Lectio Divina għas-Solennità tat-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema. Sena “Ċ”

Vanġelu (Lq 24, 46-53): Fis-silta tal-lum naraw l-aħħar laqgħa ta’ Ġesu’ mad-dixxipli tiegħu. Dawn kienu fiċ-Ċenaklu u d-dixxipli t’Emmaws kienu għadhom kif waslu u kienu qed jirrakkuntaw l-esperjenza tagħhom.  “Kif kienu għadhom jitħaddtu, Ġesu’ nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Il-paċi magħkom” (Lq 24, 36).  

Ninnutaw li Luqa ma jgħidx “dehrilhom” imbagħad “sparixxa”, imma “waqaf”, i.e. Hu ġa kien preżenti fil-Komunita’. F’ħin minnhom huma ntebħu bil-preżenza tiegħu. In fatti, ir-rejazzjoni tagħhom hi ftit stramba.  Minn flok infexxu jifirħu bih u jgħannquh, twerwru għax ħasbuh fantażma.  Dan għaliex s’issa ma setgħux jifhmu li Ġesu’ rxoxtat m’għadx għandu l-ġisem li kellu qabel il-mewt, i.e. ġisem suġġett għall-ġuħ, għatx, għeja, mard u mewt.  Issa għandu ġisem li mhu se jara qatt taħsir.  Din hi ħaġa li tagħmel parti mid-dinja Divina. Din diffiċli għalina llum biex nifhmuha għal kollox, aħseb u ara għad-dixxipli.  Il-Griegi u r-Rumani ta’ żmienhom kienu jemmnu li l-mejtin kienu jgħixu bħal larva (dud li għadhom kif faqqsu), bħal xi ħares jew fantażma.  Luqa juża dil-kelma tal-aħħar biex jagħmilha ċara li Ġesu’ ma kienx mejjet b’dan il-mod (fantażma) imma li qam tassew mill-imwiet.  Ġesu’ issa hu persuna ta’ veru, konkreta, li jista’ jiekol il-ħut mixwi.  Id-dixxipli, bid-dubji tagħhom, tħawdu wkoll għax, jekk irxoxta tassew, allura kellu raġun u l-proposta tiegħu ta’ dinja ġdida ta’mħabba jridha sseħħ bis-serjeta’.  Għalihom, Kristu fuq is-salib wera l-wiċċ t’Alla l-aktar baxx mhux l-Aktar Għoli għax poġġa ruħu għas-servizz tal-bnedmin. Dan mhux Alla qawwi li kienu tgħallmu fuqu, i.e. Alla li jivvendika ruħu fuq min ma jbaxxiex rasu għall-kmand tiegħu. Bil-qawmien tiegħu, Kristu qed jgħid il-kontra.

