ĠESÙ ĠABILNA L-ĦELSIEN VERU


36. Is-Sitt Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Sidna Ġesu Kristu permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu ħelisna mid-dnub u l-mewt, u dan hu l-akbar “ħelsien” li qatt nistgħu nakkwistaw.

Forsi wieħed jistaqsi xi jfisser dan. Nibdew mid-dnub. Qabel ma ġie Kristu l-bnedmin kienu jidinbu u komplew jidinbu wara l-mewt u l-qawmien tiegħu. Għalhekk sewwa nifhmu li Ġesù ma qeridx id-dnub fd-dinja iżda jagħtina l-grazzja biex nirbħu d-dnub. Il-ġlieda tibqa’ hemm kif ifisser San Pawl fl-ittra lir-Rumani, kapijiet 6-7-8.

Jekk Kristu miet biex jifdina mid-dnub huwa jridna li ngħixu fil-ħajja tal-grazzja. Id-dnub huwa minnu nnifsu jasar u flok jimla qalb il-bniedem aktar jiżvojtahielu. Kristu Rxuxtat jistieden lil kull bniedem biex ma jibżax quddiem id-dgħufija tiegħu iżda jara l-imħabba ta’ Alla li qiegħda tistiednu biex jikkonverti. Fil-Prekonju tal-Għid il-Knisja tkanta: “Xi ħtija hienja li sthaqqilha Feddej kbir bħal dan!”. Dan ma jfissirx li wieħed jista’ jħobb id-dnub u jagħmel il-ħażin apposta, imma li jħares lejn Kristu fid-dgħufija tal-ġibdiet ħżiena tiegħu.

Biex jeħlisna mill-jasar tad-dnub Sidna Ġesu Kristu sar qisu lsir għalina kif jgħidilna San Pawl: “Hu li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 6-7). Aħna wkoll għandna nċekknu lilna nfusna u ma nħallux is-suppervja tirbaħna.

Id-dnub huwa mewta spiritwali u għalhekk min jissara mad-dnub tiegħu u jagħmel rebħa jkun jissieħeb fil-misteru tal-Għid minn din id-dinja stess. Il-Profeta Isaija stess jgħidilna: “Għall-ħżiena, m’hemmx sliem, jgħid il-Mulej” (48, 22). Min jgħix fid-dnub ma jkollux is-sliem ta’ Alla f’qalbu.

Jekk Ġesù ma ħelisniex milli ngħaddu mill-mewt tal-ġisem, iżda bis-saħħa tal-mewt u l-qawmien Tiegħu ħelisna mill-mewt ta’ dejjem: “U kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” (Ġw 11, 26).