Direttur ġdid għal Fondazzjoni Sebħ


Il-Ġimgħa, 24 ta’ Mejju 2019: L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lis‑Sinjura Yvonne Mallia, social worker b’aktar minn 25 sena esperjenza fil‑qasam soċjali, bħala d‑Direttur il‑ġdid ta’ Fondazzjoni Sebħ.

65_yvonne_mallia.155868488464.jpg

Fondazzjoni Sebħ hija l‑għaqda mhux governattiva tal‑Knisja f’Malta li tieħu ħsieb madwar 40 tifel u tifla f’kura residenzjali u toffrilhom ambjent sigur, ta’ mħabba u ta’ trobbija li jipprovdi għall‑bżonnijiet tagħhom. Il‑fondazzjoni tgħin ukoll 13‑il familja li fil‑preżent jgħixu f’Dar Qalb ta’ Ġesù. Din id‑dar hi xelter għall‑vittmi tal‑vjolenza domestika u toffrilhom sigurtà u tama għal futur aħjar. Fondazzjoni Sebħ tmexxi wkoll childcare centre u servizz ta’ ħidma soċjali fil‑komunità fil‑Ħamrun u l‑Marsa.

Mallia tieħu post Andrew Azzopardi, li se jibqa’ fil‑Bord tal‑Amministrazzjoni u Kap tas‑Safeguarding Commission tal‑Knisja. Hu ddeskriva lil Mallia bħala persuna b’esperjenza wiesgħa u kompetenza għas‑servizz ta’ dawk li jirċievu l‑għajnuna mill‑Fondazzjoni Sebħ.

Yvonne Mallia bdiet il‑karriera tagħha b’ħidma diretta mat-tfal u l-familji u kompliet fi rwoli għolja ta’ tmexxija u maniġerjali. Qabel ma ssieħbet mal‑fondazzjoni, l‑irwol prinċipali tagħha kien dak ta’ Direttur tal‑Aġenzija Appoġġ, fejn kienet strumentali fl‑iżvilupp ta’ diversi servizzi ewlenin f’Malta. Is‑sena li għaddiet Mallia ngħaqdet ma’ Fondazzjoni Sebħ bħala Maniġer tas‑Servizzi tal‑Familja, fejn kienet tifforma parti mit‑tim ta’ tmexxija. Hija miżżewġa u għandha żewġt itfal.