  1. Għalhekk Ġesu’ kellu jgħinhom biex jifhmu x’qed jiġri issa: “Hekk kien miktub (fl-Iskrittura) li l-Messija kellu jbati…” Biex jifhmu, kien meħtieġ li jiftħu moħħhom u qalbhom għall-Iskrittura, u mhux jaqrawha biss: “Kien fil-pjan t’Alla li jirrivela ruħu lill-poplu Lhudi, biex imbagħad dawn ikunu strument li jxerrdu dan id-Dawl mad-dinja kollha.  Għal dan il-għan, il-Messija kellu jbati, jmut u jqum fit-tielet jum (‘it-tielet’ hu simbolu ta’ konklużjoni ta’ ħajja li rnexxiet).  Mela, il-kitba tfisser li biex issalva ħajtek trid toffriha bħala rigal lill-oħrajn.  Din hi l-verita’ u l-qofol ta’ dil-kitba.  L-iskrittura kollha kienet preparazzjoni għal din il-verita’.”
  2. Effett ta’ dan, “lill-ġnus kollha tixxandar  f’ismi l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet.” Wara li d-dixxipli (u l-Insara tal-lum) jemmnu li Kristu rxoxta tassew, u allura jaċċettaw il-pjan li Hu fassal għall-bnedmin, jiħtieġ li jxandru l-indiema. Hemm bżonn ta’ konverżjoni li biha il-bniedem  jinbidel mill-qiegħ, u jibdel il-kriterji antiki ta’ egoiżmu u vjolenza f’dawk ta’ mħabba gratuwita.  Il-maħfra tad-dnubiet mhijiex xi gomma li tħassar xi kitba li tkun ktibt fuq karta minn barra, imma hija riżultat ta’ bidla fil-moħħ, fil-qalb, fil-kriterji u fil-valuri.   L-Aħbar Tajba li l-Komunita’ trid ixxandar hi li issa d-dnub ġie mirbuħ u meqrud, għax tilef is-saħħa tiegħu meta ġie f’konfront mal-qawwa ġdida li daħlet fid-dinja, il-qawwa tal-Ispirtu, tal-istess ħajja t’Alla nnifsu.   Allura min jidneb, kulma jiħtieġlu jagħmel hu li jikkonverti.  Kull biża’ ta’ “Alla li jikkastiga” trid tisparixxi, għax dil-ħajja Divina li daħlet fid-dinja se teqred id-dnub u l-konsegwenzi tiegħu.
  3. “Intom xhud ta’ dan.” Xhud mhux biss ta’ kulma qal Ġesu’, imma għax, wara li jqiegħdu kliemu fil-prattika f’ħajjithom ta’ kuljum,  se jseħħu prodiġji u mirakli.  Fejn jidħol il-Vanġelu, se tikber l-imħabba u l-paċi, u se jonqsu l-mibegħda u l-gwerer.
  4. “Imbagħad  ħadhom Betanja.”  Din mixja materjali imma wkoll spiritwali, għax fit-triq riedu jgħaddu mill-Ġetsemani.  Dan biex Ġesu’ jfakkarhom (i) fejn ħaditu l-mixja biex jagħtina ħajtu, u (ii) il-ħarba tad-dixxipli minn din il-proposta.  Betanja kienet simbolu ta’ komunita’ li laqgħet b’imħabba lilu u l-kelma tiegħu, li kienet ixxerred imħabba bla kundizzjonijiet, simbolizzata mill-vażett tal-alabastru miksur  biex isawwab nard ifuħ fuq ir-riġlejn għajjenin tal-fqir.
  5. “  u refa’ jdejh..”   Il-Vanġelu skont S. Luqa jispiċċa bħalma beda, fejn insibu lil Żakkarija jitlob fit-tempju u joffri l-inċens.  Imbagħad ħareġ barra  u refa’ jdejh biex ibierek lill-poplu.  Imma ma setax għax kien immuta.  Dan ifisser li issa l-barka mhux se tiġi aktar mis-saċerdoti tat-tempju imma se ssir fuq l-umanita’ kollha minn Kristu nnifsu, avolja għalissa ftit dixxipli biss aċċettawh. Il-bqija ma ħabbewhx, ma laqgħuhx.  Xorta waħda, qabel iħalli did-dija, ma jħallix warajh kastigi w theddid, imma barka.  Dan hu l-Wiċċ tal-Missier li Ġesu’ ġie jirrivela lill-bniedem. “Tbierek” tfisser “tagħti l-ħajja” għax Ġesu’  tana l-ħajja tad-Divin, tal-Etern.  Hu dejjem qal kliem ta’ barka, u qal lid-dixxipli biex qatt ma jlissnu kliem ta’ saħta  (li jwasslu għall-mewt) imma dejjem ta’  barka  (li jwasslu għall-ħajja). 
  6. “U kien imtella’ s-sema.” Il-Lhud kienu jaħsbu li hemm 7 smewwiet, waħda ‘l bogħod mill-oħra daqs mixja ta’ 500 sena.  Fuq dawn kien hemm it-tron t’Alla. Fi kliem ieħor, Ġesu’ ġie milqugħ fid-dinja definittiva t’Alla.  Il-messaġġ ċentrali hu: Minn dak kollu li Ġesu’ ta, ma tilef xejn, għax Hu ta mħabbtu kollha, imma farka waħda minn din l-imħabba la ntilfet u l-anqas tista’ tintilef.  Il-preżenza tad-dinja materjali tiegħu m’għadhiex aktar.  Imma Hu preżenti b’mod differenti u b’mod aktar qawwi, għax issa mhux limitat bi spazju u ħin.  Hu issa jinsab f’kull post kull ħin.  Din fehmuha d-dixxipli, għalhekk reġgħu lura Ġerusalem “mimlijin bil-ferħ.”  B’hekk Luqa jagħlaq il-Vanġelu kif bdieh: bil-ferħ li l-Anġlu,  bit-tħabbir tiegħu, ġab lil Żakkarija, lil Marija u lir-rgħajja.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini   

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading