifiċċju u offerta Int ma ridthomx: imma sawwartli ġisem. Vittma tal-ħruq, vittma tal-ħtija ma jogħġbukx. Imbagħad għidt: Hawn jien ġej! Fil-ftuħ tal-ktieb hemm miktub fuqi, biex nagħmel, O Alla, ir-rieda tiegħek” (10, 5-7).

Ġesù baqa’ jqis li x-xogħol tiegħu huwa li jagħmel ir-rieda ta’ Missieru. Anki l-passjoni qiesha bħala rieda ta’ Alla. Huwa qal li se jixrob il-kalċi li tah Missieru. Ma qagħadx iwaħħal fir-ras iebsa tal-kapijiet tal-poplu, jew fil-għira tax-xitan. Kien jimpurtah biss li jwettaq ir-rieda tal-Missier.

Ġesù f’din id-dinja pprietka lill-Missier tant li wasal biex qal: “Min jara lili jara lil Missieri” (Ġw 14, 9). Tant kien iħossu magħqud miegħu li kien jgħaddi ljieli sħaħ jitlob. Hekk naraw l-identità ta’ Ġesù bħala dik tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Ħadd ma seta’ jifdina mid-dnub u mill-mewt ħlief persuna divina u Ġesù ġie f’din id-dinja għal dan il-għan.

Ġesù wera li huwa Alla billi għamel mirakli kbar u qajjem mejtin mill-mewt. Iżda l-aqwa miraklu tiegħu kien il-qawmien mill-mewt. Jekk noqogħdu nirriflettu ftit naraw li anki l-profeti għamlu mirakli kbar iżda huma kienu jagħmluhom f’isem Alla, jew aħjar jagħmilhom Alla permezz tagħhom, għax miraklu Alla biss jista’ jagħmlu.

Min-naħa l-oħra Ġesù għamel il-mirakli f’ismu stess u l-ebda profeta ma qam mill-mewt. U proprju l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù huwa l-akbar miraklu, iżda mingħajr fidi lanqas naċċettawh, kif għamlu bosta għorrief fl-aħħar sekli. Min qalbu tkun magħluqa għall-imħabba u moħħu jkun magħluq għall-fidi sħiħa f’Ġesù, lanqas jekk jinżel anġlu mis-sema ma jikkonvinċih.