Kien Dawl għal ħafna


It-Tnejn, 27 ta’ Mejju 2019: Omelija fl-Anniversarju tat-twelid ta’ San Piju ta’ Pietrelcina mill-Isqof Awżiljarju Monsinjur Joe Galea Curmi fil-Parroċċa Trinità, Marsa.

L-Omelija fl-Anniversarju tat-twelid ta’ San Piju ta’ Pietrelcina – Fil-Parroċċa Trinità, Marsa.

KIEN DAWL GĦAL ĦAFNA

Franġisku hu isem li jfakkarna f’qaddisin speċjali fil-Knisja u fil-Papa preżenti. Franġisku kien l-isem ta’ Padre Pio qabel daħal il-kunvent ta’ sittax-il sena biex jissieħeb mal-Patrijiet Kapuċċini.

Aħna u niċċelebraw illum l-anniversarju (il-132 sena) tat-twelid tiegħu, tajjeb inħarsu lejn dan il-bniedem importanti fl-istorja reliġjuża Taljana imma wkoll dinjija.

Il-ħajja ordinarja

San Piju ta’ Pietrelcina (Padre Pio) kien qaddej ta’ Alla fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum, fis-servizz bħala saċerdot u reliġjuż Kapuċċin. Għal ħamsin sena baqa’ dejjem fl-istess post, San Giovanni Rotondo. Flok iċċaqlaq hu minn post għal ieħor, ġew in-nies għandu minn kull parti tal-Italja u tad-dinja.

Kien bniedem ta’ ħafna kariżmi minn Alla. Qatt ma uża dawn id-doni għalih innifsu imma dejjem għall-glorja ta’ Alla u għall-ġid tal-oħrajn.

Nixtieq li nħarsu lejn tliet karatteristiċi speċjali ta’ ħajtu li għandhom iservu ta’ ispirazzjoni għalina llum.

It-talb

Padre Pio kien bniedem ta’ talb. Ir-raġuni prinċipali tal-appostolat effettiv tiegħu – appostolat li ħalla tant frott – kienet l-għaqda tiegħu intima ma’ Alla permezz tat-talb. Jgħid Padre Pio: “It-talb hija ċ-ċavetta għal qalb ta’ Alla”. Kellu talb sempliċi u profond, bħat-talba tar-Rużarju li hu kien tant jirrakkomanda.

Il-quddiesa, l-isbaħ talba, kienet iċ-ċentru tal-ħajja tiegħu u kien jiċċelebraha b’devozzjoni kbira. Kien jagħti ħafna ħin għas-silenzju kontemplattiv waqt il-quddiesa.

Is-sejħa tiegħu lilna hi biex ngħixu dak li qalilna Ġesù: “Itolbu bla ma taqtgħu.” Aħna wkoll għandna nfittxu fit-talb dak il-mument speċjali meta niltaqgħu ma’ Alla u nsibu l-mistrieħ tagħna fih, meta nisimgħu lilu u kelmtu tagħmlilna kuraġġ, meta nitkellmu miegħu u hu jismagħna bil-qalb.

It-tbatija

Padre Pio f’ħajtu għadda minn ħafna mard sa minn meta kien tifel żgħir. Kellu wkoll it-tbatija tal-ġrieħi mqaddsa (l-istimmati) li rċevihom meta kellu 31 sena u baqa’ hekk għal ħamsin sena sal-aħħar ta’ ħajtu. Bihom ħa sehem mill-qrib fit-tbatija ta’ Kristu u l-fidwa tiegħu. Padre Pio għadda wkoll minn sofferenzi minħabba li kien hemm min ma fehmux u min ma apprezzax il-ġenwinità tiegħu.

Fi kliem San Ġwanni Pawlu II, dak inhar tal-kanonizzazzjoni ta’ Padre Pio: Hu wriena li d-diffikultajiet u s-sofferenzi tal-ħajja, jekk ngħixuhom bl-imħabba, jiġu mibdula fi triq speċjali għall-qdusija li tiftaħ għal xefaq ta’ ġid akbar, magħruf biss minn Alla.

Ma tistax tifhem il-qdusija ta’ Padre Pio mingħajr referenza għas-salib. Kif spjega hu stess: biex nilħqu l-għan aħħari fil-ħajja, irridu nsegwu lil Kristu fuq is-salib.

Dan imbagħad jiftħilna qalbna għal dawk li huma fil-bżonn, bħalma għamel Padre Pio li ħadem biex ikun ta’ sostenn u għajnuna lill-morda u lil dawk li kienu għaddejjin minn tbatija. Għalhekk waqqaf f’San Giovanni Rotondo d-Dar għas-serħan mit-tbatija (Casa Sollievo della Sofferenza). Hu kien jemmen bis-sħiħ li fil-morda u dawk li qed ibatu aħna naraw lil Ġesù stess li qalilna: “Dak kollu li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti tkunu qed tagħmluh miegħi.”

Il-ħniena ta’ Alla

Padre Pio wassal il-ħniena ta’ Alla permezz tas-Sagrament tal-Qrar. Din kienet tolqtok ħafna fil-ħajja tiegħu. Hu għadda sigħat twal iqarar, iħabbeb in-nies ma’ Alla. Ma’ dan, wieħed irid iżid ukoll il-fatt li kien gwida spiritwali għal tant nies li kienu jfittuxh. Folol kbar kienu jmorru għandu kemm biex iqerru kif ukoll biex jirċievu d-direzzjoni spiritwali.

Gruppi ta’ talb

Padre Pio kien jgħid: “Wara mewti, nagħmel aktar. Il-missjoni tiegħi vera tibda wara mewti.” Parti sew minn din il-missjoni ssibha fil-gruppi ta’ talb ta’ Padre Pio, mifruxa mad-dinja kollha u preżenti wkoll f’Malta. Dawn il-gruppi għandhom sejħa speċjali fil-Knisja u fis-soċjetà: li jgħixu l-ispiritwalità tiegħu.

Nitolbu lil Alla għalina lkoll, speċjalment għal dawk li huma attivi fil-gruppi ta’ talb ta’ Padre Pio, biex hu jkun dejjem ta’ eżempju u ta’ għajnuna bl-intereċessjoni tiegħu. Nitolbuh li d-dawl tiegħu jkompli juri lil ħafna t-triq li twassal għand Alla. Nitolbuh li jibqa’ għalina lkoll ta’ ispirazzjoni kbira fit-talb kontinwu bħala djalogu ta’ intimità ma’ Alla, fis-sofferenza li ngħixuha f’għaqda ma’ Kristu fuq is-salib, u fl-għarfien tal-ħniena ta’ Alla li aħna nilqgħuha fina l-ewwel u nwassluha lill-oħrajn billi nkunu xhieda tal-imħabba u l-ħniena tiegħu.

 Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju